Il-Papa f’Santa Marta: L-ilsien jista’ joqtol ukoll

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju 2013: Ir-rabja u l-insult lil ħuk jistgħu joqtlu. Dan fakkru l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ħamis 13 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, waqt li kkummenta s-silta tal-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 20-26) tal-liturġija tal-jum, fejn jirrakkonta li kull min jirrabja ma’ ħuh għandu jkun suġġett għall-ħaqq. Flimkien mal-Papa, fil-jum li fih jagħlaq tliet xhur mill-elezzjoni tiegħu, kienu preżenti xi diplomatiċi Arġentini. Quddiem nett kien hemm l-istaff tal-ambaxxata fis-Santa Sede u ta’ dik fl-Italja, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi fl-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (il-FAO), rappreżentanti tal-Ordni Sovran Militari ta’ Malta (SMOM), u dipendenti tal-Konsolat Arġentin f’Ruma u f’Milan.

Waqt li fakkar lil San Ġwann li dwar dan jgħid li min jesprimi riżentiment u mibegħda lejn ħuh fir-realtà, f’qalbu, ikun diġà qatlu, il-Papa enfasizza l-bżonn li nidħlu fil-loġika tal-perfezzjoni, jiġifieri dik li nirrevedu l-kondotta tagħna. Waqt li dar lejn il-fidili tal-lingwa Spanjola, reġa’ mar lura fuq it-tema li niskreditaw lil ħuna billi nibdew mill-passjonijiet interni tagħna. Din fil-prattika hija t-tema tal-insult. Mill-banda l-oħra, il-Papa ġiegħel li jkun innutat b’mod ironiku kemm huwa mifrux fit-tradizzjoni Latina r-rikors għall-insult, bi kreattività meraviljuża, għax nivvintaw wieħed wara l-ieħor.

Sakemm  l-attribut huwa amikevoli, jista’ jgħaddi, ammetta l-Papa. Imma l-problema hija meta jkun hemm attribut ieħor iktar offensiv. Allura, qal, immorru biex nikkwalifikawh b’sensiela ta’ definizzjonijiet li mhumiex eżattament evanġeliċi. Fil-prattika, spjega Franġisku, l-insult huwa mod biex inċekknu lill-ieħor. Infatti m’hemmx għalfejn tmur għand il-psikologu biex tkun taf li meta wieħed iċekken lill-ieħor huwa għaliex hu ma jkunx jista’ jikber, għandu bżonn li l-ieħor imur iktar fil-baxx biex iħossu xi ħaġa. Dawn huma mekkaniżmi koroh. Għall-kuntrarju, fakkar il-Papa, Ġesù bis-sempliċità kollha jgħid: ‘La titkellmux ħażin dwar l-oħrajn, la ċċekknuhomx, la tiskwalifikawhomx.’ Wara kollox ilkoll kemm aħna qegħdin navvanzaw lejn l-istess mixja.

Din ir-riflessjoni ssib l-ispirazzjoni fil-pass tal-Evanġelju tal-jum li, fakkar il-Papa, huwa kontinwazzjoni tad-diskors tal-muntanja. Ġesù qal, ‘Ħabbru l-liġi l-ġdida.’ Ġesù huwa Mosè l-ġdid… u jħabbar il-liġi l-ġdida. Huma l-beatitudnijiet, il-Prietka tal-Muntanja. Bħalma Mosè kien ħabbar il-liġi fuq il-muntanja Sinaj, hekk Ġesù ġie biex jgħid li hu ma ġiex biex jelimina l-liġi ta’ qabel, imma biex iwettaqha, biex ikompli javvanzaha, biex iġegħilha timmatura iktar, biex iwassalha għall-milja tagħha. Ġesù, kompla l-Papa, jiċcara ferm aħjar li ma ġiex biex jabolixxi l-liġi sakemm l-aħħar punt u virgola tal-liġi jkunu mwettqa. Anzi, ġie biex jispjega x’inhi din il-liġi l-ġdida. Bla ebda dubju kien qiegħed jagħmel aġġustament: kien qed jadottaha għall-parametri legali l-ġodda. Bla ebda dubju ta’ xejn hija riforma; u madankollu din hija riforma bla ksur, riforma fil-kontinwazzjoni: miż-żerriegħa sal-frotta.

Meta Gesù għamel dan id-diskors, kompla l-Papa, beda b’sentenza: ‘Il-ġustizzja tagħkom hemm bżonn li tkun superjuri għal dik li qegħdin taraw issa, dik tal-iskribi u tal-fariżej.’ U jekk din il-ġustizzja ma tkunx superjuri, jintilfu, ma jidħlux fir-renju tas-Smewwiet. Għal dan, dak li jidħol fil-ħajja nisranija, dak li jaċċetta li jsegwi din il-mixja, għandu eżiġenzi superjuri għal dawk tal-oħrajn kollha. U hawn puntwalizzazzjoni: m’għandhiex vantaġġi superjuri, le; għandha eżiġenzi superjuri. U proprju Ġesù jsemmi xi wħud minnhom, fosthom l-eżiġenza tal-konvivenza, imma mbagħad jindika wkoll it-tema tar-relazzjoni negattiva lejn l-aħwa. Il-kliem ta’ Ġesù, insista l-Papa, ma jħallu ebda ċans ta’ ħarba: ‘Intom smajtu dak li ngħad fl-imgħoddi: La toqtolx. Dak li joqtol irid jidher quddiem it-tribunal. Imma jien ngħidilkom li kull min jirrabja kontra ħuh ikun ħaqqu li jkun ikkundannat u kull min jinsultah ħaqqu li jkun ikkastigat mit-tribunal.’

Rigward l-insult, sostna l-Papa, Ġesù huwa ferm iktar radikali u jmur iktar lil hemm għaliex jgħid li meta tibda tisma’ f’qalbek xi ħaġa negattiva kontra ħuk u dan tesprimih b’insult, b’saħta, jew b’rabja, ikun hemm xi ħaġa li mhix tiffunzjona u hemm bżonn li tikkonverti, hemm bżonn li tinbidel.

Dwar dan il-Papa Franġisku fakkar li l-Appostlu Ġakbu jgħid li dgħajsa titmexxa bit-tmun u persuna jmexxiha l-ilsien. Mela, sostna l-Qdusija Tiegħu, jekk xi ħadd mhux kapaċi jiddomina lsienu, jintilef. Dan hu punt debboli għall-bniedem. Din hija kwistjoni li tiġi mill-bogħod, għaliex dik l-aggressività naturali li kellu Kajjin lejn ħuh Abel tirrepeti ruħha tul l-istorja. Mhux għaliex aħna kattivi, imma għax aħna debboli u midinbin. Hekk hu għaliex, kompla l-Qdusija Tiegħu, huwa ferm aktar faċli li nsolvu sitwazzjoni permezz ta’ insult, b’kalunja, b’malafama, milli nsolvuha bit-tajjeb, bħal ma jgħid Ġesù. Mill-banda l-oħra, Ġesù huwa ċar f’dan ir-rigward, meta jistieden biex niftehmu mal-għadu u naslu għal ftehim ħalli ma nispiċċawx quddiem it-tribunal. U jmur iktar lil hemm. ‘Jekk tmur tfaħħar lil Missierek,’ żied il-Papa, ‘u tmur tippreżenta l-offerta fuq l-altar, u tiftakar li għandek problema ma’ ħuk, l-ewwel solvi l-problema.’

Bħala għeluq il-Papa talab lill-Mulej il-grazzja għal kulħadd biex noqogħdu attenti ftit iktar għal ilsienna rigward dak li ngħidu dwar l-oħrajn. Huwa bla dubju ta’ xejn penitenza ċkejkna, imma tagħti frott tajjeb. Huwa minnu li dan jirrikjedi sagrifiċċju u sforz, għaliex huwa ferm iktar faċli li dduq il-frott ta’ kumment b’togħma tajba kontra l-ieħor. Fit-tul dan il-ġuħ jiffruttifika u jagħmlilna tajjeb. Minn hawn il-bżonn li nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jaddattalna ħajjitna għal din il-liġi l-ġdida, li hija l-liġi tal-manswetudni, il-liġi tal-imħabba, il-liġi tal-paċi, billi jibda biex jiżbrilna ftit ilsienna, jiżbrilna ftit il-kummenti li nagħmlu dwar l-oħrajn, jew l-isplużjonijiet li jwassluna għall-insult, għar-rabja faċli.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: