Ix-Xirka tal-Qaddisin


21. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 30 t’Ottubru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq nitkellem fuq realtà sabiħa ferm tal-fidi tagħna, jiġifieri fuq ix-“xirka tal-qaddisin”. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jfakkarna li b’din l-espressjoni nifhmu żewġ realtajiet: xirka fil-ħwejjeġ qaddisa u xirka bejn persuni qaddisa (nru 948). Ħa nieqaf fuq it-tieni tifsira: hawn qed nitkellmu fuq waħda mill-iżjed veritajiet konsolanti tal-fidi tagħna, għax tfakkarna li m’aħniex waħidna, imma teżisti xirka ta’ ħajja bejn dawk kollha li huma ta’ Kristu. Xirka li tiġi mill-fidi; fil-fatt, it-terminu “qaddisin” jirriferi għal dawk li jemmnu fil-Mulej Ġesù u huma mxierka f’ġismU fil-Knisja permezz tal-Magħmudija. Għalhekk l-ewwel Insara kienu msejħin ukoll “il-qaddisin” (ara Atti 9,13,32,41; Rum 8:27; 1 Kor 6:1).

1. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jgħid li, qabel il-Passjoni tiegħu, Ġesù talab lill-Missier għall-għaqda bejn id-dixxipli, b’dawn il-kelmiet: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (17:21). Il-Knisja, fil-verità l-iżjed profonda tagħha, hi xirka ma’ Alla, familjarità ma’ Alla, komunjoni ta’ mħabba ma’ Kristu u mal-Missier fl-Ispirtu s-Santu, li tidher ukoll fix-xirka bejn l-aħwa. Din ir-relazzjoni bejn Ġesu u l-Missier hi l-“għerq” tar-rabta ta’ bejnietna l-Insara: jekk aħna mxerkin intimament f’dan l-“għerq”, f’dan il-forn jaħraq bl-imħabba, allura nistgħu nsiru tabilħaqq qalb waħda u ruħ waħda bejnietna, għax l-imħabba ta’ Alla taħraq l-egoiżmi tagħna, il-preġudizzji tagħna, il-firdiet interjuri u esterni tagħna. L-imħabba ta’ Alla taħraq anki d-dnubiet tagħna.

2. Jekk inniżżlu għeruqna f’din l-għajn ta’ l-Imħabba, li hi Alla, allura jseħħ ukoll il-moviment reċiproku: mill-aħwa għal għand Alla; l-esperjenza tal-komunjoni fraterna twassalna għall-komunjoni ma’ Alla. Jekk inkunu magħqudin bejnietna, naslu biex inkunu magħqudin ma’ Alla, naslu għal din ir-rabta ma’ Alla li hu Missierna. Dan hu t-tieni aspett tax-xirka tal-qaddisin li rrid infakkar: il-fidi tagħna għandha bżonn tas-sostenn ta’ l-oħrajn, speċjalment fil-mumenti iebsin. Jekk aħna nkunu magħqudin, il-fidi tissaħħaħ. Kemm hu sabiħ li nwieżnu lil xulxin fl-avventura meraviljuża tal-fidi! Qed ngħid dan għax it-tendenza li ningħalqu f’dak li hu privat influwenzat ukoll l-ambitu reliġjuż, hekk li spiss inbatu biex nitolbu l-għajnuna spiritwali ta’ dawk li jaqsmu magħna l-esperjenza Nisranija. Min minna lkoll ma għaddiex minn nuqqas ta’ ċertezza, konfużjoni u anki dubji fil-mixja tal-fidi? Kollha ġarrabnieh dan, anki jien: jagħmel parti mill-mixja tal-fidi, jagħmel parti minn ħajjitna. Dan kollu m’għandux jgħaġġibna, għax aħna bnedmin, immarkati mid-dgħufija u l-limiti tagħna; aħna lkoll dgħajfa, kollha għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Madankollu, f’dawn il-mumenti iebsin jeħtieġ nafdaw fl-għajnuna ta’ Alla, permezz tat-talb bħala wlied, u, fl-istess waqt, hu importanti li nsibu l-kuraġġ u l-umiltà li ninfetħu għall-oħrajn, biex nitolbu l-għajnuna, biex nitolbu lil min jagħtina daqqa t’id. Kemm drabi għamilna hekk u mbagħad irnexxielna noħorġu mill-problema u nsibu lil Alla mill-ġdid! F’din il-komunjoni – komunjoni trid tfisser għaqda komuni – aħna familja kbira, fejn il-membri kollha jgħinu u jwieżnu lil xulxin.

3. U niġu għal aspett ieħor: ix-xirka tal-qaddisin tmur lil hemm mill-ħajja fuq din l-art, tmur lil hemm mill-mewt u tibqa’ għal dejjem. Din l-għaqda bejnietna tmur lil hinn iżjed u tkompli fil-ħajja l-oħra; hi għaqda spiritwali li titwieled mill-Magħmudija u l-mewt ma tkissirhiex, imma, grazzi għal Kristu Rxoxt, hi ddestinata li ssib il-milja tagħha fil-ħajja ta’ dejjem. Hemm rabta profonda u li ma tinħallx bejn dawk li għadhom pellegrini f’din id-dinja – bejnietna – u dawk li qabżu l-għatba tal-mewt biex daħlu fil-ħajja ta’ dejjem. L-imgħammdin kollha hawn isfel fuq l-art, l-erwieħ tal-Purgatorju u l-henjin kollha li jinsabu diġà l-Ġenna flimkien jiffurmaw Familja waħda u kbira. Din ix-xirka bejn art u sema sseħħ b’mod speċjali fit-talb ta’ interċessjoni.

Għeżież ħbieb, xi ġmiel għandna f’idejna! Hi realtà tagħna, ta’ kulħadd, li tagħmilna lkoll aħwa, li sseħibna fil-mixja tal-ħajja u ssibna wkoll mill-ġdid hemm fuq fis-Sema. Nimxu f’din it-triq bil-fiduċja, bil-ferħ. In-Nisrani għandu jkun hieni, ferħan li għandu tant ħutu mgħammdin li mexjin miegħu; imwieżen mill-għajnuna ta’ l-aħwa rġiel u nisa li mexjin din l-istess triq biex jaslu fis-Sema; u anki bl-għajnuna ta’ l-aħwa rġiel u nisa li qegħdin fis-Sema u jitolbu lil Ġesù għalina. Ejjew nimxu bil-ferħ f’din it-triq!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.