Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja hija Kattolika


18. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 9 t’Ottubru 2013

Għeżież ħbieb, l-għodwa t-tajba! Qed nara li l-lum, f’dan it-temp ikrah, kontu kuraġġjużi: prosit!

“Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika…”. Il-lum sa nieqfu nitkellmu fuq dan l-Attribut tal-Knisja: insejħulha Kattolika. Din hi s-Sena tal-Kattoliċità. Qabel xejn, xi jfisser Kattoliku? Ġej mill-Grieg “kath’olòn” li jfisser “skond kollox”, it-totalità. U din it-totalità f’liema sens tapplika għall-Knisja? F’liema sens aħna ngħidu li l-Knisja hi Kattolika? Jien nara li hemm tliet tifsiriet fundamentali.

1. L-ewwel. Il-Knisja hi Kattolika għax hi l-post, id-dar fejn tiġi mħabbra l-fidi sħiħa, li fiha s-salvazzjoni li ġabilna Kristu tiġi offruta lilna. Il-Knisja tlaqqagħna mal-ħniena ta’ Alla li tibdilna, għax fiha hu preżenti Ġesù Kristu, li jagħtina l-vera stqarrija tal-fidi, il-milja tal-ħajja sagramentali, l-awtentiċità tal-ministeru ordnat. Fil-Knisja kull wieħed u waħda minna jsib dak li għandu bżonn biex jemmen, biex jgħix ta’ Nisrani, biex isir qaddis, biex jibqa’ miexi f’kull post u f’kull żmien.

Biex inġibilkom eżempju, nistgħu ngħidu li dan hu bħal fil-ħajja tal-familja; fil-familja lil kull wieħed u waħda minna jingħatalna dak kollu li jgħinna nikbru, nimmaturaw, ngħixu. Ma nistgħux nikbru waħidna, ma nistgħux nimxu waħidna, niżolaw ruħna, imma nimxu u nikbru fil-komunità, f’familja. U l-istess fil-Knisja! Fil-Knisja aħna nistgħu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, żguri li dan hu l-messaġġ li l-Mulej tana; fil-Knisja nistgħu niltaqgħu mal-Mulej fis-Sagramenti li huma t-twieqi miftuħa li permezz tagħhom jingħatalna d-dawl ta’ Alla, nixxigħat li minnhom nixorbu l-istess ħajja ta’ Alla; fil-Knisja nitgħallmu ngħixu l-komunjoni, l-imħabba li ġejja minn Alla. Kull wieħed u waħda minna l-lum jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Kif qed ngħix jien fil-Knisja? Meta mmur il-knisja, qisni qiegħed fil-grawnd, għal partita futbol? Jew qisni qiegħed iċ-ċinema? Le, hu ħaġa oħra. Kif immur jien il-knisja? Kif nilqagħhom id-doni li l-Knisja toffrili, biex nikber, biex nimmatura bħala Nisrani? Nieħu sehem fil-ħajja tal-komunità, jew immur il-knisja u ningħalaq fil-problemi tiegħi u niżola ruħi mill-oħrajn? Il-Knisja hi Kattolika f’dan l-ewwel sens, għax hi d-dar ta’ kulħadd. Ilkoll aħna wlied il-Knisja u lkoll qegħdin f’din id-dar.

2. It-tieni tifsira: il-Knisja hi Kattolika għax hi universali, hi mxerrda ma’ kull naħa tad-dinja u tħabbar il-Vanġelu lil kull bniedem. Il-Knisja m’hix xi grupp ta’ elitisti, m’hix biss għal xi wħud. Il-Knisja m’għandhiex għeluq, hi mibgħuta għat-totalità tal-persuni, għat-totalità tal-ġeneru uman. U l-istess Knisja hi preżenti anki fl-iżgħar partijiet tagħha. Kulħadd jista’ jgħid: Fil-parroċċa tiegħi hi preżenti l-Knisja Kattolika, għax hi wkoll parti mill-Knisja universali, hi wkoll għandha l-milja tad-doni ta’ Kristu, il-fidi, is-Sagramenti, il-ministeru; hi f’komunjoni ma’ l-Isqof, mal-Papa u hi miftuħa għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni. Il-Knisja m’hix biss dik li għandna għad-dell tal-kampnar tagħna, imma tħaddan għadd kbir ta’ ġnus, ta’ popli li jistqarru l-istess fidi, jieħdu jieklu mill-istess Ewkaristija, huma moqdija mill-istess Rgħajja. Inħossuna f’komunjoni mal-Knejjes kollha, mal-komunitajiet Kattoliċi kollha tad-dinja, żgħar jew kbar! Kemm hi ħaġa sabiħa din! U mbagħad inħossuna li lkoll għandna missjoni, komunitajiet żgħar jew kbar, ilkoll irridu niftħu l-bibien tagħna u noħorġu minħabba fil-Vanġelu. Għalhekk nistaqasu lilna nfusna: X’qed nagħmel jien biex inwassal lill-oħrajn il-ferħ tal-laqgħa mal-Mulej, il-ferħ li nagħmel parti mill-Knisja? Ix-xandir u x-xhieda tal-Vanġelu m’humiex xi affari ta’ ftit, tolqot anki lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna!

3. It-tielet u l-aħħar ħsieb: il-Knisja hi Kattolika, għax hi d-“Dar ta’ l-armonija” fejn għaqda u diversità jafu joqogħdu flimkien biex jissarrfu f’għana. Naħsbu fix-xbieha ta’ sinfonija, li tfisser qbil, armonija, għadd ta’ strumenti jdoqqu flimkien; kull wieħed iżomm it-timbru uniku tiegħu u l-karatteristiċi tal-ħoss tiegħu jaqblu ma’ xi ħaġa komuni. Imbagħad hemm min mexxi, id-direttur, u fis-sinfonija li tiġi esegwita kollha jdoqqu flimkien f’“armonija”, imma ma jitneħħiex it-timbru ta’ kull strument; il-partikularità ta’ kull wieħed, anzi, tiġi vvalorizzata fl-aqwa tagħha!

Hi xbieha sabiħa li turina li l-Knisja hi bħal orkestra kbira li fiha hemm varjetà. M’aħniex kollha bħal xulxin u m’għandniex inkunu kollha bħal xulxin. Kollha aħna differenti minn xulxin, kull wieħed bil-kwalitajiet propji tiegħu. U dan hu s-sabiħ tal-Knisja: kull persuna ġġib tagħha, dak li Alla taha, biex tagħni lill-oħrajn. U bejn il-komponenti hemm din id-diversità, imma hi diversità li ma tidħolx f’kunflitt, ma toħloqx kuntrasti; hi varjetà li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jħallatha f’armonija waħda; Hu l-veru “Maestro”, Hu stess hu armonija. U hawn nistaqsu lilna nfusna: Fil-komunitajiet tagħna qed ngħixu f’armonija, jew dejjem nillatikaw bejnietna? Fil-komunità parrokkjali tiegħi, fil-moviment tiegħi, fejn jien nagħmel parti mill-Knisja, ikun hemm tpaċpiċ fuq l-oħrajn? Jekk hemm it-tqassis, m’hemmx armonija, imma ġlied. U din m’hix il-Knisja. Il-Knisja hi l-armonija ta’ kulħadd flimkien: mingħajr tqassis ta’ wieħed fuq l-ieħor, mingħajr ġlied! Naċċettaw lill-oħrajn, naċċettaw li hemm varjetà f’lokha, li dan hu differenti, li dan jaħsibha b’dan il-mod jew mod ieħor – imma anki fl-istess fidi nistgħu naħsbuha differenti minn xulxin – jew it-tendenza hi li rridu kollox l-istess? Imma l-uniformità toqtol il-ħajja. Il-ħajja tal-Knisja hi varjetà, u meta nkunu rridu nimponu din l-uniformità fuq kulħadd, inkunu qed noqtlu d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, li hu propju l-awtur ta’ din l-għaqda fil-varjetà, ta’ din l-armonija, biex jagħmilna dejjem iżjed “Kattoliċi”, jiġifieri f’din il-Knisja li hi Kattolika u universali!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s