Is-Sibt, 13 ta’ April 2013: Biex insolvu l-problemi tal-ħajja hemm bżonn li niffaċċjaw ir-realtà, lesti, bħall-gowlkiper ta’ tim tal-futbol, biex nilqgħu l-ballun minn kwalunkwe naħa li jiġi. U bla ma nċedu għall-biża’ jew għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex Ġesù huwa dejjem qrib kull bniedem, ukoll u fuq kollox fil-mumenti l-iktar diffiċli. Dan qalu l-Papa Franġisku fil-quddiesa ċċelebrata filgħodu tas-Sibt 13 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Fost oħrajn, preżenti kien hemm id-Direttur tas-Sikurezza u Protezzjoni Ċivili, Domenico Giani flimkien mal-familjari, aġenti tal-Korp tal-Ġendarmerija u tal-Vigili del Fuoco, omm il-Monsinjur Alfred Xuereb u diversi ħandikappati li qegħdin jieħdu sehem f’laqgħa fil-Vatikan.
Il-Papa spjega li fis-silta tal-Atti tal-Appostli (6, 1-7) imxandar fl-ewwel qari, hemm biċċa mill-istorja tal-ewwel jiem tal-Knisja: il-Knisja kienet qed tikber, iżzid in-numru tad-dixxipli, imma sa minn dan il-waqt jibdew il-problemi. Infatti, dawk tal-lingwa Griega kienu jgergru kontra dawk tal-lingwa Ebrajka għaliex fl-assistenza ta’ kuljum ir-romol kienu qegħdin jiġu ttraskurati. Il-ħajja, kompla l-Papa, mhix dejjem kwieta u sabiħa u l-ewwel ħaġa li jagħmlu huwa t-tgergir, iqasqsu wieħed kontra l-ieħor: ‘Imma ara, hawn dan….’ Imma dan ma jwassal għall-ebda soluzzjoni.
Minflok, l-Appostli, bl-assistenza tal-Ispirtu s-Santu, irreaġixxew sewwa. Sejħu lill-grupp tad-dixxipli u tkellmu. Dan huwa l-ewwel pass: meta jkun hemm diffikultà, hemm bżonn nifluha sewwa, naqbduha u nitkellmu. Qatt m’għandna naħbuha. Il-ħajja hija hekk. Il-ħajja hemm bżonn li neħduha kif tiġi, mhux kif irriduha aħna li tiġi. Waqt li rrikorra għal metafora effikaċi u għażiża għalih, il-Papa Franġisku qal li l-ħajja hija ftit jew wisq bħall-gowlkiper tat-tim, li l-ballun jaqbdu jiġi minn liema naħa jiġi. Din hija r-realtà. Mela, l-Appostli tkellmu bejniethom u għamlu proposta sabiħa, proposta rivoluzzjonarja, għaliex qalu: ‘Imma aħna l-Appostli, dawk li Ġesù għażel. Imma dan mhux biżżejjed.’ Intebħu li l-ewwel dmir tagħhom kien it-talb u s-servizz tal-Kelma, u li rigward l-assistenza ta’ kuljum lir-romol, kien hemm bżonn li jagħmlu xi ħaġ’oħra. Hekk iddeċidew li jagħmlu d-djakni.
Il-Papa żied li din kienet deċiżjoni ftit jew wisq riskjuża f’dak il-waqt. Imma l-Ispirtu s-Santu mbuttahom biex jagħmlu dak. Għamluh, għażlu d-djakni. Deċiżi. Ma qagħdux jgħidu: ‘Imma għada naraw, paċenzja.’ Le, le. Ħadu d-deċiżjoni u l-final huwa hekk sabiħ: ‘U l-Kelma ta’ Alla kompliet tinfirex u n-numru tad-dixxipli f’Ġerusalem immultiplika b’mod grandjuż.’ Tassew sabiħ. Meta jkun hemm il-problemi, hemm bżonn li niffaċċjawhom u l-Mulej jgħinna biex insolvuhom.
Hekk m’għandniex nibżgħu mill-problemi. Ġesù stess jgħid lid-dixxipli tiegħu: ‘Hawn jien, la tibżgħux. Hawn jien!’ Dejjem. Fid-diffikultajiet tal-ħajja, fil-problemi, fl-affarijiet il-ġodda li rridu nieħdu, il-Mulej qiegħed hemm. Nistgħu niżbaljaw, tassew, imma Hu dejjem qribna u jgħid: ‘Żbaljajt. Erġa’ aqbad it-triq it-tajba.’
Il-Qdusija Tiegħu kompla li problema ma ssolvix ruħha kemm-il darba nillimitaw ruħna li ngħidu, ‘Lili ma togħġobnix,’ u nibdew ingergru u nqasqsu. U mhuwiex atteġġjament tajjeb dak li nirtokkaw il-ħajja, li nagħmlu l-irtokk lill-ħajja. Le, le. Il-ħajja hi kif inhi. Hija r-realtà. Hija kif Alla jridha li tkun jew kif Alla jippermetti li tkun. Imma hi kif inhi, hemm bżonn li neħduha kif inhi. L-Ispirtu tal-Mulej jagħtina s-soluzzjoni għall-problemi.
Il-Papa spjega, waqt li kkummenta s-silta ta’ San Ġwann (6, 16-21) appena moqrija, li wkoll fl-Evanġelju sseħħ xi ħaġa simili. Id-dixxipli kienu kollha kuntenti ġhaliex kienu raw li dawk il-ħames ħbejżiet ma kinux qegħdin jintemmu. Kienu temgħu tant nies, tant persuni. Kienu fi triqthom lejn ix-xatt l-ieħor, bid-dgħajsa, u qam riħ qawwi: il-baħar tqalleb u qabadhom ċertu biża’. Sabu ruhħom f’diffikultà. U l-Mulej jiġi ħdejhom biex jgħinhom. Beżgħu ftit, u hu jgħidilhom: ‘La tibżgħux, huwa jien!’ Dik hija l-kelma ta’ Ġesù, dejjem, fid-diffikultajiet, fil-waqtiet mudlama, fil-waqtiet fejn kollox huwa skur u ma nafux x’se naqbdu nagħmlu, ukoll meta f’qalbna jkun isaltan id-dlam. Il-ħajja hija hekk. Illum tiġi hekk, b’dan id-dlam. Imma l-Mulej qiegħed hemm. Ma nibżgħux! Ma nibżgħux mid-diffikultajiet, ma nibżgħux meta qalbna hija mdejqa u mudlama! Nieħdu l-affarijiet kif jiġu, bl-Ispirtu tal-Mulej u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. U hekk nibqgħu mexjin ’il quddiem, ċerti mit-triq it-tajba.
Il-Papa Franġisku temm l-omelija bl-istedina li nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nibżgħux, li ma nirtukkawx il-ħajja, biex inkunu kapaċi nieħdu l-ħajja kif tiġi u nfittxu li nħollu l-problemi bħal ma għamlu l-Appostli. U nfittxu wkoll il-laqgħa ma’ Ġesù li dejjem jinsab maġenbna, ukoll fil-waqtiet l-iktar imċajpra tal-ħajja.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb