Il-Papa f’Santa Marta: Id-dgħufija ta’ Alla quddiem it-talb tal-poplu tiegħu

Is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2013: Alla huwa dgħajjef biss quddiem it-talb tal-poplu tiegħu. Mela huwa t-talb il-vera qawwa tal-bniedem: m’għandna negħjew qatt inħabbtu fuq il-bieb tal-qalb ta’ Alla, nitolbu l-għajnuna, għaliex meta jissejjaħ biex jiddefendi l-poplu tiegħu, Alla qatt ma jkun sodisfatt.

Dan fakkru l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, is-Sibt 16 ta’ Novembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, li għaliha assistew il-kanonċi tal-Bażilika Vatikana flimkien mal-Kardinal Angelo Comastri u l-Isqof Vittorio Lanzani, arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru u delegat tal-Fabbrika rispettivament.

Waqt li kkummenta l-qari tal-jum, il-Papa ried qabel xejn jenfasizza l-protezzjoni li l-Mulej joffri lil uliedu meta huma jduru lejh: Alla jagħmel, se jagħmel, ġustizzja, lill-magħżulin tiegħu, li jgħajtu jum u lejl lejH. Hekk għamel meta jsejjaħ lil Mosè u jgħidlu, ‘Smajt il-biki u l-karba tal-poplu tiegħi.’ Il-Mulej jisma’ (cfr. Luqa 18, 1-8).

Fl-ewwel qari, qal il-Papa, smajna dak li għamel il-Mulej: dik il-kelma omnipotenti mis-sema tiġi bħal gwerrier li mhu sodisfatt qatt. Meta l-Mulej jieħu f’idejh id-difiża tal-poplu tiegħu huwa hekk: huwa gwerrier implakabbli u jsalva lill-poplu tiegħu. Isalva, iġedded kollox: il-ħolqien kollu ġie mmudellat mill-ġdid, fil-proprja natura tiegħu, bħal qabel. Waqt li kkwota mill-ġdid il-Ktieb tal-Għerf (18, 14-16; 19, 6-9), il-Qdusija Tiegħu qal li huwa hekk li, ‘Il-Baħar l-Aħmar isir triq bla tfixkil u bla mewġ vjolenti, pjanura mimlija ħaxix; dawk li jdejk ipproteġew għaddew flimkien mal-poplu, waqt li kkontemplaw għegubijiet meraviljużi.’ Id-deskrizzjoni tal-ħelsien tagħhom, innota l-Papa, tassumi saħansitra tonijiet poetiċi: ‘Kienu mmexxija lejn il-mergħa bħal żwiemel u qabżu bħal nagħaġ eżultanti, waqt li ċċelebraw lilek, Mulej, li kont ħlisthom.’ Hekk, enfasizza, huwa l-poter tal-Mulej meta jrid isalva l-poplu tiegħu: qawwi. Huwa hu l-Mulej. Għaliex sema’ t-talb tal-poplu tiegħu; għaliex ħass f’qalbu li l-magħżulin tiegħu kienu qed ibatu.

Imma jekk din hija l-qawwa ta’ Alla, liema hi l-qawwa tal-bniedem?, staqsa lilu nnifsu l-Papa. Hija dik stess li xehdet l-armla li jitkellem dwarha l-Evanġelju, huwa spjega, hi li tħabbat bla ma taqta’ fuq bieb l-imħallef. Tħabbat, titlob, tgerger dwar il-ħafna problemi, il-ħafna niket, u titlob lill-Mulej il-ħelsien minn dan in-niket, minn dawn id-dnubiet, minn dawn il-problemi. Din hija l-qawwa tal-bniedem, it-talb, ukoll it-talb tal-bniedem umli, ippreċiża l-Papa, għaliex jekk f’Alla qatt kien hemm dgħufija, huwa spjega mill-ġdid, din turi ruħha proprju fil-konfront tat-talb tal-poplu tiegħu. Din hija d-dgħufija ta’ Alla. Il-Mulej huwa dgħajjef f’dan biss.

Il-qari, enfasizza l-Isqof ta’ Ruma, iġegħluna opportunament nimmeditaw fuq dak il-poter ta’ Alla, hekk ċar u hekk qawwi, li dwaru l-Knisja titkellem speċjalment fi żmien il-Milied, għaliex il-quċċata tal-qawwa ta’ Alla, tal-fidwa ta’ Alla, kienet proprju l-inkarnazzjoni tal-Verb: ‘Meta silenzju profond kien jiksi l-affarijiet kollha, u l-lejl kien f’nofs il-korsa mgħaġġla tiegħu, il-kelma omnipotenti mis-sema, mit-tron irjali tiegħek, gwerrier implakabbli, inxteħtet f’nofs din id-dinja ta’ qerda, waqt li ġabet, bħal xabla misnuna, id-digriet irrevokabbli tiegħek.’ Il-Knisja taqbad dan it-test ta’ liberazzjoni u ta’ qawwa biex tfisser li l-inkarnazzjoni tal-Verb kienet l-iktar punt għoli tal-fidwa tagħna.

Illum nieħu gost inħoss dan il-qari, fada l-Papa Franġisku, quddiemkom kanonċi ta’ San Pietru. Xogħolkom huwa proprju li tħabbtu fuq qalb Alla, titolbu; titolbu lill-Mulej għall-poplu ta’ Alla. U, ġo San Pietru, proprju fil-Bażilika l-iktar qrib tal-Papa, fejn jiltaqgħu l-petizzjonijiet kollha tad-dinja, intom tiġbru dawn il-petizzjonijiet u tippreżentawhom lill-Mulej flimkien ma’ talbkom.

U biex iqawwi l-idea tas-servizz li huma msejħa biex iwettqu, il-Papa reġa’ ppropona t-tenaċja tal-armla tal-Evanġelju, dik li titlob ġustizzja b’mod ostinat. Dan tagħkom, żied Franġisku, huwa servizz universali, servizz ta’ Knisja. Intom bħal dik l-armla: titolbu, ittennu, tħabbtu fuq qalb Alla. Kuljum. U ma kienet torqod qatt l-armla meta kienet tagħmel dan. Kienet qalbiena.

Il-Mulej, kompla l-Qdusija Tiegħu, jisma’ talb il-poplu tiegħu. Intom rappreżentanti pprivileġġjati tal-poplu ta’ Alla f’dan ir-rwol ta’ talb lill-Mulej għal tant bżonnijiet tal-Knisja, tal-umanità, ta’ kulħadd. U waqt li kkonkluda, Franġisku kompla jgħid: Niżżikom ħajr għal dan ix-xogħol. Niftakru dejjem li Alla għandu qawwa, meta jrid hu, li jbiddel kollox: ‘kollox kien immudellat mill-ġdid.’ Huwa kapaċi jimmudella kollox mill-ġdid; imma għandu wkoll dgħufija, it-talb tagħna, it-talb universali tagħkom qrib il-Papa ġewwa San Pietru. Grazzi għal dan is-servizz tagħkom u komplu hekk għall-ġid tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb