Il-Papa f’Santa Marta: Żewġ ikoni u mistoqsija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 31 ta’ Ottubru 2013: Quddiesa ċċelebrata fuq il-qabar tal-Beatu Ġwanni Pawlu II

Żewġ ikoni u mistoqsija. Il-Papa Franġisku pproponiehom dalgħodu, il-Ħamis 31 ta’ Ottubru 2013, fil-quddiesa ċċelebrata fuq il-qabar tal-Beatu Ġwanni Pawlu II fil-kappella ta’ San Bastjan tal-bażilika Vatikana. Flimkien mal-Papa, ikkonċelebraw  mija u għoxrin saċerdot, il-biċċa l-kbira minnhom Pollakki, fosthom l-elemonier pontifiċju Monsinjur Konrad Krajewski. Waqt li kkummenta l-qari tal-jum meħud mill-Ittra lir-Rumani (8, 31-39) u mill-Evanġelju ta’ Luqa (13, 31-35), il-Papa għamel l-omelija li ġejja.

F’dawn is-siltiet tal-qari hemm żewġ ħwejjeġ li jolqtu.  L-ewwel ħaġa hija s-sikurezza ta’ Pawlu: ‘Ħadd ma jista’ jbegħidni mill-imħabba ta’ Kristu.’ Tant kien iħobb lill-Mulej – għaliex kien rah, kien sabu, il-Mulej kien bidillu ħajtu – tant kien iħobbu, li kien jgħid li ebda ħaġa ma setgħet tbiegħdu mill-Mulej. Proprju din l-imħabba tal-Mulej kienet iċ-ċentru tal-ħajja ta’ Pawlu. Fil-persekuzzjonijiet, fil-mard, fit-tradimenti, f’dak kollu li hu għex, dawn il-ħwejjeġ kollha li kienu ġrawlu f’ħajtu, xejn minn dan ma seta’ jbiegħdu mill-imħabba ta’ Kristu. Kienet proprju ċ-ċentru ta’ ħajtu, ir-riferiment: l-imħabba ta’ Kristu. U n-Nisrani ma jistax ikun mingħajr l-imħabba ta’ Kristu, mingħajr l-għajxien  ta’ din l-imħabba, li jagħraf, li jiekol minn din l-imħabba.  In-Nisrani huwa dak li jħossu mħares mill-Mulej, b’dik il-ħarsa hekk sabiħa, maħbub mill-Mulej u maħbub saħansitra sat-tmiem.  In-Nisrani jħoss li ħajtu kienet salvata permezz tad-demm ta’ Kristu. U dan jagħmel l-imħabba: dan ir-rapport ta’ mħabba. Dan huwa l-ewwel li tant jolqot.

Il-ħaġa l-oħra li tolqot huwa dan in-niket ta’ Ġesù hekk kif jilmaħ lil Ġerusalem. ‘Imma int, Ġerusalemm, li ma fhimtx l-imħabba.’ Ma fehmitx il-ħlewwa ta’ Alla, b’dik l-immaġni hekk sabiħa, li jgħid Ġesù. Ma tifhimx l-imħabba ta’ Alla: il-kuntrarju ta’ dak li kien iħoss San Pawl. Imma iva, Alla jħobbni, Alla jħobbna, imma din hija ħaġa astratta, hija ħaġa li ma tmisslix qalbi, u jien nirranġa kif nista’ fil-ħajja. M’hemmx fedeltà hemm. U l-biki tal-qalb ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm huwa dan:  ‘Ġerusalemm, int m’intix fidila; int ma ħallejtnix inħobbok; u int afdajt lilek innifsek lil tant idoli, li kienu jwegħduk ħafna, kienu jgħidulek li jtuk kollox, imbagħad abbandunawk.’ Il-qalb ta’ Ġesù, it-tbatija tal-imħabba ta’ Ġesù: imħabba mhix aċċettata, mhix milqugħa.

Dawn iż-żewġ ikoni llum: dik ta’ Pawlu li jibqa’ fidil sal-aħħar għall-imħabba ta’ Ġesù.  Minn hemm isib il-qawwa biex ikompli għaddej, biex jissaporti kollox. Hu jħossu dgħajjef, iħossu midneb, imma għandu l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, f’dik il-laqgħa li huwa kien kellu ma’ Ġesù Kristu. Mill-banda l-oħra, il-belt u l-poplu infidil, mhux fidil, li ma jaċcettax l-imħabba ta’ Ġesù, jew iktar agħar, li jgħix din l-imħabba imma bin-nofs: ftit iva, ftit le, skont il-konvenjenzi proprji. Inħarsu lejn Pawlu bil-qlubija tiegħu li tiġi minn din l-imħabba, u nħarsu lejn Ġesù jibki fuq dik il-belt, li mhix fidila. Inħarsu lejn il-fedeltà ta’ Pawlu u lejn l-infedeltà ta’ Ġesrusalemm u fin-nofs inħarsu lejn Ġesù, lejn qalbu, li tħobbna tant. X’nistgħu nagħmlu?

Il-mistoqsija hija: Jien nixbah iktar lil Pawlu jew lil Ġerusalemm? Imħabbti lejn Alla hija hekk qawwija bħal dik ta’ Pawlu jew qalbi hija hekk bierda bħal dik ta’ Ġerusalemm? Il-Mulej, bl-interċessjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, jgħinna biex inwieġbu għal din id-domanda. Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb