Il-Papa f’Santa Marta: Il-fedeltà lejn Alla ma tinnegozjax ruħha

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 18 ta’ Novembru 2013: Hemm periklu moħbi li qed jiġri mad-dinja. Dan huwa dak tal-globalizzazzjoni tal-uniformità eġemonika kkaratterizzata mill-ħsieb uniku li, permezz tiegħu, f’isem ta’ progressiżmu adolexxenzjali, wieħed ma jaħsibhiex darbtejn li jirrinega t-tradizzjonijiet proprji u l-proprja identità. Dak li għandu jikkunslana huwa iżda li quddiemna hemm dejjem il-Mulej fidil għall-wegħda tiegħu, li jistenniena, li jħobbna u li jipproteġina. F’idejh immorru sikuri għal kull mixja.

Din hija r-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku t-Tnejn, 18 ta’ Novembru 2013, filgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Miegħu kkonċelebra l-Arċisqof Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat, li llum beda s-servizz tiegħu fil-Vatikan. Minn Malta kkonċelebra mal-Papa wkoll Patri Silvestru Bonavia OFM Cap li huwa wkoll wieħed mit-tim tal-Laikos u li jgħin regolarment fit-traduzzjonijiet tad-diskorsi tal-Papa Franġisku.

Il-Papa beda r-riflessjoni tiegħu billi kkummenta l-qari meħud mill-ewwel ktieb tal-Makkabej (1, 10-15; 41-43; 54-57; 62-64), waħda mill-iktar paġni mnikkta tal-Bibbja li titkellem dwar parti sewwa mill-poplu ta’ Alla li jippreferi jitbiegħed mill-Mulej quddiem proposta ta’ mondanità. Din tittratta, innota l-Papa, dwar atteġgjament tipiku ta’ dik il-mondanità spiritwali li Ġesù ma riedx għalina. Tant li kien talab lill-Missier sabiex isalvana mill-ispirtu tad-dinja.

Din il-mondanità titwieled minn għerq pervers, minn bnedmin xellerati li huma kapaċi ta’ persważjoni intelliġenti: ‘Immorru nagħmlu alleanza mal-popli li għandna madwarna. Ma nistgħux inkunu iżolati, lanqas weqfin fuq it-tradizzjonijiet qodma tagħna. Nagħmlu alleanzi għaliex minn mindu tbegħidna minnhom ġrawlna ħafna ħwejjeġ ħżiena.’ Dan it-tip ta’ raġunar, fakkar il-Papa, kien meqjus tajjeb, tant li wħud ħadu l-inizjattiva u marru għand is-sultan, biex jittrattaw mas-sultan, biex jinnegozjaw. Dawn, huwa żied, kienu entużjasti, ħasbu li b’dan in-nazzjon, il-poplu ta’ Iżrael kien se jsir poplu kbir. Ċertament, innota l-Papa, ma pproponewx il-problema jekk kienx iktar jew inqas ġust li tassumi dan l-atteġġjament progressista, meqjus bħala avvanz akkost ta’ kollox. Anzi huma kienu jgħidu: ‘Ma ningħalqux. Aħna progressisti.’

Dan huwa ftit jew wisq dak li qed iseħħ illum, innota l-Isqof ta’ Ruma, bit-twettiq ta’ dak li hu ddefinixxa bħala l-ispirtu tal-progressiżmu adoloxxenti, skont liema, quddiem kwalunkwe għażla, wieħed jaħseb li huwa ġust li jkun xi jkun tmur ’il quddiem milli tibqa’ fidil għat-tradizzjonijiet proprji. Dawn in-nies, kompla l-Papa waqt li dar lura għar-rakkont bibliku, ittrattaw mas-sultan, innegozjaw. Imma ma nnegozjawx l-abitudnijiet… innegozjaw il-fedeltà lejn Alla dejjem fidil. U dan jissejjaħ apostasija. Il-profeti, b’riferiment għall-fedeltà, isejħulu adulterju, poplu adulteru. Ġesù dan jgħidlu: ‘ġenerazzjoni adultera u kattiva’ li tinnegozja ħaġa essenzjali għall-eżistenza proprja, il-fedeltà tal-Mulej. Forsi ma nnegozjawx xi valuri, ma jirrinunzjawx għalihom; imma dawn huma valuri, innota l-Papa, li fl-aħħar mill-aħħar tant tilfu senshom, li jibqgħu biss valuri nominali, mhux reali. Imma ta’ dan kollu mbagħad iħallsu l-konsegwenzi.

Waqt li rrefera għar-rakkont bibliku, il-Papa fakkar li ħadu d-drawwiet tal-pagani u aċcettaw l-ordni tas-sultan li kienet tippreskrivi li fis-saltna tiegħu lkoll kienu jiffurmaw poplu wieħed u li kull wieħed kellu jabbanduna l-użanzi tiegħu. U bla dubju ma kienx jittratta, qal il-Papa, dwar is-sabiħa globalizzazzjoni li tesprimi ruħha fl-unità tan-nazzjonijiet kollha li però jżommu d-drawwiet proprji. Dik li dwarha jitkellem ir-rakkont hija minflok il-globalizzazzjoni tal-uniformità eġemonika, il-ħsieb uniku frott tal-mondanità.

Wara li fakkar il-konsegwenzi għal dik il-parti tal-poplu ta’ Iżrael li kienet aċċettat dan il-ħsieb uniku u li kienet intelqet għal ġesti sagrilegi, il-Papa Franġisku enfasizza li atteġġjamenti simili għadhom isiru għaliex l-ispirtu tal-mondanità llum ukoll iwassalna għal din ix-xewqa li nkunu progressisti, għall-ħsieb uniku. Anzi, kif kien jiġri dakinhar, meta dak li kien jinstab fil-pussess tal-ktieb tal-alleanza kien jiġi kkundannat għall-mewt, hekk ukoll jiġri llum f’diversi partijiet tad-dinja bħal ma qrajna fil-ġurnali dawn l-aħħar xhur.

Li tinnegozja l-proprja fedeltà lejn Alla hija bħal ma tinnegozja l-identità proprja. U għal dan il-għan il-Papa fakkar fil-ktieb Il padrone del mondo ta’ Robert Hugh Benson, iben l-Arċisqof ta’ Canterbury Edward White Benson, li fih l-awtur jitkellem dwar l-ispirtu tad-dinja u, kważi bħal kienet profezija, jimmaġina x’jiġri. Dan ir-raġel, li kien jismu Benson u mbagħad ikkonverta għall-Kattoliċeżmu u tant għamel ġid, ra proprju dak l-ispirtu tal-mondanità li jwassalna għall-apostasija.

Jagħmel tajjeb ukoll lilna, issuġgerixxa l-Papa, li naħsbu f’dak irrakkontat fil-ktieb tal-Makkabej, f’dak li ġara, pass wara pass, kemm-il darba niddeċiedu li nsegwu dak il-progressiżmu adolexxenzjali u nagħmlu dak li jagħmel kulħadd. U jagħmlilna wkoll tajjeb li naħsbu dwar dak li ġara wara, għall-istorja suċċessiva, għall-kundanni għall-mewt, għas-sagrifiċċji umani li ġew wara. U waqt li staqsa, ‘Intom taħsbu li llum ma jsirux sagrifiċċji umani?’, il-Papa wieġeb: ‘Isiru bosta u bosta. U jeżistu liġijiet li jipproteġuhom.’

Dak li għandu jikkunslana, ikkonkluda l-Papa, huwa li quddiem il-mixja indikata mill-ispirtu tad-dinja, mill-prinċep ta’ din id-dinja, mixja ta’ infedeltà, jibqa’ dejjem il-Mulej li ma jistax jiċħad lilu nnifsu, il-fidil. Hu jistenniena dejjem; hu jħobbna tant u huwa lest li jaħfrilna, ukoll jekk nagħmlu xi pass falz ċkejken tul din il-mixja. Hu jaqbadna minn idejna hekk kif għamel mal-poplu għażiż tiegħu biex joħorġu barra mid-deżert.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb