Il-Papa f’Santa Marta: L-istedina għall-festa m’għandhiex prezz

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 5 ta’ Novembru 2013: L-eżistenza nisranija hija stedina bla ħlas għall-festa; stedina li ma tistax tixtriha għaliex tiġi mingħand Alla, u li għaliha trid twieġeb bil-parteċipazzjoni u bil-kondiviżjoni. Din hija r-riflessjoni ssuġġerita lill-Papa Franġisku mill-qari liturġiku (Rumani 12, 5-16a; Luqa 14, 15-24) tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 5 ta’ Novembru 2013, ġewwa d-Dar Santa Marta. Qari, spjega l-Papa, li jurina kif inhi l-karta tal-identità tan-Nisrani; kif inhu Nisrani. U li minnu wieħed jifhem qabel xejn li l-eżistenza nisranija hija stedina; insiru Nsara biss kemm-il darba nkunu mistednin.

L-Isqof ta’ Ruma individwa l-modalità ta’ din l-istedina. Din hi, huwa qal, stedina bla ħlas u dak li jibgħatha huwa Alla. Imma, huwa wissa, in-nuqqas ta’ ħlas jimplika wkoll xi konsegwenzi. L-ewwel fosthom hija li jekk ma ġejniex mistiedna, ma nistgħux nirreaġixxu billi sempliċement inwieġbu: ‘Nixtri d-dħul biex immur!’ Infatti, ma tistax! Biex tidħol, sostna l-Qdusija Tiegħu, ma tistax tħallas: jew int mistieden jew ma tistax tidħol. U jekk fil-kuxjenza tagħna m’għandniex din iċ-ċertezza li nkunu mistiedna, ma fhimniex x’inhuwa Nisrani. Mistiedna b’xejn, bil-grazzja pura ta’ Alla, bi mħabba pura tal-Missier. Kien Ġesù, b’demmu, li fetħilna din il-possibiltà.

Il-Papa Franġisku mbagħad iċcara xi tfisser fil-konkret l-istedina tal-Mulej għal kull Nisrani: mhijiex stedina biex nagħmlu passiġġata, imma għall-festa, għall-ferħ, għall-ferħ li aħna mifdija, il-ferħ li naqsmu l-ħajja ma’ Ġesù. U ssuġgerixxa wkoll x’irridu nifhmu bit-terminu ‘festa’: laqgħa ta’ persuni li jitkellmu, jidħku, jiffesteġġjaw, huma kuntenti. Imma l-element ewlieni huwa appuntu l-laqgħa ta’ iktar individwi. Jien, fost il-persuni mentalment normali, qatt ma rajt wieħed li jagħmel festa waħdu: tkun ftit jew wisq ħaġa li ddejjaq!, spjega b’battuta l-Papa, waqt li reġà ġibed l-attenzjoni għax-xbiha tal-biki ta’ dak li beħsiebu jiftaħ il-flixkun tal-inbid biex jixrob waħdu.

Mela, il-festa tesiġi li tkun mal-kumpanija, mal-oħrajn, fil-familja, mal-ħbieb. Insomma, il-festa trid taqsam. Minħabba f’hekk, li tkun Nisrani jimplika appartenenza. Tappartjeni għal dan il-korp, magħmul minn nies li ġew mistednin għall-festa; festa li tgħaqqadna lkoll, festa ta’ unità.

Is-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa toffri, fost oħrajn, il-lista ta’ dawk li ġew mistiedna: il-foqra, il-magħtubin, l-għomja, iz-zopop. Dawk li għandhom il-problemi, sostna l-Papa, u li huma ftit jew wisq emarġinati min-normalità tal-belt, ikunu l-ewwel f’din il-festa. Imma jkun hemm ukoll post għall-oħrajn kollha; anzi, fil-verżjoni ta’ Mattew, l-Evanġelju jiċċara iktar aħjar: ‘Kollha, tajbin u ħżiena.’ U minn dik il-‘kollha’, il-Papa Franġisku jislet il-konsegwenza li l-Knisja mhix biss għall-persuni li huma tajbin, imma li l-midinbin ukoll, ilkoll kemm aħna midinbin ġejna mistiedna, biex nagħtu ħajja lil komunità li għandha rigali differenti. Komunità li fiha lkoll għandna kwalità, virtù, għaliex il-festa ssir billi jitpoġġa flimkien dak kollu li kull wieħed u waħda minna għandna.

Insomma, fil-festa nipparteċipaw totalment. Ma nistgħux nillimitaw billi ngħidu: ‘Jien se mmur għall-festa, imma nieqaf mal-ewwel tislima, għaliex irrid noqgħod ma’ tnejn jew tlieta li nafhom.’ Għaliex dan ma jistax isir fil-Knisja: jew tidħol ma’ kulħadd, inkella ibqa’ barra. Ma tistax tagħmel selezzjoni.

Aspett ieħor analizzat mill-Papa jirrigwarda l-ħniena ta’ Alla, li tilħaq saħansitra lil dawk li jiċħdu l-istedina jew li jagħmluha li taparsi jaċċettawha imma ma jeħdux sehem sħiħ fil-festa. L-ispunt għal darb’oħra ħareġ mis-silta ta’ Luqa, li jelenka l-iskużi miġjuba minn uħud mill-mistednin okkupati żżejjed. Dawn jieħdu sehem fil-festa biss bl-isem: ma jaċċettawx l-istedina, jgħidu li iva imma dan tagħhom mhux għajr le. Għall-Papa Franġisku dawn huma l-prekursuri ta’ dawk l-Insara li jikkuntentaw ruħhom biss li jkunu fil-lista tal-mistednin: Insara ‘elenkati’. Sfortunatament iżda, li tkun elenkat bħala Nisrani mhux biżżejjed. Jekk ma tidħolx għall-festa m’intix Nisrani; tkun fil-lista, iżda dan ma jgħoddx għall-fidwa tiegħek, wissa l-Papa.

Biex jiġbor fil-qosor ir-riflessjoni tiegħu, il-Papa elenka ħames sinifikati marbutin mal-immaġni tad-dħul fi knisja u, per konsegwenza, tad-dħul fil-Knisja. Qabel kollox, din hija grazzja, stedina, ma tistax tixtri dan id-dritt. It-tieni, imiss it-twaqqif tal-komunità, li tipparteċipa b’dak kollu li għandha – il-virtujiet, il-kwalitajiet li l-Mulej taha – fis-servizz lil xulxin. Barra minn hekk, dan jitlob li nkunu disponibbli għal dak li l-Mulej jitlob minna. U jfisser ukoll li ma nitolbux toroq speċjali jew bibien speċjali. Fl-aħħar, ifisser tidħol fil-poplu ta’ Alla li jimxi lejn l-eternità u f’liema poplu ħadd mhu protagonista, għaliex għandna Wieħed li għamel kollox u huwa biss jista’ jkun il-protagonista. Minn hawn l-eżortazzjoni tal-Papa Franġisku biex inpoġġu lilna nfusna lkoll warajH; u min mhux warajH, huwa wieħed li jiskuża ruħu. Fi kliem l-Evanġelju: bħal dak li jgħid, ‘Xtrajt għalqa,’ ‘Jien iżżewwiġt,’ ‘Xtrajt il-barrin, imma ma nistax immur warajH.’

Bla dubju, wissa l-Qdusija Tiegħu, il-Mulej huwa tassew ġeneruż u jiftaħ il-bibien kollha. Huwa jifhem ukoll lil dak li jgħidlu: ‘Le, Mulej, ma rridx niġi għandek.’ Jifhmu u jistennieh għaliex huwa ħanin. Imma ma jaċcettax il-gideb. Lill-Mulej, huwa rrimarka, ma jogħġbux dak il-bniedem li jgħid iva u jagħmel le; min jagħmel ta’ birruħu li jiżżi ħajr għal tant ħwejjeġ sbieħ, imma li fir-realtà jmur għal triqtu; li għandu manjieri sbieħ, imma li jagħmel dak li jrid u jfettillu, imma mhux ir-rieda tal-Mulej.

Hekk hi allura l-istedina konklussiva tal-Papa, li ħeġġeġ biex nitolbu lil Alla il-grazzja li nifhmu kemm hu sabiħ li nkunu mistiedna għall-festa, kemm hu sabiħ li naqsmu ma’ kulħadd il-proprji kwalitajiet, kemm hu sabiħ li nkunu miegħu; u għall-kuntrarju, kemm hu ikrah li tilgħab bejn l-iva u l-le; li tgħid iva imma tikkuntenta ruħek biss li tkun ‘elenkat’ fil-lista tal-Insara.

Migjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading