Il-Papa f’Santa Marta: F’isem Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 5 ta’ April 2013: L-isem ta’ Ġesù biss huwa s-salvazzjoni tagħna. Hu biss jista’ jsalvana u ħadd iktar. Wisq inqas is-sħaħar moderni bil-profeziji improbabbli  tal-karti tal-logħob li jsaħħruna u jilludu lill-bniedem modern. Proprju fuq l-isem ta’ Ġesù l-Papa Franġisku ċċentra r-riflessjoni proposta fl-għodwa tal-5 ta’ April 2013, il-Ġimgħa tal-Ottava tal-Għid, fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, fil-preżenza tas-sedjarji pontifiċji u ta’ responsabbli, dipendenti u reliġjużi tal-Fatebenefratelli li jaħdmu fl-Ispiżerija Vatikana.

Il-Papa ħa spunt b’mod partikolari mill-ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli (4, 1-12), biex jirrifletti fuq il-valur u s-sinifikat tal-isem ta’ Ġesù. Is-silta tirrakkonta l-episodju ta’ Pietru u Ġwanni li, arrestati għaliex ħabbru f’Ġesù il-qawmien mill-imwiet, jiġu mkarkrin quddiem is-Sinedriju. Għall-mistoqsija fuq għaliex kienu fejqu liz-zopp qrib il-bieb tat-Tempju, Pietru wieġeb: ‘Għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù Kristu.’ Fl-isem ta’ Ġesù, irrepeta l-Papa, waqt li żied li Hu hu s-Salvatur: dan l-isem, Ġesù. Meta wieħed jgħid ‘Ġesù’, huwa proprju Hu, jiġifieri dak li jagħmel il-mirakli. U dan l-isem jakkumpanjana fil-qalb.

Ukoll fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, żied il-Papa, l-Appostli, imħawdin meta l-Mulej talabhom xi ħaġa x’jieklu għaliex ma kienu qabdu xejn tul il-lejl kollu, weġbuh li le b’mod aktarx kemxejn goff. Imma meta l-Mulej qalilhom, ‘Itfgħu x-xibka fuq il-lemin tad-dgħajsa u ssibu,’ forsi ħasbu f’dik id-darba meta l-Mulej kien qal lil Pietru biex imur jistad u huwa kien proprju wieġbu: ‘Ma qbadna xejn il-lejl kollu imma f’ismek jiena se mmur!’

Imbagħad, waqt li reġa’ lura lejn l-Atti tal-Appostli, il-Papa Franġisku spjega li Pietru jirrivela verità meta jgħid ‘għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù’ għaliex huwa jwieġeb ispirat mill-Ispirtu s-Santu. Infatti kompla, ‘Aħna ma nistgħux nistqarru lil Ġesù, ma nistgħux nitkellmu dwar Ġesù, ma nistgħu ngħidu xejn dwar Ġesù mingħajr l-Ispirtu s-Santu.’ Huwa proprju l-Ispirtu s-Santu li jimbuttana biex nistqarru lil Ġesù jew biex nitkellmu dwar Ġesù jew biex ikollna fiduċja f’Ġesù. U huwa proprju Hu li jkun qribna fil-mixja ta’ ħajjitna, dejjem.

Il-Papa mbagħad irrakkonta esperjenza personali tiegħu, marbuta ma’ tifkira ta’ raġel, missier tmien ulied, li jaħdem fil-kurja arċiveskovili ta’ Buenos Aires. Huwa qal li qabel ma joħroġ, qabel ma kien imur biex jagħmel xi ħaġa li kien ikollu jagħmel, dan kien dejjem ilissen bejnu u bejn ruħu: ‘Ġesù’. Darba minnhom staqsejtu: Imma għaliex dejjem tgħid ‘Ġesù’? ‘Meta jien ngħid Ġesù,’ weġibni dan ir-raġel umli, ‘inħossni qawwi, inħossni li nista’ naħdem, għax naf li hu jkun maġenbi, li hu jieħu ħsiebi.’ Madankollu, saħaq il-Papa, dan ir-raġel ma studjax teoloġija: għandu biss il-grazzja tal-Magħmudija u l-qawwa tal-Ispirtu. Il-Papa Franġisku stqarr lil dawk preżenti li din ix-xhieda ta’ dak ir-raġel lilu għamlitlu tant tajjeb. L-isem ta’ Ġesù. M’hemm ebda isem ieħor. Forsi din ix-xhieda tagħmlilna tajjeb lilna wkoll, aħna li ngħixu f’dinja li toffrilna tant ‘salvaturi’.

Kultant, meta jkun hemm diversi problemi, innota l-Qdusija Tiegħu, il-bnedmin jafdaw ruħhom mhux lil Ġesù, imma lil realtajiet oħra. Saħansitra jirrikorru għal sħaħar sedutturi sabiex isolvu s-sitwazzjonijiet; jew inkella jmorru jikkonsultaw il-karti tax-xorti biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Imma billi nirrikorru għand is-sħaħar u għall-karti tax-xorti ma nsibux is-salvazzjoni: din tinsab fl-isem ta’ Ġesù. U hemm bżonn li nagħtu xhieda ta’ dan! Hu huwa l-uniku salvatur.

Il-Papa mbagħad irrefera għar-rwol tal-Verġni Marija. Il-Papa qal li l-Madonna teħodna dejjem għand Ġesù, u għalhekk għandna nsejħu lill-Madonna, u hi tagħmel dak li għamlet ġewwa Kana: ‘Agħmlu dak li jgħidilkom hu!’ Hi twassalna dejjem għand Ġesù. Hija l-ewwel li taġixxi fl-isem ta’ Ġesù.

Il-Papa Franġisku kkonkluda billi esprima x-xewqa li f’dak il-jum, jum fost il-ġimgħa tal-qawmien tal-Mulej, naħsbu dwar dan: ‘Jiena nafda lili nnifsi.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d