Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika


9. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 22 ta’ Mejju 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Fil-Kredu, dritt wara li nkunu stqarrejna l-fidi tagħna fl-Ispirtu s-Santu, ngħidu: “Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”. Hemm rabta profonda bejn dawn iż-żewġ realtajiet tal-fidi: fil-fatt hu l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lill-Knisja, li jmexxi l-passi tagħha. Mingħajr il-preżenza u l-azzjoni bla waqfien ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja ma tistax tgħix u ma tistax twettaq ix-xogħol li Ġesù Rxoxt fdalha biex tmur u tagħmel dixxipli mill-ġnus kollha (ara Mt 28:18).

Il-missjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza, u din m’hix missjoni ta’ xi wħud biss, imma hi l-missjoni tiegħi, tiegħek, tagħna lkoll. L-Appostlu Pawlu esklama: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (1 Kor 9:16). Kulħadd irid ikun evanġelizzatur, fuq kollox b’ħajtu! Pawlu VI enfasizza: “Li tevanġelizza… hi l-grazzja u s-sejħa propja tal-Knisja, l-identità l-aktar profonda tagħha. Hi teżisti biex tevanġelizza” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 14).

Min hu l-veru mutur wara l-evanġelizzazzjoni fil-ħajja tagħna u tal-Knisja? Pawlu VI kiteb ċar: “Huwa hu, l-Ispirtu s-Santu li, il-lum bħal fil-bidu tal-Knisja, jaħdem f’kull evanġelizzatur li jħallih jaħkmu u jmexxih Hu, iqiegħed fuq xufftejh il-kliem li waħdu ma jistax isib, waqt li fl-istess ħin iħejji l-qalb ta’ min qed jisma’ biex ikun miftuħ ħa jilqa’ l-Bxara t-Tajba u s-Saltna li qed tiġi mxandra” (ibid., 75). Mela biex nistgħu nevanġelizzaw jeħtieġ ninfetħu mill-ġdid għall-orizzont ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, mingħajr ma nibżgħu minn dak li jista’ jitlobna jew lejn fejn sa jmexxina. Nafdaw ruħna f’idejH! Hu jagħmilna kapaċi ngħixu u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, u jdawwal il-qalb ta’ dawk li magħhom niltaqgħu. Din kienet l-esperjenza ta’ Għid il-Ħamsin: lill-Appostli, miġbura fiċ-Ċenaklu ma’ Marija, “dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:3-4). L-Ispirtu s-Santu, meta jinżel fuq l-Appostli, iġegħilhom joħorġu mill-kamra li fiha kienu ngħalqu kollha mbeżżgħa, joħroġhom minnhom infushom, u jibdilhom f’xandâra u xhieda ta’ “l-għeġubijiet ta’ Alla” (v. 11). U din il-bidla mwettqa mill-Ispirtu s-Santu tiġi riflessa fuq il-ġemgħa li nġabret fuq il-post u li kienet ġejja “minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema” (v. 5), hekk li kull wieħed jirnexxielu jisma’ l-kelmiet ta’ l-Appostli bħallikieku kienu mlissna fl-ilsien tiegħu (v. 6).

Hawn jinsab l-ewwel effett importanti ta’ l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jmexxi u jagħti l-ħajja lit-tħabbira tal-Vanġelu: l-għaqda, il-komunjoni. F’Babel, skond ir-rakkont Bibliku, bdew jixterdu l-ġnus u seħħet il-konfużjoni ta’ l-ilsna, frott l-għemil ta’ suppervja u ta’ kburija tal-bniedem li ried jibni, bis-saħħa tiegħu waħdu, mingħajr Alla, “belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet” (Ġen 11:4). F’Għid il-Ħamsin dawn il-firdiet huma mirbuħa. Ma tibqax iżjed is-suppervja kontra Alla, lanqas l-għeluq ta’ wieħed għall-oħrajn, imma hemm il-ftuħ għal Alla, fejn wieħed joħroġ biex iħabbar il-Kelma tiegħu: ilsien ġdid, dak ta’ l-imħabba li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fi qlubna (ara Rum 5:5); ilsien li kulħadd jista’ jifhem u li, jekk milqugħ, jista’ jesprimi ruħu f’kull eżistenza u f’kull kultura. L-ilsien ta’ l-Ispirtu, l-ilsien tal-Vanġelu hu l-ilsien tal-komunjoni, li jistedinna biex nirbħu l-għeluq u l-indifferenza, il-firdiet u l-kuntrasti li noħolqu bejnietna. Irridu nistaqsu lkoll kemm aħna lilna nfusna: Kif inħalli l-Ispirtu s-Santu jmexxini b’mod li ħajti u x-xhieda tal-fidi tiegħi jġibu l-għaqda u l-komunjoni? Fl-ambjenti li fihom ngħix qed inwassal il-kelma tar-rikonċiljazzjoni u ta’ l-imħabba li hi l-Vanġelu? Kultant donnu jidher li l-lum qed jirripeti ruħu dak li seħħ f’Babel: firdiet, m’aħniex kapaċi nifhmu lil xulxin, rivalitajiet, għira, egoiżmu. Jien x’qed nagħmel b’ħajti? Qed inġib l-għaqda madwari? Jew nifred, bis-seksik, il-kritika, l-għira? X’qed nagħmel? Naħsbu ftit fuq dan. Inwasslu l-Vanġelu jfisser inħabbru u ngħixu aħna l-ewwel ir-rikonċiljazzjoni, il-maħfra, il-paċi, l-għaqda u l-imħabba li l-Ispirtu s-Santu jagħtina bħala don. Niftakru fi kliem Ġesù: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:34-35).

Element ieħor: nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, iqum bil-wieqfa “flimkien mal-Ħdax” u “b’leħen għoli” (Atti 2:14) u “kif iħossha”, iħabbar il-bxara t-tajba ta’ Ġesù, li ta ħajtu għall-fidwa tagħna u li Alla qajmu mill-imwiet. Araw effett ieħor tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu: il-kuraġġ li nħabbru lil kulħadd l-element ġdid tal-Vanġelu ta’ Ġesù, bi frankezza (parresia), b’leħen għoli, f’kull waqt u f’kull imkien. U dan qed iseħħ anki l-lum għall-Knisja u għal kull wieħed u waħda minna: min-nar ta’ Għid il-Ħamsin, mill-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, dejjem jixxettlu enerġiji ġodda għall-missjoni, toroq ġodda biex fihom inħabbru l-messaġġ tal-fidwa, kuraġġ ġdid biex nevanġelizzaw. Ejjew ma ningħalqu qatt għal din l-azzjoni! Ngħixu l-Vanġelu bl-umiltà u l-kuraġġ! Nagħtu xhieda għal dak li hu ġdid fih, it-tama, il-ferħ li l-Mulej iġib f’ħajjitna. Inħossu fina “l-hena ħelu u mimli faraġ ta’ l-evanġelizzazzjoni” (Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 80). Għax meta nevanġelizzaw u nħabbru lil Ġesù, dan jagħtina l-ferħ; min-naħa l-oħra, l-egoiżmu jġibilna biss diqa, niket, isabbatna ma’ l-art; l-evanġelizzazzjoni tgħollina ’l fuq.

U sempliċement naċċenna għat-tielet element, li, imma, hu partikularment importanti: evanġelizzazzjoni ġdida, Knisja li tevanġelizza jeħtieġ titlaq dejjem mit-talb, milli tittallab – kif għamlu l-Appostli fiċ-Ċenaklu – in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ir-relazzjoni fidila u intensa ma’ Alla biss tagħtina li noħorġu mill-għeluq tagħna nfusna u nħabbru bil-parresia l-Vanġelu. Mingħajr it-talb, il-ħidma tagħna tisfa vojta u x-xandir tagħna jkun bla ruħ minn ġewwa, u ma jkunx immexxi mill-Ispirtu.

Għeżież ħbieb, kif afferma Benedittu XVI, il-lum il-Knisja “tħoss fuq kollox ir-riħ ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħinna, jurina t-triq it-tajba; u hekk, b’ħeġġa ġdida, nimxu u rroddu ħajr lill-Mulej” (Messaġġ lill-Assemblea Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, 27 ta’ Ottubru 2012). Inġeddu kuljum il-fiduċja tagħna fil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-fiduċja li Hu jaħdem fina, Hu jinsab fina, jagħtina l-ħeġġa Appostolika, jagħtina l-paċi, jagħtina l-hena. Inħalluh imexxina Hu, inkunu nies tat-talb, li jagħtu xhieda tal-Vanġelu bil-kuraġġ kollu, u hekk insiru fid-dinja tagħna strumenti ta’ l-għaqda u tal-komunjoni ma’ Alla.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.