Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu


12. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 19 ta’ Ġunju 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum se nieqaf ftit fuq espressjoni oħra li biha l-Konċilju Vatikan II ifisser in-natura tal-Knisja: dik tal-ġisem. Il-Konċilju jgħid li l-Knisja hi l-Ġisem ta’ Kristu (ara Lumen gentium, 7).

Nixtieq nitlaq minn silta mill-Atti ta’ l-Appostli li nafuha sew: il-konverżjoni ta’ Sawlu, li mbagħad ismu jinbidel għal Pawlu, wieħed mill-akbar evanġelizzaturi (ara Atti 9:4-5). Sawl hu persekutur ta’ l-Insara, imma fi triqtu lejn Damasku, f’daqqa waħda jinħakem minn dawl kbir, jaqa’ fl-art u jisma’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”. U hu jistaqsih: “Min int, Mulej?”, u dan il-leħen iwieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (v. 3-5). Din l-esperjenza ta’ San Pawl turina kemm hi profonda l-għaqda bejnna l-Insara u Kristu nnifsu. Meta Ġesù tela’ s-Sema, ma ħalliniex iltiema, imma bid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu l-għaqda miegħU saret iżjed intensa. Il-Konċilju Vatikan II jistqarr li Ġesù, “waqt li kkomunika l-Ispirtu tiegħu lil ħutu miġmugħa mill-ġnus kollha, għamilhom b’mod mistiku l-ġisem tiegħu” (Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 7).

Ix-xbieha tal-ġisem tgħinna nifhmu din ir-rabta qawwija bejn il-Knisja u Kristu, li San Pawl żviluppaha b’mod partikulari fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (ara kap. 12). Qabel xejn il-ġisem jgħajjat realtà ħajja. Il-Knisja m’hix assoċjazzjoni assistenzjali, kulturali jew politika, imma hi ġisem ħaj, li jimxi u jaġixxi fl-istorja. U dan il-ġisem għandu ras, Ġesù, li jmexxih, imantnih u jżommu sħiħ. Dan hu punt li nixtieq nagħfas aktar fuqu: jekk nifirdu r-ras mill-bqija tal-ġisem, il-persuna sħiħa ma tistax tgħix. L-istess fil-Knisja: jeħtieġ nibqgħu marbuta b’mod dejjem iżjed intens ma’ Ġesù. Imma mhux hekk biss: kif ġisem, biex jgħix, għandu bżonn tad-demm li jagħtih il-ħajja, hekk irridu nħallu lil Ġesù jaħdem fina, biex il-Kelma tiegħu tmexxina, biex il-preżenza Ewkaristika tiegħu tmantnina, taħjina, biex imħabbtu tagħtina l-qawwa biex inħobbu lill-proxxmu. U dan dejjem! Dejjem, dejjem! Għeżież ħuti, nibqgħu magħquda ma’ Ġesù, nafdaw ruħna f’idejH, norjentaw ħajjitna fid-dawl tal-Vanġelu, insostnu ruħna permezz tat-talb ta’ kuljum, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, is-sehem fis-Sagramenti.

U hawn niġi għat-tieni aspett tal-Knisja bħala Ġisem ta’ Kristu. San Pawl jafferma li kif il-membri tal-ġisem uman, għalkemm ħafna u differenti minn xulxin, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll kollha kemm aħna ġejna mgħammdin f’ġisem wieħed permezz ta’ Spirtu wieħed (ara 1 Kor 12:12-13). Għalhekk fil-Knisja hemm varjetà, diversità ta’ ħidmiet u funzjonijiet; m’hemmx uniformità lineari, imma l-għana tad-doni li jqassam l-Ispirtu s-Santu. Safrattant hemm il-komunjoni u l-għaqda: ilkoll f’relazzjoni wieħed ma’ l-ieħor u lkoll jitħabtu biex jiffurmaw ġisem wieħed ħaj, profondament marbut ma’ Kristu. Dan inżommuh f’moħħna sew: li nkunu parti mill-Knisja jfisser inkunu magħquda ma’ Kristu u nirċievu minnU l-ħajja divina li tagħtina li ngħixu ta’ Nsara, ifisser li nibqgħu magħqudin mal-Papa u ma’ l-Isqfijiet li huma strumenti ta’ għaqda u ta’ komunjoni, u jfisser ukoll li nitgħallmu kif nirbħu l-personaliżmi u l-firdiet, biex nifhmu iżjed lil xulxin, biex narmonizzaw il-varjetajiet u l-għana ta’ kull wieħed u waħda minna; f’kelma waħda, biex inħobbu iżjed lil Alla u lill-persuni qrib tagħna, fil-familja, fil-parroċċa, fl-għaqdiet. Il-ġisem u l-membri biex jgħixu jridu jkunu magħquda ma’ xulxin! L-għaqda hi superjuri għall-kunflitti, dejjem! Il-kunflitti, jekk ma jissolvewx tajjeb, joħolqu firda bejnietna, jifirduna minn Alla. Il-kunflitt jista’ jgħinna nikbru, imma jista’ wkoll jifridna bejnietna. Ejja ma nimxux fit-triq tal-firdiet, tal-ġlied bejnietna! Ilkoll magħquda, ilkoll magħquda bid-differenzi li għandna, imma magħquda, dejjem: din hi t-triq ta’ Ġesù. L-għaqda hi superjuri għall-kunflitti. L-għaqda hi grazzja li jeħtieġ nitolbu lill-Mulej biex jeħlisna mit-tentazzjoni tal-firda, tal-ġlied bejnietna, ta’ l-egoiżmu, tas-seksik. Kemm ħsara jagħmel is-seksik, kemm ħsara! Qatt m’għandna nseksku fuq l-oħrajn, qatt! Kemm ħsara jagħmlulha lill-Knisja l-firdiet bejn l-Insara, il-preġudizzji, l-interessi personali!

Il-firdiet bejnietna, imma anki l-firdiet bejn il-komunitajiet: Insara Evanġeliċi, Insara Ortodossi, Insara Kattoliċi, imma għaliex aħna mifrudin? Hemm bżonn infittxu li nġibu l-għaqda. Nirrakkontalkom din: il-lum, qabel ħriġt mid-dar, qattajt erbgħin minuta, bejn wieħed u ieħor, nofs siegħa, ma’ Pastor Evanġeliku u tlabna flimkien, u fittixna l-għaqda. Imma jeħtieġ nitolbu bejnietna l-Kattoliċi u anki ma’ l-Insara l-oħra, nitolbu biex il-Mulej jagħtina d-don ta’ l-għaqda, l-għaqda bejnietna. Imma kif niksbu din l-għaqda bejn l-Insara jekk l-ewwel m’aħniex kapaċi nsibuha bejnietna l-Kattoliċi? Li nsibuha fil-familja? Kemm familji miġġielda u mifruda bejniethom! Fittxu l-għaqda, l-għaqda li tibni l-Knisja. L-għaqda tiġi minn Ġesù Kristu. Hu jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex iġibilna l-għaqda.

Għeżież ħuti, nitolbuh lil Alla: Għinna nkunu membri tal-Ġisem tal-Knisja dejjem magħquda b’mod profond ma’ Kristu; għinna biex ma nġiegħlux il-Ġisem tal-Knisja jbati bil-kunflitti tagħna, il-firdiet ta’ bejnietna, l-egoiżmi tagħna; għinna nkunu membri ħajja magħquda ma’ xulxin permezz ta’ qawwa waħda, dik ta’ l-imħabba, li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fil-qlub tagħna (ara Rum 5:5).

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s