Il-Papa f’Santa Marta: Nikkontemplaw lil Ġesù manswet u batut

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 12 ta’ Settembru 2013: Mhux faċli għall-Insara li jgħixu skont il-prinċipji u l-virtujiet ispirati minn Ġesù. Mhux faċli, imma huwa possibbli, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċcelebrata l-Ħamis 12 ta’ Settembru 2013 filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Huwa possibbli, basta nikkontemplaw lil Ġesù batut u lill-umanità batuta u ngħixu ħajja moħbija f’Alla ma’ Ġesù.

Ir-riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu kienet ispirata mir-rikorrenza tat-tifkira liturġika tal-isem ta’ Marija. Huwa fetaħ billi qal li llum qed niffesteġġjaw l-isem tal-Madonna, l-isem imqaddes ta’ Marija. Darba waħda din il-festa kien jisimha l-Isem Ħelu ta’ Marija u llum fit-talba tlabna l-grazzja li nesperimentaw il-qawwa u l-ħlewwa ta’ Marija. Imbagħad inbidlet, imma fit-talba baqgħet din il-ħlewwa ta’ isimha.

Il-Papa kompla li llum ninħtieġu mill-ħlewwa tal-Madonna biex nifhmu dawn l-affarijiet li Ġesù qed jitlobna. Hija lista mhix faċli li tgħixha: ħobbu lill-għedewwa, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tittamaw xejn, lil min itik daqqa ta’ ħarta offrilu wkoll in-naħa l-oħra, lil min jeħodlok il-mantell la tirrifjutalhux it-tunika wkoll. Huma ħwejjeġ qawwija, imma dan kollu, bil-mod tagħha, kien migħux mill-Madonna: il-grazzja tal-manswetudni, il-grazzja tal-ħlewwa.

L-Appostlu Pawlu, żied il-Qdusija Tiegħu, jinsisti fuq l-istess suġġett: ‘Ħuti magħżulin minn Alla, qaddisin u maħbubin. Erġgħu ilbsu sentimenti ta’ ħlewwa, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ ġenerożità, waqt li tissaportu u taħfru lil xulxin jekk xi ħadd ikollu għalxiex igerger kontra xi ħadd ieħor. Bħal ma l-Mulej ħafrilkom, hekk agħmlu intom ukoll’ (Kolossin3, 12-17). Bla dubju, innota l-Papa, qed jiġi mitlub ħafna u għalhekk l-ewwel domanda li tqum spontanja hija: Imma kif nista’ nagħmel dan? Xi rrid nistudja biex nagħmel dan? Għall-Papa t-tweġiba hija ċara. Aħna, bl-isforz tagħna, ma nistgħux nagħmluh. Hija biss il-grazzja li tista’ twettqu fina. L-isforz tagħna jgħin, huwa meħtieġ, imma mhux biżżejjed.

L-Appostlu Pawlu f’dawn il-jiem, kompla l-Papa, kellimna spiss dwar Ġesù: Ġesù bħala t-totalità tan-Nisrani, Ġesù bħala ċ-ċentru tan-Nisrani, Ġesù bħala t-tama tan-Nisrani, għax huwa l-għarus tal-Knisja u jġib it-tama biex inkomplu mexjin ’il quddiem; Ġesù bħala rebbieħ fuq id-dnub, fuq il-mewt. Ġesù rebaħ u mar lura fis-sema bir-rebħa. Għal dan il-għan l-Appostlu jgħallimna xi ħaġa, jgħidilna: ‘Ħuti, la darba qomtu ma’ Kristu, fittxu l-affarijiet t’hemm fuq fejn hemm Kristu trijonfanti; huwa hemm bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla. Dawru ħsiebkom għall-affarijiet t’hemm fuq, mhux għal dawk ta’ din l-art… Infatti intom mittu u ħajjitkom hija moħbija ma’ Kristu f’Alla.’

Hija din it-triq li l-Mulej qed jitlobna: li naħbu ħajjitna ma’ Kristu f’Alla, tenna l-Papa. U dan irid jiġġedded f’kull wieħed mill-atteġġjamenti tagħna ta’ kuljum għaliex, spjega l-Isqof ta’ Ruma, huwa biss jekk ikollna qalbna u moħħna mdawrin lejn il-Mulej trijonfanti fuq id-dnub u fuq il-mewt, li nistgħu nagħmlu dak li hu qed jitlob minna.  Klemenza, umiltà, tjubija, ħlewwa, manswetudni, ġenerożità huma l-virtujiet li jservu biex insegwu t-triq indikata minn Kristu. Li nirċevuhom hija grazzja li tiġi mill-kontemplazzjoni ta’ Ġesù, speċifika l-Qdusija Tiegħu. Mhux kumbinazzjoni, reġa’ fakkar mill-ġdid, li missirijietna u ommijietna spiritwali għallmuna kemm hu importanti li nħarsu lejn il-passjoni tal-Mulej.

Huwa bil-kontemplazzjoni tal-umanità sofferenti ta’ Ġesù, tenna l-Papa, li nistgħu nsiru mansweti, umli, ħelwin bħalu. M’hemmx triq oħra. Bla dubju, irridu nagħmlu l-isforz li nfittxu lil Ġesù; li naħsbu dwar il-passjoni tiegħu, dwar kemm bata; li naħsbu dwar is-silenzju manswet tiegħu.  Dan, saħaq Franġisku, għandu jkun l-isforz tagħna; imbagħad, għall-bqija jaħseb hu, u jagħmel dak kollu li jkun jonqos. Imma int trid tagħmel dan: taħbi ħajtek f’Alla ma’ Kristu.

Mela, biex inkunu Nsara tajbin hemm bżonn li nikkontemplaw dejjem l-umanità ta’ Ġesù u l-umanità sofferenti. Biex nirrendu xiehda? Nikkontemplaw lil Ġesù. Biex naħfru? Nikkontemplaw lil Ġesù sofferenti. Biex ma nqasqsux kontra l-proxxmu? Nikkontemplaw lil Ġesù sofferenti. M’hemmx triq oħra, tenna l-Papa, waqt li fakkar imbagħad li dawn il-virtujiet huma l-istess tal-Missier, li huwa twajjeb, manswet u ġeneruż, li jaħfrilna dejjem, u l-istess tal-Madonna Ommna. Mhux faċli, imma possibbli.

Nafdaw lilna nfusna lill-Madonna. U meta llum, ikkonkluda l-Papa, nagħtuha l-awguri għall-festa ta’ isimha, nitolbuha li tagħtina l-grazzja li nesperimentaw il-ħlewwa tagħha.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: