Il-Papa f’Santa Marta: Alla m’għandux il-bakketta maġika

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 12 ta’ April 2013: Il-fantasiji trijonfalistiċi huma tentazzjoni kbira fil-ħajja nisranija. Imma Alla ma jagħmilx bħal saħħar bil-bakketta maġika li jista’ jsalva l-bniedem f’tebqa t’għajn; pjuttost jinqeda bit-triq tal-perseveranza għaliex isalvana fiż-żmien u fl-istorja, fil-mixja tal-jiem kollha. Hija din ir-riflessjoni li l-Papa offra waqt il-quddiesa ċċelebrata l-Ġimgħa filgħodu, 12 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Waqt li rrefera għas-silta tal-Atti tal-Appostli (5, 34-42) ipproklamata fl-ewwel qari, il-Papa indika f’Gamaljel raġel għaref għaliex jagħtina eżempju ta’ kif Alla jaġixxi f’ħajjitna. Meta dawn il-qassisin, il-fariżej, id-dutturi tal-liġi kienu kollha tant nervużi, imġennin għal dak li kienu qegħdin jagħmlu l-Appostli, u riedu saħansitra joqtluhom, huwa qal: ‘Imma ieqfu ftit!’ U fakkar diversi stejjer – ta’ Ġuda l-Galilew, ta’ Teuda – li ma kien irnexxielhom jagħmlu xejn. Kienu jgħidu li kienu l-Kristu, il-Messija, is-Salvatur, u mbagħad kollox baqa’ bla suċċess. ‘Agħtu żmien liż-żmien,’ jgħid Gamaljel.

Huwa parir għaqli, spjega l-Papa Franġisku, ukoll għal ħajjitna. Għaliex iż-żmien huwa l-messaġġier ta’ Alla: Alla jsalvana fiż-żmien, mhux fil-waqt. Kultant jagħmel il-mirakli, imma fil-ħajja komuni jsalvana fiż-żmien. Kultant naħsbu li l-Mulej jiġi f’ħajjitna, ibiddilna. Iva, ibiddilna: il-konverżjonijiet huma dawk. ‘Irrid insegwik, Mulej,’ imma din il-mixja hemm bżonn li tagħmel l-istorja. Il-Mulej, mela, isalvana fl-istorja: fl-istorja tagħna personali. Il-Mulej ma jagħmilx bħal saħħara bil-bakketta maġika. Le, jagħtik il-grazzja u jgħid, bħal ma kien jgħid lil kull wieħed li kien ifejjaq: ‘Mur, imxi.’ Dan jgħidu wkoll lilna: ‘Imxi f’ħajtek, agħti xhieda ta’ dak kollu li l-Mulej jagħmel magħna.’

Allura hemm bżonn li nerġgħu naħarbu minn tentazzjoni kbira fil-ħajja nisranija, dik tat-trijonfaliżmu. Il-Papa saħaq li hija tentazzjoni li wkoll l-Appostli kellhom. Per eżempju, meta Pietru jgħid lill-Mulej: ‘Imma, Mulej, jien qatt ma niċħdek, żgur!’, il-Mulej jgħidlu: ‘Ikkalma. Qabel ma s-serduq jidden, qabel ma jkun hemm l-iddin tas-serduq, għal tliet darbiet tgħid kontra tiegħi.’ Din hija appuntu t-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu: taħseb li f’mument jista’ jsir kollox! Le, f’mument jibda: hemm grazzja kbira, imma hemm bżonn li nimxu l-mixja tal-ħajja.

L-Evanġelju ta’ Ġwanni (6, 1-15) jirrakkonta li wkoll wara t-tkattir tal-ħobż kien hemm it-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu. Allura n-nies, kif raw is-sinjal li hu kien għadu kemm wettaq, qalu: ‘Dan tassew profeta, dak li kellu jiġi fid-dinja!’ Imma Ġesù, li għaraf li kienu sejrin jaqbduh u jagħmluh sultan, idabbar rasu. Hekk hu, mela, it-trijonfaliżmu: ‘Ah, dan hu s-sultan!’ U mbagħad Ġesù jċanfarhom: ‘Intom tiġu warajja mhux biex tisimgħu kliemi, imma għaliex tajtkom tieklu.’

Il-Papa spjega li t-trijonfaliżmu mhux tal-Mulej. Il-Mulej daħal fid-dinja b’mod umli. Qatta’ ħajtu għal tletin sena: kiber bħal tifel normali, għadda mill-prova tax-xogħol, kif ukoll il-prova tas-salib, u mbagħad, fl-aħħar, irxoxta. Il-Mulej jgħallimna li fil-ħajja mhux kollox maġiku, li t-trijonfaliżmu mhux nisrani.

Huwa minnu dak li qal l-għaref Gamaljel: ‘Ħalluhom, iż-żmien għad jgħidilna!’ U aħna wkoll, kompla jgħid il-Papa,  ejjew ngħidu lilna nfusna: ‘Jien irrid immur wara l-Mulej, għal għonq it-triq tiegħu.’  Imma din mhix ħaġa ta’ mument; hija ħaġa tal-ħajja kollha, tal-jiem kollha. Meta nqumu filgħodu ħalli ngħidu: ‘Mulej, immur miegħek, immur miegħek.’ Din hija l-grazzja li jmissna nitolbu: dik tal-perseveranza.

Dan mela jfisser, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu, li nipperseveraw fil-mixja tal-Mulej sal-aħħar, il-jiem kollha. Mhux ngħidu se nibdew mill-ġdid il-jiem kollha: le, inkomplu l-mixja. Inkomplu mexjin dejjem. Mixja b’diffikultà, bix-xogħol, ukoll b’ħafna ferħ, imma l-mixja tal-Mulej. Għaldaqstant il-Papa ħeġġeġ biex nitolbu l-grazzja tal-perseveranza u li l-Mulej isalvana mill-fantasiji trijonfalistiċi. Huwa wissa li t-trijonfaliżmu mhux nisrani, mhux tal-Mulej. It-triq tal-Mulej hija l-mixja ta’ kuljum fil-preżenza ta’ Alla. Għalhekk nimxu għal għonq din it-triq.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: