Il-Papa f’Santa Marta: Il-libertà ta’ wlied Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 4 ta’ Lulju 2013: Li kieku kellha teżisti karta tal-identità għall-Insara, bla ebda dubju ta’ xejn il-libertà kienet issib ruħha fost il-karatteristiċi ewlenin. Il-libertà ta’ wlied Alla, spjega l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 4 ta’ Lulju 2013 fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, hija l-frott tar-rikonċiljazzjoni mal-Missier imwettqa minn Ġesù, li ħa fuqu d-dnubiet tal-bnedmin kollha u feda lid-dinja bil-mewt tiegħu fuq is-salib.  Ħadd, ippuntwalizza l-Papa, ma jista’ jċaħħadna minn din l-identità.

Flimkien mal-Papa kkonċelebraw fost l-oħrajn il-Kardinal Telesphore Placidus Toppo, Arċisqof ta’ Ranchi, l-Indja, u l-Arċisqof  Piero Marini, President tal-Kumitat Pontifiċju għall-Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali, li kien qed jakkumpanja diversi dipendenti tad-dikasteru.

Ir-riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu kienet ibbażata fuq is-silta tal-Evanġelju ta’ Mattew (9, 1-8) li fiha hemm irrakkuntat il-miraklu tal-fejqan tal-paralitiku. Il-Papa għamel enfasi fuq is-sentimenti li bilfors qanqlu qalb il-bniedem invalidu meta, miġjub fuq l-istretcher, jisma’ lil Ġesù jgħidlu: ‘Kuraġġ ibni, dnubietek maħfura.’  Dawk li kienu qrib Ġesù f’dak il-waqt u semgħu kliemu, qalu: ‘Dan qed jidgħi, Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet.’ U Ġesù, biex iġegħilhom jifhmu sewwa, staqsihom: ‘X’inhu l-eħfef: taħfer id-dnubiet jew tfejjaq?’ U fejjaq. Ġesù, jgħid San Pietru, għadda jagħmel il-ġid, ifejjaq lil kulħadd.  Ifejjaq, ifejjaq lil kulħadd.

Imma Ġesù, meta kien ifejjaq xi marid, ma kienx biss fejjieq, kompla l-isqof ta’ Ruma. Meta kien jgħallem lin-nies – naħsbu ftit dwar il-beatitudnijiet – ma kienx biss katekista, predikatur tal-morali. Meta kien isawwat l-ipokresija tal-fariżej u tas-saduċej ma kienx rivoluzzjonarju li ried ikeċċi lir-Rumani ’l barra. Le, dawn l-affarijiet li Ġesù kien jagħmel – il-fejqan, it-tagħlim, il-kliem qawwi kontra l-ipokresija – kienu biss sinjal, sinjal ta’ xi ħaġa iktar li Ġesù kien qiegħed jagħmel: jaħfer id-dnubiet.  Jirrikonċilja d-dinja fi Kristu fl-isem tal-Missier: din hija l-missjoni ta’ Ġesù. L-affarijiet l-oħra kollha – il-fejqan, it-tagħlim, iċ-ċanfir – huma biss sinjali ta’ dak il-miraklu l-iktar profond li huwa l-ħolqien tad-dinja.

Talba tassew sabiħa tal-Knisja tgħid: ‘O Mulej, int li ħloqt id-dinja b’mod meraviljuż u b’mod iktar meraviljuż fdejtha, erġajt ħloqtha mill-ġdid…’  Mela r-rikonċiljazzjoni hija r-rikreazzjoni tad-dinja u l-missjoni l-iktar profonda ta’ Ġesù hija l-fidwa tagħna lkoll midinbin. U Ġesù, żied il-Papa, dan ma jagħmlux bil-kliem biss, lanqas b’ġesti, mhux billi jimxi fit-triq, le! Dan jagħmlu b’ġismu. Huwa proprju hu, Alla, li jsir wieħed minna, bniedem, biex ifejjaqna minn ġewwa.  Imma, staqsa l-Papa, nistgħu ngħidu li Ġesù sar midneb? Le, mhux proprju hekk, għaliex hu ma setax jidneb. San Pawl jgħid il-kelma eżatta: ma sarx midneb, sar id-dnub (cfr. 2Korintin 5, 21). Huwa ħa fuqu d-dnub kollu kemm hu. U dan huwa s-sabiħ, dan huwa l-ħolqien il-ġdid.  Hu Ġesù li jinżel mill-glorja u din hija l-fidwa tagħna. U s-salib fl-aħħar isir dnub (cfr.2 Korintin 5, 21).

Waqt li rrefera għall-ewwel qari tal-quddiesa meħud mill-ktieb tal-Ġenesi (22, 1-19), il-Papa fakkar imbagħad li waqt li Abram kien wieġeb minnufih lil ibnu Iżakk li kien qed isejjaħlu quddiem in-nar tas-sagrifiċċju, lil Ġesù li kien qed jgħid ‘Missieri’, il-Missier ma jweġbux. U hu jgħid biss: ‘Missier, għaliex abbandunajtni?’ Ġesù kien sar dnub biex jilliberana (cfr. 2 Korintin5, 21).  Dan huwa l-‘ikbar miraklu’ li permezz tiegħu Ġesù rrendiena wlied Alla u tana l-libertà ta’ wlied. U huwa proprju għal dan li aħna nistgħu ngħidu: ‘Missier.’  Altrimenti qatt ma konna nkunu nistgħu ngħidu dan.

Dan, żied il-Papa, huwa l-miraklu l-kbir ta’ Ġesù. Aħna lsira tad-dnub, huwa lliberana, fejjaqna. Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar dan, kompla Franġisku, u naħsbu li hu tant sabiħ li nkunu wlied, għaliex l-Iben jinsab id-dar. Ġesù fetħilna l-bibien tad-dar; aħna issa ninsabu d-dar. Issa nifhmu din il-kelma ta’ Ġesù: ‘Kuraġġ ibni, dnubietek  inħafrulek.’ Dan huwa l-għerq tal-kuraġġ tagħna: ‘Jien liberu, jien iben, il-Missier iħobbni u jien inħobb lill-Missier.’ Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nifhmu sewwa din l-opra tiegħu.

Alla rrikonċilja miegħu lid-dinja fi Kristu, ikkonkluda l-Papa Franġisku, waqt li lilna fdalna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni u l-grazzja li nġorru b’qawwa, bil-libertà ta’ wlied, din il-kelma tar-rikonċiljazzjoni. Aħna salvati f’Ġesù Kristu u ħadd ma jista’ jċaħħadna minn din il-grazzja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: