It-Tlieta, 25 ta’ Frar 2014: Tfal mejtin bil-ġuħ fil-kampijiet tar-rifuġjati filwaqt li min jiffabbrika l-armi jiċċelebra fis-salotti: din kienet l-istqarrija qawwija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. L-omelija kollha tal-Qdusija Tiegħu kienet appell imqanqal għall-paċi u kontra kull gwerra, kemm fid-dinja kif ukoll fi ħdan il-familja. Il-Papa saħaq li l-paċi ma tistax tkun biss kelma u ħeġġeġ lill-Insara kollha biex ma jidrawx jaċċettaw l-iskandlu tal-gwerer.
‘Minn fejn jinbtu l-gwerer u l-ġlied fostkom?’ Il-Papa Franġisku tnebbaħ mill-ittra tal-Appostlu Ġakbu li nsibu fl-ewwel qari, biex jikkundanna l-gwerer bil-qawwa kollha. F’kumment dwar il-kwistjonijiet bejn l-appostli ta’ Ġesù dwar min kien l-akbar fosthom, il-Papa wera li meta l-qlub jitbiegħdu, tinbet il-gwerra. Fil-gazzetti kuljum naqraw dwar il-gwerer, qal il-Papa b’qalb tqila. Naqraw li f’dal-post il-popolazzjoni nqasmet u hemm ħamsa mejta, f’postijiet oħra hemm aktar vittmi… Il-mejtin donnu li saru għadd li nżiduh kuljum għax drajna naqraw dawn l-affarijiet! U kieku kellna l-paċenzja nelenkaw il-gwerer kollha li hawn fid-dinja, żgur li nimlew bosta paġni bil-kitba. Donnu li l-ispirtu tal-gwerra ħakimna. Isiru ċentinarji biex ifakkru l-Gwerra l-Kbira… li fiha mietu tant miljuni… u kulħadd skandalizzat! Imma llum l-istess! Minflok gwerra kbira, ħafna gwerer żgħar ma’ kullimkien, popli maqsumin… u biex iħarsu l-interessi tagħhom, joqtlu lil xulxin!
Minn mnejn jiġu l-gwerer u l-kwistjonijiet ta’ bejnietna?, staqsa l-Papa. Il-gwerer, il-mibegħda, ir-rivalità, wieġeb lilu nnifsu Franġisku, ma nixtruhomx mis-suq: qegħdin hawn, fi qlubna. Huwa fakkar li meta konna żgħar, fil-katekiżmu kienu jispjegawlna l-istorja ta’ Kajin u Abel, u lkoll konna niskandalizzaw ruħna għax ma stajniex naċċettaw li bniedem joqtol lil ħuh.
Però llum tant miljuni joqtlu lill-aħwa, joqtlu lil xulxin. Imma din drajnieha. L-ewwel gwerra dinjija, tenna l-Papa, tiskandalizzana, imma din il-gwerra kbira mferrxa ma’ kullimkien, imma xi ftit moħbija, ma tiskandalizzaniex! U tant u tant imutu minħabba biċċa art, minħabba ambizzjoni, minħabba l-mibegħda, minħabba għira razzjali. Il-fanatiżmu, żied jgħid, iwassalna għall-gwerra, għall-ispirtu tad-dinja.
Illum sirna li quddiem konflitt inħossuna f’sitwazzjoni kurjuża: nippruvaw insolvu l-problema billi nikkustinjaw. Bil-lingwaġġ tal-gwerra. Ma jiġix l-ewwel il-lingwaġġ tal-paċi! U l-konsegwenzi? Aħsbu ftit dwar it-tfal mejtin bil-ġuħ fil-kampijiet tar-rifuġjati… aħsbu biss f’dan: dan hu l-frott tal-gwerra! U jekk tridu, aħsbu dwar is-swali l-kbar, dwar il-festi li jagħmlu s-sidien tal-industriji tal-armi, li jiffabbrikaw l-armi, l-armi li jispiċċaw ikebbsu lil dawn il-konflitti… It-tifel marid, bil-ġuħ, f’kamp tar-rifuġjati… u l-festi kbar, il-ħajja komda li jgħixu dawk li jiffabbrikaw l-armi!
X’qed jiġri fi qlubna?, tenna Franġisku. L-Appostlu Ġakbu – żied jgħid – jagħtina parir sempliċi: ‘Ersqu lejn Alla u Hu jersaq lejkom.’ Għalhekk, wissa l-Papa, dan l-ispirtu ta’ gwerra jbegħidna minn Alla, mhux biss bogħod minn xulxin imma anke bogħod minn darna.
Kemm familji huma mfarrka għax il-missier, l-omm, m’għandhomx ħila jsibu t-triq tal-paċi u jagħżlu l-gwerra, u jagħmlu l-kawżi… Il-gwerra teqred! Minn fejn ġejjin il-gwerer u l-kwistjonijiet ta’ bejnietna? Forsi mhux ġejjin mill-passjonijiet tagħkom? Fil-qalb! Illum nipproponilkom li titolbu għall-paċi, għal dik il-paċi li donnha llum saret biss kelma u xejn aktar. U biex din il-kelma jkollha s-saħħa li taħdem, nimxu fuq il-parir tal-Appostlu Ġakbu: ‘Agħrfu l-miżerja tagħkom!’
Dik il-miżerja, żied il-Papa, li minnha jitnisslu l-gwerer: il-gwerer fil-familji, fil-kwartieri, kullimkien. Min minna beka, reġa’ staqsa, meta qara l-ġurnal jew meta ra dawk il-filmati fuq it-televixin? Tant mejta! ‘Id-daħk tagħkom,’ kompla l-Papa hu u jikkwota lill-Appostlu Ġakbu, ‘jinbidel f’luttu u l-ferħ tagħkom f’niket.’ Dan hu dak li għandu jiġri llum 25 ta’ Frar: in-Nisrani quddiem tant gwerer, kullimkien, għandu jibki, jagħmel il-luttu, jumilja ruħu.
Il-Mulej, temm il-Papa, jfehemna dan u jeħlisna milli nidraw nadattaw ruħna għall-aħbarijiet dwar il-gwerer.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta