Il-Papa f’Santa Marta: Il-misteru tal-paċenzja ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ġunju 2013: Ma jeżistix protokoll tal-azzjoni ta’ Alla fuq ħajjitna, imma nistgħu nibqgħu ċerti li, ħin jew ieħor, huwa jintervjeni kif jaf hu. Minħabba f’hekk m’hemmx għalfejn nitilfu sabarna jew nimtlew xettiċiżmu, ukoll għaliex meta niskoraġġixxu ruħna u niddeċiedu li ninżlu minn fuq is-salib, dan nagħmluh dejjem ħames minuti qabel ir-rivelazzjoni. Il-Papa għadda din l-istedina, biex inkunu nafu naċċettaw u nagħrfu l-mumenti ta’ Alla, waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa, 28 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Fost dawk preżenti kien hemm l-istaff tad-Direzzjoni tas-Sanità u l-Iġjene tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, immexxi mid-Direttur Patrizio Polisca.

Il-Papa qal li Alla jimxi dejjem magħna u dan huwa żgur.  Huwa spjega li mill-ewwel waqt tal-ħolqien, il-Mulej iddeffes magħna. Ma ħoloqx id-dinja, il-bniedem, il-mara, u ħalliehom waħedhom. Ħalaqna xbiha u xebh tiegħu. Mela, sa mill-bidu taż-żmenijiet hemm dan il-konvolġiment tal-Mulej f’ħajjitna, fil-ħajja tal-poplu tiegħu, għaliex il-Mulej huwa qrib il-poplu tiegħu, ħafna qrib. Hu nnifsu jgħid: ‘Liema poplu fuq l-art għandu Alla tant qrib tiegħu?’

Dan il-qrib tal-Mulej, saħaq il-Papa Franġisku, huwa sinjal ta’ mħabbtu: hu jħobbna tant li ried jimxi magħna. Il-ħajja hija mixja li hu ried jagħmilha flimkien magħna. U l-Mulej dejjem jidħol f’ħajjitna u jgħinna nimxu ’l quddiem. Imma, ippreċiża Franġisku, meta l-Mulej jiġi, mhux dejjem jagħmel dan bl-istess mod. Ma jeżisti ebda protokoll tal-azzjoni ta’ Alla fuq ħajjitna. Kultant dan jagħmlu mod, u kultant jagħmlu mod ieħor. Imma jagħmlu dejjem. Dejjem hemm din il-laqgħa bejnna u l-Mulej.

Il-Qdusija Tiegħu ġibed l-attenzjoni li s-silta tal-Evanġelju ta’San Mattew (8, 1-4) tal-liturġija tal-jum kienet turi kif il-Mulej dlonk jidħol fil-ħajja tal-lebbruż. L-evanġelista jirrakkonta li meta Ġesù niżel minn fuq il-muntanja, folla kbira marret warajh. U hekk hu, jersaq lejh il-lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu: ‘Mulej, jekk trid, tista’ tnaddafni.’ Firex idu u messu, waqt li qallu: ‘Irrid!’ Mela Ġesù jintervjeni minnufih: it-talba u l-miraklu.

Għall-kuntrarju, spjega l-Papa, fl-ewwel qari meħud mill-ktieb tal-Ġenesi (17, 1, 9-10, 15-22), naraw kif il-Mulej jidħol fil-ħajja ta’ Abram pass wara pass, bil-mod. Meta Abram kellu disgħa u tmenin sena, Alla kien assigurah bit-twelid ta’ iben. Illum qrajna li ta’ disgħa u disgħin sena, għaxar snin wara, iwiegħdu iben. Għaddew għaxar snin. L-għorrief jgħidulna li għall-Mulej jum qisu elf sena u elf sena qishom jum, kompla l-Papa.

Imbagħad zied li l-Mulej isegwi dejjem bil-mod tiegħu biex jidħol f’ħajjitna. Bosta drabi dan jagħmlu hekk bil-mod li aħna nkunu nissugraw li nitilfu ftit is-sabar: ‘Imma Mulej, meta?’ U nitolbu u nitolbu, imma l-intervent tiegħu fuq ħajjitna ma jasalx. Drabi oħra, minflok, naħsbu dwar dak li l-Mulej ikun wegħedna, imma huwa hekk kbir li kważi kważi nitilfu l-kredulità tagħna, insiru xettiċi, u bħal Abram ftit jew wisq bil-moħbi nitbissmu.

Infatti s-silta tal-Ġenesi tgħidilna li Abram jaħbi wiċċu u jitbissem. Ftit tax-xettiċiżmu: ‘Imma kif jien, ta’ kważi mitt sena, ikolli tifel, u marti, ta’ disgħin sena, ikollha iben!’ U l-istess, fakkar il-Papa, tagħmel Sara ħdejn il-ballut ta’ Mamri meta t-tliet anġli jtennu l-aħbar lil Abram waqt li hija kienet ftit jew wisq moħbija ħdejn il-fetħa tat-tinda. Żgur li kienet qiegħda tispija biex tisma’ dwar xiex kienu qegħdin jitkellmu l-irġiel.  Imma dan minn dejjem ġara…. U hi, meta semgħet dan, tbissmet. Tbissima ta’ xettiċiżmu.

L-istess jiġri lilna, innota l-Papa Franġisku.  Kemm drabi, meta l-Mulej ma jiġix, ma jagħmilx il-miraklu u ma jagħmlilniex dak li nkunu rridu li hu jagħmel, insiru jew bla sabar (‘Imma ma jagħmlux!’) jew xettiċi (‘Ma jistax jagħmlu!’) Il-Mulej jieħu l-ħin tiegħu, kompla l-Papa, imma hu wkoll, f’dan ir-rapport magħna, għandu tant sabar. Mhux aħna biss hemm bżonn li jkollna l-paċenzja. Huwa għandu, huwa jistenniena. U jistenniena sa tmiem il-ħajja, flimkien mal-ħalliel it-tajjeb li proprju proprju fl-aħħar għaraf lil Alla. Il-Mulej jimxi magħna, imma bosta drabi ma jħalliniex narawh, bħal fil-każ tad-dixxipli ta’ Emmaws.

Il-Mulej huwa mdeffes f’ħajjitna imma bosta drabi ma narawhx, reġa’ qal il-Qdusija Tiegħu, filwaqt li tenna li dan żgur iżda li dan jitlobna paċenzja. Imma l-Mulej, li jimxi magħna, ukoll hu għandu tant sabar magħna.  Dan hu l-misteru tal-paċenzja ta’ Alla li, fil-mixi, jimxi bil-pass tagħna.

Il-Papa Franġisku spjega li fil-ħajja, xi kultant, l-affarijiet isiru tassew imdallma. Ikun hemm tant dlam. U aħna jkollna aptit, jekk inkunu fid-diffikultà, li ninżlu mis-salib. U dan huwa l-mument preċiż: il-lejl huwa l-iktar mudlam meta t-tbexbix ikun fil-qrib. U dejjem, meta aħna ninżlu mis-salib, dan nagħmluh ħames minuti qabel ma tasal ir-rivelazzjoni. Huwa l-waqt tal-ikbar nuqqas ta’ sabar. Hawn jiġi bħala għajnuna t-tagħlim ta’ Ġesù, li fuq is-salib ħassu li kienu qegħdin jisfidawh: ‘Inżel, inżel, ejja!’  Trid għalhekk sabar sal-aħħar, għaliex hu għandu s-sabar magħna. Hu jidħol dejjem. Huwa mdeffes magħna. Dan iżda jagħmlu kif jaf hu u meta hu jaħseb li huwa l-aħjar. Jgħidilna biss dak li qal lil Abram: ‘Imxi fil-preżenza tiegħi u kun perfett, kun bla tebgħa.’ Din hija proprju l-kelma eżatta.

Il-Papa temm l-omelija billi talab lill-Mulej  sabiex jagħti l-grazzja lil kulħadd li jimxi dejjem fil-preżenza tiegħu billi jfittex li jkun bla tebgħa. Din hija l-mixja mal-Mulej u hu jintervjeni, imma rridu nistennew: nistennew il-mument waqt li nimxu dejjem fil-preżenza tiegħu u nfittxu li nkunu bla tebgħa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: