Il-Papa f’Santa Marta: L-ubbidjenza hija smigħ li jirrendina liberi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 11 ta’ April 2013: Alla ma jistax ikun oġġett ta’ negozjar. U l-fidi ma tipprevedix il-possibiltà li nkunu bierda, la kattivi u lanqas tajbin, waqt li nfittxu ħajja doppja biex naslu għal kompromess għal status vivendi mad-dinja. Dan qalu l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa, iċcelebrata fl-għodwa tal-Ħamis 11 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, li fiha ħadu sehem id-direzzjoni u r-redazzjoni tal-Osservatore Romano. Minbarra l-ġurnalisti tal-ġurnal, kienu preżenti dawk tal-edizzjonijiet perjodiċi u l-istaff tad-direzzjoni ġenerali.

Fil-qari, spjega l-Papa waqt l-omelija, tidher għal tliet darbiet il-kelma ‘tobdi’: titkellem dwar l-ubbidjenza, dwar l-ewwel darba meta Pietru, kif jirrakkontaw l-Atti tal-Appostli (5, 27-33), iwieġeb quddiem is-Sinedriju: ‘Hemm bżonn li nobdu lil Alla minflok lill-bnedmin.’ Xi jfisser, staqsa l-Papa, tobdi lil Alla?  Ifisser li aħna għandna nkunu bħala skjavi, ilkoll marbutin? Le, għaliex proprju min jobdi lil Alla huwa liberu, mhuwiex skjav! U dan kif isir? Jien nobdi, ma nagħmilx ir-rieda tiegħi, u jien liberu? Tidher donnha kontradizzjoni. Infatti l-kelma ‘tobdi’ ġejja mil-Latin, u tfisser tisma’, tisma’ lill-ieħor. Tobdi lil Alla huwa tisma’ lil Alla, ikollok qalbek miftuħa biex tmur għal għonq it-triq li jurik Alla. L-ubbidjenza lil Alla tfisser tisma’ lil Alla. U dan jagħmilna liberi.

Proprju waqt li kkummenta s-silta tal-Atti tal-Appostliil-Papa fakkar li quddiem dawn l-iskribi, il-qassisin, u wkoll il-qassis il-kbir u l-fariżej, Pietru kien imsejjaħ biex jieħu deċiżjoni. Pietru sema’ dak li kienu qegħdin jgħidu l-fariżej u l-qassisin, u kien qed jisma’ dak li Ġesù kien qed jgħidlu ġewwa qalbu: ‘X’nagħmel?’ Huwa jgħid: ‘Jien nagħmel dak li jgħidli Ġesù, mhux dak li triduni nagħmel intom.’ U hu baqa’ għaddej hekk.

Il-Papa Franġisku qal li f’ħajjitna nisimgħu wkoll proposti li ma jiġux mingħand Ġesù, li ma jiġux mingħand Alla. Dan nifhmuh, id-dgħufijiet tagħna kultant jeħduna fuq dik it-triq. Jew ukoll fuq dik l-oħra li hija iktar perikoluża: nagħmlu ftehim, biċca ta’ Alla u biċċa tagħkom. Nagħmlu ftehim u hekk immorru fil-ħajja b’ħajja doppja: biċca l-ħajja ta’ dak li nħossu li jgħidilna Ġesù, u biċċa l-ħajja li nħossu li tgħidilna d-dinja, il-qawwiet tad-dinja u tant iktar. Imma din hija sistema li ma taħdimx. Infatti, fil-ktieb tal-Apokalissi, il-Mulej jgħid: ‘Dan ma jaħdimx, għaliex hekk la intom ħżiena u lanqas tajbin: intom bierda. Jien nikkundannakom.’

Il-Papa wissa proprju dwar din it-tentazzjoni. Li kieku Pietru qal lil dawn il-qassisin: ‘Ejjew nitkellmu ta’ ħbieb u nistabbilixxu status vivendi,’  jista’ jkun li l-affari kienet tmur tajjeb.  Imma ma kinitx tkun għażla proprja tal-imħabba li tiġi meta nisimgħu lil Ġesù. Għażla li ġgib konsegwenzi, stqarr il-Qdusija Tiegħu, filwaqt li kompla jistaqsi:  X’nistgħu nagħmlu meta nisimgħu lil Ġesù? Il-Papa kompla li kultant, dawk li jagħmlu l-proposta l-oħra jirrabjaw, u t-triq tispiċċa fil-persekuzzjoni. Kien hemm tant ħutna, nisa u rġiel, li biex jobdu, iħossu, jisimgħu dak li Ġesù qed jitlobhom, jinsabu taħt persekuzzjoni. Niftakru dejjem f’dawn ħutna rġiel u dawn ħutna nisa li poġġew il-laħam fuq in-nar u jgħiduhulna b’ħajjithom: ‘Jien irrid nobdi, nimxi għal għonq it-triq li jgħidli Ġesù.’

Bil-liturġija tallum il-Knisja tistedinna biex nimxu għal għonq it-triq ta’ Ġesù u biex ma nisimgħux dawk il-proposti li tagħmlilna d-dinja, dawk il-proposti ta’ dnub jew dawk il-proposti hekk u hekk, nofs u nofs. Dan ifisser, sostna l-Papa Franġisku, mod ta’ għajxien li ma jaħdimx u li ma jagħmilniex kuntenti.

F’din l-għażla ta’ ubbidjenza ta’ Alla u mhux tad-dinja, bla ma naqgħu fil-kompromess, in-Nisrani mhux waħdu. Il-Papa staqsa fejn għandna l-għajnuna biex nimxu għal għonq it-triq li nħossu lil Ġesù. Fl-Ispirtu s-Santu, wieġeb il-Qdusija Tiegħu: ‘Ta’ dawn il-fatti aħna xhieda: huwa l-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh.’ 

Huwa proprju l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina li jagħtina l-qawwa biex nimxu. Dan jassigurah l-Evanġelju ta’ Ġwanni (3, 31-36) moqri fiċ-ċelebrazzjoni, b’espressjoni tassew sabiħa. Infatti, Dak li Alla bagħat jgħid li Alla jagħti l-Ispirtu s-Santu bla qies. Missierna jagħtina l-Ispirtu bla qies biex nisimgħu lil Ġesù, inħossu lil Ġesù u nimxu għal għonq it-triq ta’ Ġesù.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija tiegħu bi stedina biex inkunu kuraġġużi fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja. Nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ. Dejjem ikollna dnubiet – ilkoll aħna midinbin – imma ninħtieġu l-kuraġġ li ngħidu: ‘Mulej, jiena midneb. Kultant nobdi affarijiet mondani, imma rrid nobdi lilek, irrid nimxi għal għonq it-triq tiegħek.’ Nitolbu din il-grazzja, li nimxu dejjem għal għonq it-triq ta’ Ġesù, u meta dan ma nagħmluhx, nitolbu maħfra.  Il-Mulej jaħfrilna għaliex huwa tant tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading