“Jiena nemmen f’Alla”

Print Friendly, PDF & Email

1. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Benedittu XVI. 23 ta’ Jannar 2013

Għeżież ħuti,

F’din is-Sena tal-Fidi, nixtieq il-lum nibda nirrifletti flimkien magħkom fuq il-Kredu, jiġifieri fuq l-istqarrija solenni tal-fidi li takkumpanja l-ħajja tagħna li nemmnu.  Il-Kredu jiftaħ hekk: “Jiena nemmen f’Alla”.  Hi stqarrija fundamentali, li minn barra tidher sempliċi fl-essenzjalità tagħha, imma li tiftaħ lill-bniedem għad-dinja infinita tar-relazzjoni tiegħu mal-Mulej u mal-misteru tiegħu.  Li temmen f’Alla jimplika li taċċetta li jidħol f’ħajtek, li tilqa’ l-Kelma tiegħu u tobdi bil-ferħ ir-rivelazzjoni tiegħu.  .

Kif jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “il-fidi hi att personali: hi t-tweġiba ħielsa tal-bniedem għall-inizjattiva ta’ Alla li jirrivela lilu nnifsu” (nru 166).  Għalhekk, li aħna nistgħu ngħidu li nemmnu f’Alla, dan hu don – Alla jurina lilu nnifsu, jiġi jiltaqa’ magħna – u wkoll impenn, hu grazzja divina u responsabbiltà umana, esperjenza ta’ djalogu ma’ Alla li, minħabba fi mħabbtu, “jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb” (Dei Verbum, 2), jitkellem magħna sakemm, fil-fidi u bil-fidi, nistgħu nidħlu f’komunjoni miegħU.

Fejn nistgħu nisimgħu lil Alla u l-kelma tiegħu?  Fundamentalment hu fl-Iskrittura Mqaddsa li l-Kelma ta’ Alla nistgħu nisimgħuha u ssir ikel għall-ħajja tagħna ta’ “ħbieb” ta’ Alla.  Il-Bibbja kollha tirrakkonta kif Alla wera ruħu lill-bnedmin; il-Bibbja kollha titkellem dwar il-fidi u tgħallem il-fidi billi tirrakkonta ġrajja li fiha Alla jwettaq il-pjan tiegħu tal-fidwa u jersaq qrib tagħna l-bnedmin, permezz ta’ tant figuri jixegħlu ta’ persuni li jemmnu fiH u jafdaw ruħhom f’idejH, sa ma tasal il-milja tar-rivelazzjoni fil-Mulej Ġesù.

F’dan ir-rigward, hu sabiħ ħafna l-kapitlu 11 ta’ l-Ittra lil-Lhud, li għadna kemm smajna.  Hawn l-awtur jitkellem dwar il-fidi u jpoġġi taħt il-lenti l-figuri kbar Bibliċi li għexuha, biex hekk saru mudell għal dawk kollha li jemmnu.  Jgħid hekk it-test fl-ewwel vers: “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (11:1).  Mela l-għajnejn tal-fidi huma kapaċi jaraw dak li ma jidhirx u l-qalb ta’ min jemmen tista’ tittama ’l hemm minn kull tama, l-istess bħal Abraham, li dwaru Pawlu fl-Ittra lir-Rumani jgħid li “meta ma kellu ebda tama, ittama u emmen” (4:18).

U propju fuq Abraham li nixtieq nieqaf u niġbed l-attenzjoni tagħna, għax hu l-ewwel figura importanti li għaliha għandna nirriferu meta nitkellmu dwar il-fidi f’Alla: Abraham, il-Patrijarka kbir, mudell eżemplari, missier ta’ dawk kollha li jemmnu (ara Rum 4:11-12).  L-Ittra lil-Lhud hekk tippreżentah: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.  Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu ta’ l-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla” (11:8-10).

L-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud hawn qed jirriferi għas-sejħa ta’ Abraham, irrakkontata fil-Ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja.  X’jitolbu Alla lil dan il-Patrijarka?  Jitolbu biex jitlaq u jħalli warajh lill-istess artu biex jimxi lejn pajjiż li kellu jurih hu: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik” (Ġen 12:1).  Kif konna nwieġbu aħna għal stedina bħal din?  Fil-fatt, dan hu tluq fid-dlam, mingħajr ma jaf lejn fejn sa jmexxih Alla; hi mixja li titlob ubbidjenza u fiduċja radikali, li l-fidi biss tista’ twassal għalihom.  Imma d-dlam ta’ dak li m’hux magħruf – lejn fejn sa jmur Abraham – jiġi ċċarat mid-dawl ta’ wegħda; mal-kmand tiegħu Alla jżid kelma ta’ ċertezza li tiftaħ quddiem Abraham futur ta’ ħajja fil-milja tagħha: “Jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek… u jitbierku bik it-tribujiet kollha ta’ l-art” (Ġen 12:2,3).

Fl-Iskrittura Mqaddsa, il-barka hi marbuta l-ewwel u qabel xejn mar-rigal tal-ħajja li jiġi minn għand Alla u jidher fuq kollox fil-fertilità, f’ħajja li titkattar, li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.  U ma’ din il-barka hi marbuta wkoll l-esperjenza ta’ li wieħed ikollu art tiegħu, ta’ post stabbli fejn jgħix u jikber fil-libertà u ċ-ċertezza, fil-biża’ ta’ Alla, huwa u jibni soċjetà ta’ bnedmin fidili lejn il-Patt, “saltna ta’ qassisin u ġens qaddis” (ara Eż 19:6).

Għalhekk Abraham, fil-pjan divin, hu destinat li jsir “missier kotra kbira ta’ ġnus” (Ġen 17:5; ara Rum 4:17-18) u biex jidħol jgħix f’art ġdida.  B’danakollu, martu Sara hi sterili, ma jistax ikollha tfal; u l-pajjiż li lejh Alla qed imexxih hu mbiegħed minn art twelidu, diġà hemm jgħixu fih ġnus oħra, u qatt m’hu sa jkun tiegħu tassew.  In-narratur Bibliku jagħfas fuq dan il-fatt, anki jekk b’ħafna diskrezzjoni: meta Abraham wasal fil-post tal-wegħda li saritlu minn Alla, “dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art” (Ġen 12:6).  L-art li Alla jagħti lil Abraham m’hix tiegħu, hu barrani fiha u hekk sa jibqa’ għal dejjem, b’dak kollu li dan iġib miegħu: f’moħħok ma jkollokx miri li tippossedi, tħossok dejjem fqir, tara kollox bħala don.  Din hi wkoll il-kundizzjoni spiritwali ta’ min jaċċetta li jimxi wara l-Mulej, ta’ min jiddeċiedi li jitlaq biex jilqa’ s-sejħa tiegħu, taħt is-sinjal tal-barka tiegħu, barka li ma tidhirx imma hi qawwija.  U Abraham, “missier ta’ dawk li jemmnu”, jilqa’ din is-sejħa, bil-fidi.  Jikteb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skond ma kien intqal lilu: ‘Hekk għad ikun in-nisel tiegħek’.  U ma naqasx fil-fidi tiegħu, anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf Sara.  Quddiem il-wegħda ta’ Alla ma qagħadx italla’ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu” (Rum 4:18-21).

Il-fidi twassal lil Abraham biex jagħmel mixja paradossali.  Hu jkun imbierek imma mingħajr is-sinjali viżibbli ta’ din il-barka: jilqa’ l-wegħda li jsir ġens kbir, imma b’ħajja mmarkata mill-isterilità ta’ martu Sara; iħalli lil min imexxih lejn pajjiż ġdid, imma hemm ikollu jgħix ta’ barrani; u l-unika pussess ta’ art li jitħalla jkollu jkun biċċa għalqa biex fiha jidfen lil Sara (ara Ġen 23:1-20).  Abraham jiġi mbierek għax, bil-fidi, jaf jiddixxerni l-barka divina u jmur ’l hemm minn dak li jidher, jafda fil-preżenza ta’ Alla anki meta triqatU jidhrulu misterjużi.

Xi jfisser dan għalina?  Meta nistqarru “Jiena nemmen f’Alla”, bħal Abraham inkunu ngħidulu: “Jiena nafda fiK; nafda ruħi f’idejK, Mulej”, imma mhux bħala Xi Ħadd li għandi ndur lejh fil-mumenti iebsin jew niddedikalu xi ftit ħin mill-ġurnata jew mill-ġimgħa tiegħi.  Meta ngħid “Jiena nemmen”, dan ifisser li nibni ħajti fuqU, inħalli l-Kelma tiegħu torjentaha kull jum tagħha, fl-għażliet konkreti, mingħajr ma nibża’ li ħa nitlef xi ħaġa minni nnifsi.  Meta, fir-Rit tal-Magħmudija, għal tliet darbiet issir il-mistoqsija: “Temmnu?” f’Alla, f’Ġesù Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja Mqaddsa Kattolika u fil-veritajiet l-oħra tal-fidi, it-tweġiba għal tliet darbiet hi fis-singular: “Nemmen”, għax hi l-eżistenza personali tiegħi li bid-don tal-fidi jeħtieġ tara bidla fid-direzzjoni, hi l-eżistenza tiegħi li trid tinbidel, tikkonverti.  Kull darba li nieħdu sehem f’xi Magħmudija, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna kif qed ngħixu ta’ kuljum id-don kbir tal-fidi.

Abraham, dak li emmen, jgħallimna x’inhi l-fidi; u, barrani fuq din l-art, jurina liema hu l-veru pajjiż tagħna.  Il-fidi tagħmilna pellegrini fuq din l-art, parti mid-dinja u mill-istorja, imma mexjin lejn is-Sema pajjiżna.  Għalhekk jekk nemmnu f’Alla, għandna f’idejna valuri li spiss ma jaqblux mal-moda u l-opinjoni tal-mument, li jitolbu minna li naddottaw kriterji u nagħmlu tagħna mġibiet li ma jappartienux għall-mod komuni kif jaħseb ħaddieħor.  In-Nisrani m’għandux jibża’ li jmur “kontra l-kurrent” biex jista’ jgħix il-fidi tiegħu, jirreżisti t-tentazzjoni li “jsir uniformi”.  F’ħafna soċjetajiet tal-lum, Alla sar “l-akbar assenti” u minfloku għandna ħafna idoli, idoli ta’ kull xorta, u fuq kollox il-pussess tal-ġid u l-“jien” awtonomu.  U anki l-istess progressi pożittivi tax-xjenza u tat-teknoloġija, li huma ta’ min ifaħħarhom, nisslu fil-bniedem illużjoni ta’ omnipotenza u awtosuffiċjenza, u s-sens dejjem jikber ta’ egoċentriżmu ġab mhux ftit żbilanċi qalb ir-relazzjonijiet interpersonali u l-imġibiet soċjali.

U safrattant, l-għatx għal Alla (ara Salm 63:2) ma spiċċax u l-messaġġ tal-Vanġelu jibqa’ jidwi fil-kliem u l-opri tajba ta’ tant irġiel u nisa ta’ fidi.  Abraham, missier dawk kollha li jemmnu, jibqa’ l-missier ta’ tant ulied li jaċċettaw li jimxu fuq il-passi tiegħu u jibdew mexjin, fl-ubbidjenza tas-sejħa divina, b’fiduċja fil-preżenza kollha tjieba tal-Mulej, u jilqgħu l-barka tiegħu biex isiru barka għal kulħadd.  Hu għal din id-dinja mbierka mill-fidi li lkoll aħna msejħin, biex nimxu bla biża’ wara l-Mulej Ġesù Kristu.  U din hi mixja kultant iebsa, li tħabbat wiċċha wkoll mal-prova u l-mewt, imma li hi miftuħa għall-ħajja, f’bidla radikali tar-realtajiet li l-għajnejn tal-fidi biss kapaċi jaraw u jiggustaw b’mod sħiħ.

Għalhekk, l-istqarrija tagħna “Jiena nemmen f’Alla” timbuttana biex kontinwament noħorġu minna nfusna, sewwa sew bħal Abraham, biex fir-realtajiet ta’ kuljum li fihom ngħixu, inqiegħdu ċ-ċertezza li tiġina mill-fidi: iċ-ċertezza tal-preżenza ta’ Alla fl-istorja, anki l-lum; preżenza li ġġib il-ħajja u s-salvazzjoni, u tiftaħna għal futur flimkien miegħU għall-milja tal-ħajja li ma tafx b’għabex.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading