It-Tnejn, 20 ta’ Mejju 2013: Talb qalbieni, umli u qawwi jagħmel il-mirakli: dan kien il-messaġġ li ta l-Papa waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, it-Tnejn 20 ta’ Mejju 2013, fid-Dar Santa Marta. Il-Papa kien qiegħed jikkummenta fuq l-Evanġelju li jirrakkonta kif id-dixxipli ma rnexxielhomx ifejqu tifel. Ġesù nnifsu kellu jindaħal u jilmenta min-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk preżenti. Meta wieġeb għat-talba tal-missier biex ifejjaqlu lil ibnu, Huwa qal li kollox kien possibbli għal min kellu l-fidi. Il-Papa Franġisku nnota li spiss dawk li jħobbu lil Ġesù ma jissugrawx wisq fit-twemmin tagħhom fih u lanqas ma jafdaw għal kollox fih.
Imma għaliex dan in-nuqqas ta’ twemmin? Il-Papa stqarr li huwa jaħseb li dan jiġri meta l-qalb ma tinfetaħx, meta l-qalb tkun magħluqa, meta l-qalb tkun trid tikkontrolla kollox. Għalhekk ikkonkluda li, mela, hija qalb li ma tinfetaħx u li ma tintelaqx f’Ġesù li, meta d-dixxipli jsaqsuh għaliex ma setgħux ikeċċu l-ispirtu mit-tifel, Huwa jwieġeb li dan it-tip ta’ spirtu ma jitkeċċiex ħlief bit-talb. Il-Papa kompla li lkoll kemm aħna għandna fina xi ftit tan-nuqqas ta’ twemmin. Jinħtieġ talb umli u qawwi li jippermetti lil Ġesù li jwettaq il-miraklu. It-talb għal miraklu, it-talb għal azzjoni straordinarja, irid ikun talb li jinvolvina, li jgħaqqadna lkoll.
Biex aktar isaħħaħ il-punt tiegħu, il-Papa rrakkonta l-istorja ta’ tifla żgħira fl-Arġentina li meta kien għad għandha seba’ snin mardet u t-tobba tawha biss ftit sigħat ħajja. Missierha, elektrixin u bniedem ta’ fidi, tah ferħ ta’ ġenn u, f’dak l-istat ta’ ġenn, qabad karozza tal-linja lejn is-Santwarju Marjan ta’ Lujan, 70 kilometru ’l bogħod. Fl-aħħar wasal. Id-disgħa ta’ filgħaxija kienu daqqu u kullimkien kien magħluq. U beda jitlob lill-Madonna, b’idejh imqabbdin mal-kanċell tal-ħadid. U talab, u talab, u beka u talab… u baqa’ hekk il-lejl kollu. Imma dar-raġel kien qiegħed jissielet: kien qiegħed jissielet ma’ Alla. Kien qiegħed jissielet ma’ Alla nnifsu biex ifejjaqlu lil bintu. Imbagħad fis-sitta ta’ filgħodu mar fil-venda, rikeb karozza tal-linja u wasal l-isptar f’xi d-disgħa ta’ filgħodu. U sab lil martu tibki. Ħaseb fil-ħażin u staqsa lil martu: ‘X’ġara? M’iniex nifhem. M’iniex nifhem! X’ġara?’ Hi qaltlu, ‘Ġew it-tobba u qaluli li d-deni ħallieha, qed tieħu n-nifs sew, li m’għandha xejn! Se jżommuha jumejn oħra, u ma nistax nifhem x’ġara!’ Il-mirakli għadhom jiġru, hux tassew?
Il-mirakli għadhom isiru. Imma rridu nitolbu bil-qalb, temm jgħid il-Papa, filwaqt li kompla li jrid ikun talb kuraġġuż, li jissielet biex jinkiseb il-miraklu, u mhux talb għall-kirjanza. ‘Eħe, nitlob għalik.’ Ngħid Missierna, Sliema u Qaddisa u mbagħad ninsa kollox. Le, mhux hekk, irid ikun talb kuraġġuż bħal dak ta’ Abraham li ssielet mal-Mulej biex isalva l-belt; bħal dak ta’ Mosè li żamm idejh mgħollijin ’il fuq u għeja jitlob lill-Mulej; bħal dak ta’ ħafna nies, tant nies li għandhom il-fidi u jitolbu bil-fidi. It-talb jagħmel l-għeġubijiet, imma rridu nemmnu!
Fl-aħħar nett il-Papa ssuġġerixxa li llum nistgħu nagħmlu talba sabiħa u lill-Mulej ngħidulu l-jum kollu, ‘Mulej, jiena nemmen. Għinni fin-nuqqas ta’ twemmin tiegħi.’ Huwa mbagħad kompla jgħid li, meta n-nies isaqsuna biex nitolbu għal tant nies li jbatu fil-gwerer, għar-refuġjati kollha, għall-ġrajjiet drammatiċi kollha li qegħdin iseħħu bħalissa, għandna nitolbu, imma nitolbu bil-qalb lill-Mulej: ‘Agħmilha!’, u ngħidulu: ‘Mulej, jiena nemmen. Għinni fin-nuqqas ta’ twemmin tiegħi li jinstab ukoll fit-talb tiegħi.’ Imbagħad il-Qdusija Tiegħu tenna: ‘Ejjew nagħmlu hekk illum.’
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija