Il-Papa f’Santa Marta: Il-pilastri tas-salvazzjoni nisranija

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 22 ta’ Ġunju 2013: Ir-rikkezzi u l-preokkupazzjonijiet tad-dinja jġibuna li ninsew l-imgħoddi, jagħmluna mħawdin fil-preżent u inċerti dwar il-futur. Jiġifieri jġegħluna ma nibqgħux naraw it-tliet pilastri li fuqhom tinbena l-istorja tal-fidwa nisranija: Missier li, fl-imgħoddi, għażilna; li għamlilna wegħda għall-futur tagħna, u li għaliha tajna tweġiba billi, fil-preżent, għamilna alleanza miegħu. Dan huwa s-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2013, fid-Domus Sanctæ Marthæ, li għaliha attendew grupp ta’ dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani.

L-omelija tal-Papa żviluppat fuq ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Mattew (6, 24-34) fejn jitkellem dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Ġesù lid-dixxipli, meta jgħid: ‘Ħadd ma jista’ jservi żewġ sidien għaliex jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lir-rikkezzi.’ U mbagħad ikompli: ‘Għalhekk jiena ngħidilkom la tħabblux raskom għal ħajjitkom, għal dak li tridu tieklu, għal dak li tridu tixorbu.’ Il-Papa qal li biex nifhmu dan jgħinna l-kapitlu 13 ta’ San Mattew li jirrakkonta meta Ġesù spjega lid-dixxipli l-parabbola taż-żerriegħa. Huwa jgħid li ż-żerriegħa li waqgħet fuq art bix-xewk, sfat fgata. Imma min jifgaha? Ġesù jgħid: ‘ir-rikkezzi u l-preokkupazzjonijiet tad-dinja’. Jidher li Ġesù kellu idea ċara dwar dan.

Mela r-rikkezzi u l-preokkupazzjonijiet tad-dinja, sostna l-Qdusija Tiegħu, jifgaw il-Kelma ta’ Alla u ma jħalluhiex tikber. U l-Kelma tmut għaliex ma tkunx mgħassa u tisfa fgata. F’dak il-każ ikollna bżonn ir-rikkezzi u l-preokkupazzjonijiet tad-dinja, imma mhux il-Kelma ta’ Alla.

Wara li ġegħilhom jinnutaw li Ġesù, fl-ispjegi tiegħu lid-dixxipli, introduċa l-element temporali, il-Papa staqsa x’jagħmlu fina r-rikkezzi u x’jagħmlulna l-preokkupazzjonijiet. Huwa wieġeb li sempliċement jeħdulna l-ħin, waqt li mbagħad spjega li ħajjitna kollha hija mibnija fuq tliet pilastri: wieħed fil-passat, wieħed fil-preżent u l-ieħor fil-futur. U dan huwa ċar fil-Bibbja.  Il-pilastru tal-passat huwa l-elezzjoni. Il-Mulej għażilna. Kull wieħed minna jista’ jgħid: ‘Il-Mulej għażilni, ħabbni, qalli ‘ejja’ u fil-Magħmudija għażilni biex insegwi triq, it-triq nisranija.’ Il-futur huwa l-wegħda li Ġesù għamel lill-bnedmin.  Għażilni, kompla jispjega l-Isqof ta’ Ruma, biex nimxi lejn wegħda, għamlilna wegħda. Fl-aħħar, il-preżent huwa t-tweġiba tagħna lil dan Alla hekk twajjeb li għażilni, li għamilli wegħda u li pproponieli alleanza; u jien nagħmel alleanza miegħu.

Elezzjoni, wegħda, alleanza huma mela t-tliet pilastri tal-istorja kollha tal-fidwa. Il-Qdusija Tiegħu żied li imma kultant jista’ jiġrilek li meta qalbna tidħol f’dan li Ġesù jispjegalna, taqta’ l-ħin:  taqta’ l-passat, taqta’ l-futur u titħawwad fil-preżent. Dan jiġri għaliex lil dak li huwa marbut mar-rikkezzi ma jinteressahx il-passat, lanqas il-futur, għax għandu kollox. Ir-rikkezza hija idolu. Hu m’għandux bżonn ta’ passat, ta’ wegħda, ta’ għażla, ta’ futur, ta’ xejn. Dak li jinkwetah huwa dak li jista’ jiġri. Għalhekk jaqta’ r-rapport tiegħu mal-futur, li għalih isir ‘futuribbli’. Imma bla ebda dubju ta’ xejn dan ma jorjentahx lejn wegħda u għalhekk jibqa’ mħawwad, waħdu. Għal dan Ġesù jgħidilna li jew Alla jew ir-rikkezzi; jew ir-renju ta’ Alla, jew il-ġustizzja tiegħu, jew il-preokkupazzjonijiet. Sempliċement jistedinna biex immorru fuq it-triq ta’ dak ir-rigal hekk kbir li huwa tana:  li nkunu l-magħżulin tiegħu. Bil-Magħmudija aħna magħżulin fl-imħabba, sostna l-Papa.

Ma ninqatgħux minn mal-passat; għandna Missier li qabbadna t-triq. U wkoll il-futur huwa ferrieħi għaliex qegħdin nimxu lejn wegħda u l-preokkupazzjonijiet ma joħorġux. Il-Mulej huwa fidil, ma jidħakx bina. U għalhekk immorru, kienet l-eżortazzjoni tal-Papa. Fir-rigward tal-preżent, nagħmlu dak li nistgħu, imma fil-konkret, mingħajr illużjonijiet u mingħajr ma ninsew li għandna Missier li fil-passat għażilna.

Il-Papa Franġisku tenna li mela għandna niftakru sewwa li ż-zerriegħa li waqgħet qalb ix-xewk sfat fgata, ġiet fgata mir-rikkezzi u mill-preokkupazzjonijiet tad-dinja: żewġ elementi li jġegħluna ninsew il-passat u l-futur. Hekk, għandna Missier imma ngħixu daqslikieku ma għandniex u għandna futur inċert. B’dan il-mod ukoll il-preżent huwa xi ħaġa mhix flokha. Imma huwa proprju għalhekk, assigura mbagħad il-Papa, li hemm bżonn nafdaw fil-Mulej li jgħidilna nibqgħu trankwilli, infittxu r-renju ta’ Alla, infittxu l-ġustizzja tiegħu, u l-ieħor kollu jiġi waħdu.

Fl-għeluq tal-omelija l-Papa ħeġġeġ biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma niżbaljawx billi nagħtu każ tal-preokkupazzjonijiet u tal-idolatrija tar-rikkezzi, imma niftakru dejjem li għandna Missier li għażilna u li jwegħidna xi ħaġa tajba.  Mela hemm bżonn li nimxu lejn dik il-wegħda billi nieħdu l-preżent hekk kif jiġi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: