Il-Papa f’Santa Marta: L-iskandli fil-Knisja jsiru għax m’hemmx rapport ħaj ma’ Alla u mal-Kelma tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 16 ta’ Jannar 2014: L-iskandli fil-Knisja jsiru għax m’hemmx rapport ħaj ma’ Alla u mal-Kelma tiegħu. Dan affermah il-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu waqt il-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta.

Fil-kumment dwar il-qari tal-ġurnata u s-salm responsorjali li jirrakkuntaw it-telfa kbira li l-poplu ta’ Iżrael sofra minn idejn il-Filistej, il-Papa osserva li l-poplu t’Alla, f’dak iż-żmien, kien abbanduna lill-Mulej.  Kien jingħad li l-Kelma t’Alla kienet ħaġa rari f’dak iż-żmien.  Ix-xwejjaħ saċerdot Eli kien biered u wliedu kienu korrotti, ibeżżgħu lin-nies u kienu jaħqruhom.  Biex jiġġieldu kontra l-Filistej, l-Iżraeliti juzaw l-Arka tal-Patt qisha xi ħaġa maġika, ħaġa barranija. U jispiċċaw telliefa, filwaqt li l-għedewwa jeħdulhom l-Arka.  M’hemmx fidi vera f’Alla, fil-preżenza reali tiegħu, fil-ħajja. 

Dan il-pass tal-Iskrittura jgegħilna naħsbu dwar kif inhu r-rapport tagħna ma’ Alla, mal-Kelma t’Alla.  Huwa rapport formali?  Hu rapport imbiegħed? imbiegħed?  Il-Kelma t’Alla tidħol fi qlubna, għandha dik is-setgħa li tibdlilna qalbna? Għandha dik is-setgħa jew le?  Hu rapport formali u kollox sew?

Imma qlubna magħluqin għal dik il-Kelma!  Dan igegħilna niftakru f’tant telfiet li ġġarrab il-Knisja, f’tant telfiet għall-poplu t’Alla sempliciment għax ma jħossx lill-Mulej, ma jħallix lill-Mulej ifittxu!  U wara t-traġedja, it-talba tkun din: ‘Imma Mulej, x’ġara?  Int għamiltna d-disprezz tal-qraba tagħna, il-mogħdija ta’ żmienu, iż-żuffjett ta’ min hu madwarna.  Ghamiltna ħrafa tal-bnedmin u meta jarawna, il-popli jxenglu rashom.’

Il-Papa għadda biex jitkellem dwar l-iskandli tal-Knisja u qal: Imma aħna veru nistħu?  Tant skandli li ma rridx insemmihom wieħed, wieħed, imma lkoll nafu x’inhuma… il-mistħija tal-Knisja!  Imma stħajna minħabba dawk l-iskandli, minħabba dawk it-telfiet imġarrba minħabba saċerdoti, isqfijiet, lajċi? 

Il-Kelma t’Alla f’dawk l-iskandli kienet ħaġa rari: f’dawk l-irġiel u n-nisa l-Kelma t’Alla kienet rari!  Ma kellhomx rabta ma’ Alla!  Kellhom pożizzjoni fil-Knisja, anke waħda komda, imma l-Kelma t’Alla, le!  ‘Jiena għandi medalja, jien għandi salib…’  Iva, bħal dawk li kienu jġorru l-Arka!  Mingħajr rapport ħaj ma’ Alla u mal-Kelma tiegħu!  Tiġini f’moħħi l-Kelma ta’ Gesu’ lil dawk li jagħtu l-iskandli…   U hawn l-iskandlu wasal – hija dekadenza tal-poplu t’Alla – sad-dgħufija, sal-korruzzjoni tas-saċerdoti.

Il-Papa temm l-omelija bi ħsieb dwar il-poplu t’Alla: Imsejknin, imseknin! Ma ntuhomx jieklu l-ħobż tal-ħajja.  F’dak il-każ ma ntuhomx jieklu l-verità!  U minflok, tant drabi ntuhom jieklu ikel avvelenat!  ‘Qum Mulej, għax għadek rieqed!’  Din għandha tkun it-talba tagħna!  ‘Qum! Tirrifjutaniex għal dejjem!  Għaliex qed taħbi wiċċek?  Għaliex qed tinsa l-miżerji u l-oppressjoni tagħna?’

Nitolbu lill-Mulej biex ma ninsew qatt il-Kelma t’Alla, li hi ħajja, biex tidħol fi qlubna, u ma ninsew qatt lill-poplu fidil t’Alla li jitlob minna ikel san!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading