Il-Papa f’Santa Marta: Ġurnata partikolari

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 28 ta’ Ottubru 2013: Sabiħ li nitolbu wieħed għall-ieħor. Waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tnejn 28 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku waqaf fuq il-valur tat-talb magħmul għall-proxxmu li jinsab għaddej minn waqt ta’ diffikultà.

Ir-riflessjoni tal-Papa bdiet b’kumment mis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (6, 12-19) fejn jirrakkonta l-għażla tat-tnax-il Appostlu mwettqa minn Ġesù. Huwa qal li l-għażla tal-Appostli hija ġurnata ftit jew wisq speċjali, għażla li ssir biss wara li Ġesù kien talab lill-Missier ‘waħdu’.   Infatti, meta Ġesù jitlob lill-Missier, ikun waħdu miegħu. Imbagħad isib ruħu flimkien mad-dixxipli u jagħżel tnax li jsejħilhom Appostli. Imbagħad flimkien magħhom imur qalb in-nies li kienu jistennewh biex jitfejqu. Dawn huma tliet waqtiet li jikkaratterizzaw il-ġurnata: Ġesù li jqatta’ lejl sħiħ jitlob lill-Missier fuq il-muntanja; Ġesù fost l-Appostli tiegħu; Ġesù fost in-nies. U fit-tliet waqtiet li huma, spjega l-Papa, it-talb huwa l-punt ċentrali: Ġesù jitlob lill-Missier għaliex miegħu kellu intimità; jitolbu għan-nies li marru jfittxuh; u jitolbu wkoll għall-Appostli.

Biex jgħinna nifhmu aħjar is-sens tat-talb ta’ Ġesù, l-Isqof ta’ Ruma fakkar ukoll dak id-diskors wara ċ-ċena tal-Ħamis Imqaddes, meta jitlob lill-Missier waqt li jgħidlu: ‘Jien nitlob għal dawn tiegħi; imma mbagħad nitlob għal kulħadd, ukoll għal dawk li għad jiġu u li għad jemmnu.’  Dik ta’ Ġesù hija talba universali imma hija wkoll talba personali. Mhux kumbinazzjoni, fakkar il-Papa, li fil-lejl ta’ dak l-istesss jum iħares lejn Pietru li kien qed jagħmilha tal-qalbieni u jgħidlu: ‘Pietru, Satana kiseb il-permess biex jgħaddik mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jien tlabt għalik sabiex il-fidi tiegħek ma tonqosx.’ U mbagħad iħeġgu: ‘Itlob lill-Missier għal kulħadd.’ U l-Isqof ta’ Ruma minnufih żied: Jien irrid li llum ilkoll kemm aħna nħarsu lejn Ġesù li jitlob.

Imma, staqsa l-Papa, jekk inhu veru li Ġesù f’dak iż-żmien kien jitlob, illum għadu jitlob? Eh, iva.  Dan tgħidulna l-Bibbja, wieġeb. U spjega li Huwa l-interċessur, dak li jitlob, li jitlob lill-Missier magħna u quddiemna. Ġesù fdiena: għamel din it-talba kbira, is-sagrifiċcju ta’ ħajtu biex jifdina. Aħna ġgustifikati grazzi lilu. Issa mar. U jitlob.

Mela Ġesù huwa persuna, huwa bniedem b’ġisem bħal tagħna, imma fil-glorja. Ġesù għandu l-pjagi f’idejh, fuq saqajh, fuq ġenbu. U meta jitlob huwa juri lill-Missier il-prezz tal-ġustifikazzjoni u jitlob għalina. Bħal donnu jgħid: ‘Missier, biex dan ma jintilifx.’ Ġesù, kompla l-Papa Franġisku, dejjem għandu f’moħħu l-fidwa tagħna. U  minħabba dan, meta nitolbu ngħidu: ‘F’ġieħ il-Mulej tagħna Ġesù Kristu ibnek.’ Għaliex huwa l-ewwel wieħed li jitlob; huwa ħuna, huwa bniedem bħalna, Ġesù l-interċessur.

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu reġa’ staqsa: Wara li kiseb għalina l-fidwa u wara li ġġustifikana, issa x’jagħmel? Jinterċedi, jitlob għalina, wieġeb, filwaqt li kompla li kien jaħseb dwar x’ħass Pietru meta, wara li kien ċaħdu, Ġesù ħares lejh u hu beka. Ħass li dak li kien qallu Ġesù, kien veru. Kien talab għalih u għalhekk seta’ jibki, seta’ jindem.

Bosta drabi, żied il-Papa, bejnietna ngħidu: ‘Itlob għalija. Għandi bżonn, għandi tant problemi, tant affarijiet, itlob għalija.’ U din, enfasizza, hija ħaġa tajba għaliex hemm bżonn li nitolbu għal xulxin.  Ngħidu lil Ġesù: ‘Itlob għalija;  int li int l-ewwel fostna, int itlob għalija.’ Dażgur li jitlob, imma għidlu: ‘Itlob għalija, Mulej, int li int l-interċessur,’ u uri fiduċja kbira. Hu jitlob għalija, hu jitlob għalina lkoll. U jitlob b’mod qalbieni, għaliex juri lill-Missier il-prezz tal-ġustizzja tagħna, il-pjagi tiegħu.

Naħsbu ħafna dwar dan, qal fil-konklużjoni tiegħu l-Papa, u niżżu ħajr lill-Mulej, niżzu ħajr lil Ħuna li jitlob għalina u li jitlob magħna, jinterċedi għalina. U nitkellmu ma’ Ġesù, ngħidulu: ‘Mulej, int l-interċessur, int salvajtni, iġġustifikajtni, imma issa itlob għalija.’ Nafdawlu l-problemi tagħna, ħajjitna, sabiex Hu jwassal kollox lill-Missier.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb