Il-Papa f’Santa Marta: Spirtu ta’ għaqal li jirbaħ il-kurżità mondana

Il-Ħamis, 14 ta’ Novembru 2013: Kien dwar l-ispirtu tal-kurżità mondana, tal-ħerqa li nkunu nafu l-futur billi nippruvaw naħtfu l-proġetti ta’ Alla, li l-Papa Franġisku wissa fil-quddiesa ċċelebrata l-Ħamis, 14 ta’ Novembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-meditazzjoni tal-Papa ħadet spunt mill-ewwel qari tal-Liturġija, meħud mill-Ktieb tal-Għerf (7, 22-8, 1). Il-pass bibliku, huwa spjega, jurina deskrizzjoni tal-istat spiritwali tar-ruħ tar-raġel u tal-mara, kważi karta tal-identità spiritwali tal-veru Nisrani u tal-vera Nisranija li jgħixu ‘fil-għerf tal-Ispirtu s-Santu’. Għerf imsejjes fuq spirtu intelliġenti, qaddis, uniku, irqiq. L-atteġgjament ġust huwa proprju dak li tmur ’il quddiem bi spirtu tajjeb, jgħidu l-qaddisin. In-Nisrani, mela, huwa msejjaħ biex jimxi fil-ħajja b’dan l-ispirtu: l-ispirtu ta’ Alla li jgħinna biex niġġudikaw, biex nieħdu deċiżjonijiet skont il-qalb ta’ Alla. U dan l-ispirtu jagħtina l-paċi, dejjem. Huwa l-ispirtu ta’ paċi, l-ispirtu ta’ mħabba, l-ispirtu ta’ fraternità.

Il-qdusija, ippuntwalizza l-Papa, hija proprju dak li Alla jitlob lil Abraham: ‘Imxi fil-preżenza tiegħi u kun bla dnub.’ Huwa dan, hija din il-paċi. Dan ifisser mela li mmorru taħt il-mozzjoni tal-ispirtu ta’ Alla u ta’ dan l-għaqal. U dak ir-raġel u dik il-mara li jimxu hekk, nistgħu ngħidu li huma raġel u mara għaqlin. Raġel għaqli u mara għaqlija, għaliex jimxu taħt il-mozzjoni tas-sabar ta’ Alla.

Imma fis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (17, 20-25), kompla l-Papa, aħna nsibu ruħna qudiem spirtu ieħor, il-kuntrarju ta’ dan tal-għerf ta’ Alla: l-ispirtu tal-kurżità. Dan hu meta aħna nkunu rridu naħtfu xi proġetti ta’ Alla, tal-futur, tal-affarijiet, insiru nafu kollox, nieħdu f’idejna kollox. Fis-silta ta’ Luqa naqraw li l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù: ‘Meta se jiġi r-renju ta’ Alla?’ U l-Papa ikkummenta: Kurjużi, riedu jkunu jafu d-data, il-jum…

Proprju dan l-ispirtu ta’ kurżità, huwa spjega, ibegħidna mill-ispirtu tal-għerf, għaliex jimbuttana biex inħarsu biss lejn id-dettalji, l-aħbarijiet, l-aħbarijiet żgħar ta’ kuljum: dan kif isir? Huwa l-kif, huwa l-ispirtu tal-kif. Skont l-idea tal-Papa, l-ispirtu tal-kurżità mhux spirtu tajjeb: huwa l-ispirtu tat-tifrix, tat-tbegħid minn Alla, l-ispirtu tat-tpaċpiċ żejjed.

Dwar dan Ġesù jgħidilna ħaġa interessanti: dan l-ispirtu ta’ kurżità, li huwa mondan, iwassalna għall-konfużjoni. Il-Qdusija Tiegħu dan spjegah billi ġibed l-attenzjoni għall-kliem ta’ Ġesù riferiti mis-silta tal-Evanġelju: ‘Għad jiġu jiem li fihom tkunu tixtiequ taraw ukoll jum wieħed ta’ Bin il-bniedem, imma ma tarawhx. Jgħidulkom: ‘Hemm hu,’ jew inkella: ‘Hawn hu.’’ F’dawn il-każi, huwa nnota, tkun il-‘kurżità’ li timbuttana biex nisimgħu dawn il-ħwejjeġ. Jgħidulna: ‘Il-Mulej jinsab hawn, huwa hemm, huwa hemm!’ Imma jiena naf bassar li jirċievi ittri tal-Madonna, messaġġi tal-Madonna. U l-Papa kkummenta: Imma ħarsu, il-Madonna hija Omm! U tħobb lilna lkoll. Imma mhix mexxejja ta’ uffiċċju tal-posta, biex tibgħat messaġġi kuljum. Fir-realtà, dawn l-innovazzjonijiet ibegħduna mill-Evanġelju, ibegħduna mill-Ispirtu s-Santu, ibegħduna mill-paċi u mill-għerf, mill-glorja ta’ Alla, mis-sbuħija ta’ Alla.

Il-Papa Franġisku mbagħad reġa’ tenna t-tagħlim ta’ Ġesù: ir-renju ta’ Alla ‘ma jiġix b’mod li jqanqal l-attenzjoni,’ imma jiġi fil-għaqal. ‘Ir-renju ta’ Alla huwa f’nofskom.’ U r-renju ta’ Alla huwa dan ix-xogħol, din l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtina l-għaqal, li jagħtina l-paċi. Ir-renju ta’ Alla ma jiġix fil-konfużjoni. Bhal ma Alla ma kellimx lill-profeta Elija fir-riħ, fil-persekuzzjoni, fit-tifun; kellmu fiż-żiffa ħelwa, iż-żiffa li kienet l-għerf.

Imbagħad il-Papa reġa’ ppropona ħsieb ta’ Tereża tal-Bambin Ġesù, li għalih huwa għażiż b’mod partikolari. Huwa fakkar li Santa Tereżina kienet tgħid li hija kien imissha tieqaf dejjem quddiem l-ispirtu tal-kurżità. Meta kienet titkellem ma’ soru oħra u din is-soru kienet tirrakkonta storja, xi ħaġa tal-familja, dwar in-nies, u xi daqqiet kienet tgħaddi għal argument ieħor, hija kienet tkun xewqana li ssir taf tmiem l-istorja. Imma kienet tħoss li dak ma kienx l-ispirtu ta’ Alla għaliex huwa spirtu ta’ tifrix, ta’ kurżità.

Ir-renju ta’ Alla huwa f’nofsna, temm jgħid il-Papa Franġisku waqt li tenna kliem l-Evanġelju. U stieden biex ma nfittxux affarijiet strambi, ma nfittxux novitajiet b’kurżità mondana. Inħallu li l-ispirtu jmexxina ’l quddiem b’dak l-għaqal li huwa żiffa ħelwa. Dan huwa l-ispirtu tar-renju ta’ Alla li dwaru jitkellem Ġesù.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb