Il-Papa f’Santa Marta: It-tama, din il-virtù mhix magħrufa

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2013: It-tama hija l-iktar umli mit-tliet virtujiet teologali, għaliex fil-ħajja din tistaħba. Madankollu hija tinbidel fi profondità, bħal ma mara tqila hija mara imma hi bħal qisha se tinbidel għaliex se ssir omm. Dwar it-tama l-Papa Franġisku tkellem dalgħodu, it-Tlieta  29 ta’ Ottubru 2013, waqt il-quddiesa ċcelebrata fid-Dar Santa Marta, waqt li rrifletta fuq l-atteġġjament tal-Insara fl-istennija tar-rivelazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

Ma’ dan l-atteġġjament hija marbuta t-tama, virtù, qal il-Papa fil-bidu tal-omelija, li rrivelat ruħha iktar qawwija mit-tbatijiet, hekk bħal ma jikteb San Pawl fl-ittra lir-Rumani (8, 18-25). Pawlu, innota l-Papa, jirreferi għaż-żminijiet preżenti, u jgħid li mhumiex paragunabbli mal-glorja futura li tkun irrivelata lilna. L-Appostlu jitkellem minn aspettattiva ardenti, tensjoni lejn ir-rivelazzjoni li tirrigwarda l-ħolqien kollu. Din it-tensjoni hija t-tama, reġa’ tenna, u li tgħix fit-tama huwa li tgħix fit-tensjoni, fl-istennija tar-rivelazzjoni tal-Iben ta’ Alla, meta jiġifieri l-ħolqien kollu, kif ukoll kull wieħed u waħda minna, inkunu meħlusa mill-iskjavitù biex nidħlu fil-glorja ta’ wlied Alla.

Imbagħad il-Papa kompla jkellimna dwar it-tama. Ukoll fil-kapitolu preċedenti tal-ittra lir-Rumani kien tkellem dwar it-tama. Kien qalilna li t-tama ma tiddiżappuntax, hija sikura. Madankollu mhijiex faċli biex tifhimha; u li tittama ma jfissirx li tkun ottimista. Mela t-tama mhix ottimiżmu, mhix dik il-ħila li tħares lejn l-affarijiet b’qalb tajba u tibqa’ għaddej, u lanqas mhi sempliċement atteġġjament pożittiv, bħal dak ta’ ċerti persuni luminużi, pożittivi. Din, qal il-Qdusija Tiegħu, hija tajba, imma mhix it-tama.

Jingħad, spjega l-Qdusija Tiegħu, li hija l-iktar umli mit-tliet virtujiet għaliex tinħeba fil-ħajja. Il-fidi tidher, tinħass, nafu xinhi; u l-karità tagħmilha, taf x’inhi. Imma x’inhi t-tama? It-tweġiba tal-Papa kienet ċara: Biex noqorbu xi ftit nistgħu ngħidu bħala l-ewwel ħaġa li hija sogru. It-tama hija virtù riskjuża, virtù, bħal ma jgħid San Pawl, ta’ aspettattiva ardenti lejn ir-rivelazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Mhix illużjoni. Hija dik li kellhom l-Iżraeliti li, meta sfaw meħlusa mill-iskjavitù, qalu: ‘Konna qisna qegħdin noħolmu. Allura fommna mtela bi tbissima u lsienna bil-ferħ.’

Hekk hu, spjega l-Qdusija Tiegħu, dan huwa li se jseħħ meta jkun hemm ir-rivelazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Li jkollok it-tama jfisser proprju dan: tkun f’tensjoni lejn din ir-rivelazzjoni, lejn dan il-ferħ li jimlielna fommna bit-tbissim. U stqarr li hija sabiħa din l-immaġni! Imbagħad irrakkonta li l-ewwel Insara kienu jpinġuha bħala ankra. It-tama hija ankra: ankra mwaħħla max-xatt tad-dinja l-oħra. Ħajjitna hija bħal mixi fuq il-ħabel lejn l-ankra. Imma aħna fejn aħna ankrati?, staqsa l-Isqof ta’ Ruma. Aħna ankrati proprju hemm, fuq ix-xatt ta’ dak l-oċean hekk ’il bogħod, jew aħna ankrati f’daqsxejn ta’ lag artifiċjali li bnejnieh aħna, bir-regoli tagħna, bl-imġibiet tagħna, bl-orarji tagħna, bil-klerikaliżmi tagħna, bl-atteġgjamenti ekkleżjastiċi tagħna?  Mhux ekkleżjali, eh! Aħna ankrati hemm fejn kollox huwa komdu u sikur? Din mhix it-tama.

Pawlu, żied il-Papa Franġisku, imbagħad ifittex ikona oħra tat-tama, dik tal-ħlas. Infatti nafu li l-ħolqien kollu, u wkoll aħna flimkien mal-ħolqien, ‘nokorbu u nsofru l-uġigħ tal-ħlas sallum.’  Mhux biss, imma wkoll aħna li nippossjedu l-ewwel frott tal-ispirtu, nokorbu – aħsbu fil-mara li twelled – nokorbu internament waqt li nistennew. Ninsabu fl-istennija. Dan huwa twelid. It-tama, żied il-Papa, titqiegħed f’din id-dinamika tal-għoti tal-ħajja. Mhix ħaġa li tidher ukoll għal min jgħix ‘fl-ewwel frott tal-Ispirtu’. Imma nafu li l-Ispirtu jaħdem. L-Evanġelju, ippreċiża l-Papa waqt li rrifera għas-silta ta’ Luqa (13, 18-21), jgħid xi ħaġa dwar dan. L-Ispirtu jaħdem fina. Jaħdem bħallikieku kien żerriegħa tas-senapa, żgħira imma minn ġewwa mimlija bil-ħajja u l-qawwa u tibqa’ tikber sa ma ssir siġra. L-Ispirtu jaħdem bħall-ħmira li għandha l-ħila tkabbar id-dqiq kollu. Hekk jaħdem l-Ispirtu.

It-tama hija grazzja li rridu nitolbu.  Infatti hija ħaġa li tgħix fit-tama, għax fit-tama aħna mifdija, u ħaġa oħra hija li tgħix ta’ Nisrani tajjeb u xejn iktar; tgħix fl-istennija tar-rivelazzjoni jew tgħix tajjeb bil-kmandamenti; li nkunu ankrati max-xatt tad-dinja futura jew ipparkjati fil-lag artifiċjali.

Biex ifiehem il-kunċett aħjar, il-Papa indika kif inbidel l-atteġġjament ta’ Marija, tfajla żagħżugħa, meta saret taf li kienet omm: ‘Mur u għin u kanta dak il-kantiku ta’ tifħir.’ Għaliex, spjega l-Papa Franġisku, meta mara tkun tqila, hija mara imma bħallikieku tinbidel fil-profond għaliex issa hija omm. U t-tama hija xi ħaġa simili: tibdel l-atteġġjament tagħna. Għal dan, huwa żied, nitolbu li nkunu rġiel u nisa ta’ tama.

Fl-għeluq, waqt li dar fuq grupp ta’ saċerdoti Messikani li kienu qegħdin jiċċelebraw il-ħamsa u għoxrin anniversarju tas-saċerdozju tagħhom, waqt li indika l-immaġni Marjana li huma kienu ġabulu bħala rigal, il-Papa qal: Ħarsu lejn Ommkom, figura tat-tama tal-Amerika. Ħarsu, hija mpittra bħala tqila. Hija l-Madonna tal-Amerika, hija l-Madonna tat-tama. Itolbu lilha l-grazzja sabiex is-snin li ġejjin ikunu għalikom snin ta’ tama, il-grazzja li tgħixu bħala saċerdoti tat-tama, li tirregalaw it-tama.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb