Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja hija il-Poplu ta’ Alla


11. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 12 ta’ Ġunju 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq nieqaf fil-qosor fuq terminu ieħor li bih il-Konċilju Vatikan II fisser min hi l-Knisja, dak ta’ “Poplu ta’ Alla” (ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 9; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 782). U dan nagħmlu b’xi mistoqsijiet, li fuqhom kulħadd jista’ jirrifletti xi ftit.

1. Xi jfisser “Poplu ta’ Alla”? L-ewwel u qabel kollox ifisser li Alla m’hu l-propjetà ta’ ħadd; għax Hu li jsejħilna, ilaqqagħna flimkien, jistedinna biex nagħmlu parti mill-poplu tiegħu, u din l-istedina hi miftuħa għal kulħadd, mingħajr distinzjoni, għax il-ħniena ta’ Alla trid “li l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2:4). Ġesù lill-Appostli u lilna ma jitlobniex nifformaw grupp esklussiv, grupp elitista. Ġesù jgħidilna: Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha (ara Mt 28:19). San Pawl jistqarr li fil-poplu ta’ Alla, fil-Knisja, “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg… għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28). Lil min iħossu mbiegħed minn Alla u mill-Knisja, lil min hu beżgħan jew indifferenti, lil min jaħseb li ma jistax jinbidel, irrid ngħidlu wkoll: Il-Mulej anki lilek qed isejjaħlek biex tagħmel parti mill-poplu tiegħu u dan jagħmlu bl-ogħla rispett u mħabba! Hu jistedinna biex nagħmlu sehem minn dan il-poplu, il-poplu ta’ Alla.

2. Kif nidħlu membri ta’ dan il-poplu? Mhux permezz tat-twelid fiżiku, imma bi twelid ġdid. Fil-Vanġelu, Ġesù jgħid lil Nikodemu li jeħtieġ jitwieled mill-għoli, mill-ilma u mill-Ispirtu biex jista’ jidħol fis-Saltna ta’ Alla (ara Ġw 3:3-5). Hu permezz tal-Magħmudija li aħna nidħlu f’dan il-poplu, permezz tal-fidi fi Kristu, don ta’ Alla li jeħtieġ immantnuh u nkabbruh fil-ħajja kollha tagħna. Nistaqsu waħda lilna nfusna: Kif qed inkabbar fija l-fidi li rċivejt fil-Magħmudija tiegħi? Kif qed inkabbar fija din il-fidi li jiena rċivejt u li l-poplu ta’ Alla għandu f’idejh?

3. Il-mistoqsija l-oħra. Liema hi l-liġi tal-Poplu ta’ Alla? Hi l-liġi ta’ l-imħabba, imħabba lejn Alla u mħabba lejn il-proxxmu skond il-kmandament ġdid li ħallielna l-Mulej (ara Ġw 13:34). Imħabba, imma, li m’hix sentimentaliżmu li ma jħallix frott jew xi ħaġa vaga, imma tfisser li nagħrfu lil Alla bħala s-Sid waħdieni tal-ħajja u, fl-istess ħin, nilqgħu lill-oħrajn bħala tassew aħwa, nirbħu l-firdiet, ir-rivalitajiet, in-nuqqas ta’ ftehim, l-egoiżmi; dawn iż-żewġ affarijiet imorru flimkien. Kemm fadlilna x’nimxu biex nistgħu ngħixu b’mod konkret din il-liġi ġdida, dik ta’ l-Ispirtu s-Santu li jaħdem fina, dik tal-karità, ta’ l-imħabba! Meta fuq il-ġurnali jew it-televiżjoni aħna naraw tant gwerer bejn l-Insara, imma dan kif jista’ jkun? Fost il-poplu ta’ Alla, daqshekk gwerer! Fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol, kemm gwerer minħabba l-mibegħda, l-għira! Anki fl-istess familja, kemm gwerer interni! Hemm bżonn nitolbu lill-Mulej biex ifehimna sewwa din il-liġi ta’ l-imħabba. Kemm hi ħaġa sabiħa li nħobbu lil xulxin bħala tassew aħwa. Kemm hu sabiħ! Il-lum ejjew nagħmlu ħaġa. Forsi lkoll għandna grazzja ma’ xi ħadd u m’għandniex ma’ oħrajn; forsi hemm ħafna fostna li huma xi ftit irrabjati ma’ xi ħadd; allura ejjew ngħidu lill-Mulej: Mulej, jien irrabjat/a għal dan jew għall-oħra; nitolbok għalih u għaliha. Li nitolbu għal dawk li magħhom għandna xi ngħidu hu pass sabiħ ħafna f’din il-liġi ta’ l-imħabba. Nagħmlu hekk? Nagħmlu hekk il-lum!

4. X’missjoni għandu dan il-poplu? Dik li jxerred fid-dinja t-tama u l-fidwa ta’ Alla: li jkun sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla li jsejjaħ lil kulħadd għall-ħbiberija miegħU; li jkun ħmira li ttella’ l-għaġna kollha, melħ li jagħti t-togħma u li jippreserva mit-taħsir, li jkun musbieħ li jarmi d-dawl. Madwarna, biżżejjed niftħu gazzetta, – diġà għidtilkom – nilmħu li l-preżenza tal-ħażen qiegħda hemm, ix-Xitan jitħabat qiegħed. Imma nixtieq ngħidilkom b’vuċi għolja: Alla hu iktar b’saħħtu! Dan temmnuh intom: li Alla hu iżjed b’saħħtu? Imma ejjew ngħiduha flimkien, ngħiduha lkoll flimkien: Alla hu iżjed b’saħħtu! U tafu għaliex hu iktar b’saħħtu? Għax Hu l-Mulej, l-uniku Mulej. U rrid inżid li r-realtà xi kultant mudlama, immarkata mill-ħażin, tista’ tinbidel, jekk aħna l-ewwel nies inwasslu d-dawl tal-Vanġelu fuq kollox bil-ħajja tagħna. Jekk fi grawnd tal-futbol, ġibu f’moħħkom l-Olimpico hawn f’Ruma, jew dak ta’ San Lorenzo fi Buenos Aires, f’lejl mudlam, xi ħadd jixgħel lampa, wieħed bilkemm jara, imma jekk is-sebat elef spettatur l-ieħor kull wieħed u waħda jixegħlu d-dawl tagħhom, il-grawnd kollu jkun imdawwal. Ejjew inħabirku biex ħajjitna tkun dawl ta’ Kristu; flimkien inwasslu dan id-dawl tal-Vanġelu lid-dinja kollha.

5. Lejn fejn hu miexi dan il-poplu? L-għan tiegħu hi s-Saltna ta’ Alla, li ġiet inawgurata minn Alla nnifsu fuq din l-art u li jeħtieġ tkompli tikber sat-twettiq sħiħ tagħha, meta jidher Kristu, il-ħajja tagħna (ara Lumen gentium, 9). L-għan allura hu l-għaqda sħiħa mal-Mulej, il-ħbiberija mal-Mulej, li nidħlu fl-istess ħajja divina tiegħu, fejn għad ngħixu fil-ferħ ta’ mħabbtu bla qies, ferħ sħiħ.

Għeżież ħuti, li nkunu Knisja, Poplu ta’ Alla, skond il-pjan kbir ta’ l-imħabba tal-Missier, ifisser li nkunu l-ħmira ta’ Alla f’din l-umanità tagħna, ifisser li nħabbru u nwasslu s-salvazzjoni ta’ Alla f’din id-dinja tagħna, li spiss hi mħawda, għandha bżonn ta’ tweġibiet li jagħmlulha kuraġġ, li jagħtuha t-tama, li jagħtuha ħeġġa ġdida fil-mixja tagħha. Ħa tkun il-Knisja l-post tal-ħniena u tat-tama ta’ Alla, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur, imħeġġeġ biex jgħix skond il-ħajja tajba tal-Vanġelu. U biex tgħin lill-oħrajn iħossuhom milqugħa, maħbuba, maħfura, imħeġġa, il-Knisja trid tkun bil-bibien tagħha miftuħa, biex kulħadd jista’ jidħol. U aħna jeħtieġ noħorġu minn dawn il-bibien u nħabbru l-Vanġelu.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s