Il-Papa f’Santa Marta: Il-kuraġġ tat-talb

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 10 ta’ Ottubru 2013: It-talb tagħna għandu jkun qalbieni, mhux biered, jekk irridu mhux biss niksbu l-grazzji meħtieġa imma, fuq kollox, permezz tiegħu, nagħrfu lill-Mulej. Jekk nitolbuH, se jkun Hu stess li jġibilna l-grazzja tiegħu. Dalgħodu, il-Ħamis, 10 ta’ Ottubru 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku reġa’ lura biex jitkellem dwar il-qawwa u l-qlubija tat-talb.

Il-Papa spjega li hemm bżonn li titlob b’insistenza jekk meħtieg, imma dejjem li tħalli lilek innifsek tiġi implikat minnu, kif tfakkar is-silta liturġika tal-Evanġelju ta’ Luqa (11, 5-13) b’din il-parabbola tal-ġar fitt, il-ħabib inopportun, li fil-qalba tal-lejl jiġi jitlob lill-ħabib l-ieħor ftit ħobż biex jitma’ ġar li kien għadu kemm wasal f’daru u lil min ma kellu xejn x’joffrilu. B’din it-talba, innota Franġisku, il-ħabib ikollu jqum mis-sodda u jtih il-ħobż. U Ġesù, f’okkażjoni oħra, ikellimna dwar dan: fil-parabbola tal-armla li marret għand l-imħallef korrott, li ma kellux aptitha, li ma riedx jismagħha; imma hija kienet hekk inopportuna, tant dejqitu, li fl-aħħar, biex jeħles minnha b’mod li ma ttihx iktar fastidju, għamel ġustizzja, dak li kienet qiegħda titolbu. Dan iġegħilna naħsbu dwar it-talb tagħna. Kif nitolbu aħna? Nitolbu hekk, bi drawwa, b’mod pjetuż, imma trankwilli, jew ninxteħtu bi qlubija quddiem il-Mulej biex nitolbu l-grazzja, biex nitolbu għal dak li nkunu qegħdin nitolbu?

L-atteġġjament huwa importanti, għaliex talb li mhux qalbieni, saħaq il-Papa, mhuwiex talb veru. Meta nitolbu ninħtieġu l-kuraġġ, li jkollna fiduċja li l-Mulej  jismagħna, il-kuraġġ li nħabbtu fuq il-bieb. Il-Mulej jgħid dan: ‘għaliex kull min jitlob, jaqla’, min ifittex, isib u min iħabbat, jiftħulu.’

Imma, staqsa l-Qdusija Tiegħu, it-talb tagħna huwa hekk? Jew forsi nillimitaw irwieħna billi ngħidu: ‘Mulej għandi bżonn, tini l-grazzja’?  F’kelma waħda, inħallu lilna nfusna nidħlu fit-talb? Nafu nħabbtu fuq il-qalb ta’ Alla? Biex iwieġeb, l-Isqof ta’ Ruma reġa’ lura għas-silta evanġelika, fi tmiem liema Ġesù jgħidilna: ‘Liema missier fostkom, jekk ibnu jitolbu ħuta, itih serp? Jew, jekk jitolbu bajda, itih skorpjun? Jekk intom missirijiet tagħtu t-tajjeb lil uliedkom…’  U mbagħad ikompli: ‘Jekk intom mela, li intom kattivi, tafu tagħtu ħwejjeġ tajbin lil uliedkom, kemm iżjed Missierkom tas-sema…’ U nistennew li jkompli billi jgħid: ‘jagħti ħwejjeġ tajba lilkom.’ Għall-kuntrarju le, huwa ma jgħidx dak! Jgħid: ‘jagħti l-Ispirtu s-Santu lil dawk li jitolbuh.’ U din hija ħaġa kbira.

Għalhekk, meta aħna nitolbu bi qlubija, il-Mulej mhux biss jagħtina l-grazzja, imma jagħtina wkoll lilu nnifsu fil-grazzja. Għaliex il-Mulej, spjega l-Papa b’espressjoni ċara u preċiża, qatt ma jagħti jew jipposponi jew jibgħat grazzja bil-posta.  Iġibha Hu, huwa Hu l-grazzja!

Illum, qal fl-għeluq il-Qdusija Tiegħu, fit-talba, fil-kolletta, għidna lill-Mulej biex jagħtina dak li wkoll it-talb ma jazzardax jitlob. U x’inhu dak li ma nazzardawx nitolbu? Lilu stess! Aħna nitolbu grazzja imma ma nazzardawx ngħidu: ‘Ejja int u ġibhieli.’  Nafu li grazzja dejjem tinġieb minnu: huwa Hu li jiġi u jtihielna. Ma naqtgħux figura kerha billi nieħdu l-grazzja u ma nagħrfux li dak li jġibha, dak li jtihielna, huwa l-Mulej.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb