Il-Papa f’Santa Marta: It-talba għall-vittmi tat-tornado f’Oklahoma

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 21 ta’ Mejju 2013: Il-veru poter huwa s-servizz. Dan huwa kunċett li l-Papa Franġisku diġà esprima f’okkażjonijiet oħra u li dalgħodu, it-Tlieta 21 ta’ Mejju 2013, reġa’ lura għalih waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, waqt li kien qed jikkummenta l-pass tal-Evanġelju ta’ San Mark (9, 30-37) ipproklamat fil-kors tal-liturġija. L-eku tal-aħbarijiet traġiċi li waslu mill-Istati Uniti – fejn tornado qawwi ħarbat lil Oklahoma City – dewa waqt iċ-ċelebrazzjoni fil-mument tat-talb tal-fidili, meta l-Papa fil-konklużjoni dawwar ħsiebu proprju fuq il-vittmi ta’ din il-katastrofi.

Fir-rakkont evanġeliku Ġesù jaqsam il-Galilija flimkien mad-dixxipli tiegħu u jkellimhom dwar il-passjoni tiegħu: ‘Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-bnedmin li joqtluh, imma wara tlett ijiem jerġa’ jqum.’ Qed ikellem lid-dixxipli tiegħu – spjega l-Qdusija Tiegħu – dwar din ir-realtà, dwar dak li hu kellu jagħmel, dwar is-servizz tiegħu, dwar il-Passjoni. Iżda huma dan il-kliem ma fehmuhx; huma kienu f’orbita oħra, kienu qegħdin jiddiskutu bejniethom. U l-Mulej dan kien jafu. Tant hu hekk li, meta waslu Kafarnahum, staqsihom: ‘Dwar xiex kontu qegħdin tiddiskutu tul it-triq?’ U huma siktu bil-mistħija. Tul it-triq infatti kienu ddiskutew bejniethom min kien l-ikbar.

Il-ġlieda għall-poter fil-Knisja, saħaq il-Papa waqt li kkummenta l-episodju, mhix xi ħaġa tallum, eh? Bdiet proprju hemm ma’ Ġesù.  Waqt li l-Mulej kien qed jitkellem dwar il-Passjoni, id-dixxipli ħasbu li jiddiskutu dwar min fosthom kien l-iktar importanti, hekk li jkun jistħoqqlu l-ikbar biċċa ta’ dik li l-Papa qabbel ma’ kejk biex jinqasam. Imma fil-Knisja m’għandux ikun hekk. Il-Qdusija Tiegħu reġa’ tenna dan waqt li kkwota pass ieħor mill-Evanġelju ta’ Mattew (20, 25-26) li fih Ġesù jispjega lid-dixxipli x’inhu s-sens veru tal-poter: ‘Il-mexxejja tan-nazzjonijiet jissottomettu l-popli tagħhom u jġagħluhom iħossu l-poter tagħhom, imma fostkom m’għandux ikun hekk.’ Din hija ċ-ċavetta: fostna m’għandux ikun hekk, tenna l-Isqof ta’ Ruma. Mela fl-ottika tal-Evanġelju, il-ġlieda għall-poter fil-Knisja m’għandhiex teżisti. Jew, jekk irridu li tkun ġlieda għall-poter tassew – jiġifieri dak li Hu, bl-eżempju tiegħu, għallimna – għandha tkun ġlieda għall-poter tas-servizz. Il-veru poter huwa s-servizz. Bħalma għamel Hu, li ġie mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi. U s-servizz tiegħu kien proprju servizz ta’ salib: huwa tbaxxa sal-mewt, mewt tas-salib, għalina; biex jaqdina, biex isalvana.

Fil-Knisja m’hemmx triq oħra biex nimxu ’l quddiem. Il-Papa saħaq li għan-Nisrani, li jmur ’il quddiem, li javvanza, ifisser li jitbaxxa. Jekk aħna ma nitgħallmux din ir-regola nisranija, qatt ma nistgħu nifhmu l-veru messaġġ nisrani dwar il-poter.  U fil-Knisja l-ikbar huwa dak li l-iktar jaqdi, li huwa l-iktar għas-servizz tal-oħrajn. Din hija r-regola. Imma minn dak iż-żmien sallum il-ġlied għall-poter ma jonqosx fil-Knisja.

Il-Papa mbagħad għamel aċċenn għal-lingwaġġ li normalment juża meta jkun irid isostni l-passaġġi dwar il-karriera.  Meta persuna jagħtuha kariga li skont għajnejn id-dinja tkun kariga superjuri, jgħidu: ‘Ah, din il-mara għamluha president ta’ dik l-għaqda,’ u ‘dan ir-raġel ingħata promozzjoni.’ Huwa kkummenta li l-verb ‘tippromwovi’ huwa verb tassew sabiħ, u li hemm bżonn jintuża fil-Knisja.  Iva: ‘dan kien promoss għas-salib’; ‘dan kien promoss għall-umiljazzjoni’. Il-Papa Franġisku qal li din hija l-vera promozzjoni, dik li ġġibna nixbhu aħjar lil Ġesù. San Injazju, fl-Eżerċizzi Spiritwali, igegħilna nitolbu lill-Mulej imsallab il-grazzja tal-umiljazzjoni: ‘Mulej irrid inkun umiljat sabiex inkun nixbah lilek.’ Din hija l-imħabba, dan huwa l-poter tas-servizz fil-Knisja. U jaqdu aħjar lill-oħrajn tul it-triq ta’ Ġesù, qal il-Papa.

Tipi oħra ta’ promozzjoni ma jappartjenux lil Ġesù. Huma promozzjonijiet definiti mill-Papa ‘mondani’ u ilhom jeżistu minn żmien l-istess Ġesù. Il-Qdusija Tiegħu reġa’ tenna li dejjem kien hemm ċimi iktar fil-għoli fil-Knisja, imma din mhix triq il-Mulej. Triq il-Mulej hija s-servizz tiegħu. Bħalma hu għamel is-servizz tiegħu, aħna rridu mmorru warajh fil-mixja tas-servizz. Dan huwa l-veru poter fil-Knisja.

Fl-aħħar nett il-Papa qal li huwa ried jitlob għalina lkoll sabiex il-Mulej jagħtina l-grazzja li nifhmu li l-veru poter fil-Knisja huwa s-servizz u wkoll biex nifhmu r-regola tad-deheb li għallimna Hu bl-eżempju tiegħu: għan-Nisrani, li javvanza, li jmur ’il quddiem, ifisser  li jitbaxxa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: