Il-Papa f’Santa Marta: Il-fidi ma tinbiegħx

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ April 2013: Biex insibu l-martri m’hemmx bżonn immorru fil-katakombi jew fil-Kolossew: il-martri huma ħajjin issa, f’tant pajjiżi. L-Insara jinsabu ppersegwitati minħabba l-fidi. F’xi pajjiżi ma jistgħux iġorru s-salib: jiġu kkastigati jekk jagħmlu dan. Illum, fis-seklu wieħed u għoxrin, il-Knisja tagħna hija l-Knisja tal-martri.

Dalgħodu, is-Sibt 6 ta’ April 2013, il-Papa Franġisku imposta l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ lejn il-kuraġġ tal-martri li jixhdu l-fidi, li ma tistax tkun negozjata u ma tinbiegħx lill-aħjar offerent. Fost il-konċelebranti kien hemm il-Kardinal Francesco Monterisi u l-Isqof Joseph Kalathiparambil, Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju tal-Pastorali għall-Migranti u l-Itineranti. Fost il-preżenti, kien hemm Madre Laura Biondo, Superjura Ġenerali tal-Figlie di San Camillo, diversi reliġjużi tal-Figlie di Nostra Signora della Carità u grupp ta’ fidili Arġentini.

Il-Papa Franġisku beda l-omelija billi kkummenta permezz ta’ battuta l-pass evanġeliku ta’ San Mark (16, 9-15) fejn jirrakkonta dwar id-dehra ta’ Ġesù lil Marija ta’ Magdala, lid-dixxipli ta’ Emmaws u lill-ħdax-il appostlu.  Huwa qal li meta jaqra dan l-Evanġelju jaħseb li forsi San Mark ma tantx kellu simpatija għal Marija Maddalena, għaliex ifakkar li l-Mulej kien keċċa minnha seba’ xjaten. Le? Kienet kwistjoni ta’ simpatija. Imbagħad għadda biex ippropona riflessjoni dwar il-fidi: ‘grazzja’ hija rigal tal-Mulej li m’għandux jibqa’ sieket u hekk jinfirex mal-popli kollha, kif tirreċita l-kolletta tal-quddiesa – għaliex aħna m’aħniex marbutin ma’ fantasija imma ma’ realtà li rajna u smajna.

Il-Papa rrefera għas-silta mill-Atti tal-Appostli (4, 13-21) ipproklamata fl-ewwel qari taċ-ċelebrazzjoni. Huwa sostna li quddiem l-ordni tal-qassissin il-kbar u tal-fariżej biex ma jitkellmux dwar Ġesù, Pietru u Ġwanni baqgħu f’din il-fidi waqt li qalu: ‘Aħna ma nistgħux nisktu dwar dak li rajna u smajna.’  Franġisku kompla li x-xhieda tagħhom iġġiegħlu jaħseb dwar il-fidi tagħna. Kif inhi sejra l-fidi tagħna? Hija qawwija? Jew xi minn daqqiet tinsab f’ilmet il-ward, fidi hekk u hekk? Meta jseħħu d-diffikultajiet, aħna kuraġġużi bħal Pietru jew ftit bierda? Pietru, saħaq il-Papa Franġisku, jgħallimna li l-fidi mhix negozjabbli.

Fl-istorja tal-poplu ta’ Alla dejjem kien hemm din it-tentazzjoni: aqta’ biċca lill-fidi anke jekk mhux wisq. Imma l-fidi, spjega l-Qdusija Tiegħu, hija hekk, kif ngħiduha fil-Kredu. Hekk hemm bżonn li nissuperaw it-tentazzjoni li nkunu ftit kif jagħmel kulħadd, ma nkunux daqstant tant riġidi, għaliex proprju minn hemm tibda t-triq li tispiċċa fl-apostasija. Infatti, meta nibdew naqtgħu l-fidi, ninnegozjaw ftit il-fidi biex inbigħuha lill-aħjar offerent, inkunu nibdew it-triq tal-apostasija, tan-nuqqas ta’ fedeltà lejn il-Mulej.

Imma proprju l-eżempju ta’ Pietru u Ġwanni jgħinna, jagħtina l-qawwa. L-istess bħal dak tal-martri fl-istorja tal-Knisja. Huma dawk li jgħidu ‘ma nistgħux nisktu’ bħal Pietru u Ġwanni. U dan jagħti qawwa lilna li kultant ikollna l-fidi ftit li xejn dgħajfa. Jagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-ħajja b’din il-fidi li rċevejna, b’din il-fidi li hija rigal tal-Mulej lill-popli kollha.

Il-Papa kkonkluda billi ssuġġerixxa talba ta’ kuljum: Mulej, grazzi bil-kbir tal-fidi. Għassisli l-fidi tiegħi, ġiegħel li tikber. Jalla l-fidi tiegħi tkun qawwija, kuraġġuża. U għinni fil-mumenti li fihom, bħal Pietru u Ġwanni, inkun irrid nirrendiha pubblika. Tini l-kuraġġ.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: