Il-Papa f’Santa Marta: Fit-triq tan-Nisrani dejjem se jkun hemm is-salib

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 4 ta’ Marzu 2014: Fit-triq tan-Nisrani dejjem se jkun hemm is-salib, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.   Il-Papa ffoka l-omelija li għamel fuq il-persekuzzjoni tal-Insara u saħaq li llum in-numru ta ’martri jiżboq dak tal-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Franġisku afferma wkoll li l-ħajja nisranija mhix xi vantaġġ kummerċjali, imma hija sempliċiment mixja wara Ġesù.

Ġesù kien għadu kif temm jitkellem dwar il-periklu tal-għana u Pietru staqsieh x’kienu se jirċievu d-dixxipli li ħallew kollox biex jimxu warajh.  Il-Papa Franġisku bena l-omelija madwar dan il-konfront li naqraw fl-Evanġelju tallum u l-ewwel ħaġa li qal kienet li Ġesù hu ‘ġeneruż’.   Fil-verità, wieġeb il-Mulej, ma hemm ħadd minn dawk li telqu l-familja, id-dar, l-għelieqi, li mhux se jirċievi diġà minn issa mitt darba aktar.  Forsi, ikkummenta Franġisku, Pietru ħaseb li l-mixja wara Ġesù hija xi attività kummerċjali sabiħa, għax biha naqilgħu mitt darba aktar.  Imma Ġesù jżid jgħid li ma’ dan il-qligħ se jkun hemm ukoll il-persekuzzjonijiet.

Donnu ried jgħid:  ‘Iva, intom ħallejtu kollox u tirċievu hawn fid-dinja, tant affarijiet…  imma bil-persekuzzjoni!’ Bħal insalata biż-żejt tal-persekuzzjoni: dejjem!  Dan hu l-qligħ tan-Nisrani u din hija t-triq ta’ min irid jimxi wara Ġesù, għax hija t-triq li għamel Hu.  Hu kien ippersegwitat! Hija t-triq tal-umiltà.  Dak li Pawlu jgħid lill-Filippin: ‘Iċċekken.  Sar bniedem u ċċekken sal-mewt, anzi sal-mewt fuq is-Salib.’  Din hi l-vera tonalità tal-ħajja nisranija.

L-istess fil-Beatitudnijiet, kompla l-Papa, meta Ġesù jgħid: ‘Beati intom li jinsultawkom, meta tkunu ppersegwitati minħabba f’ismi.’  Il-persekuzzjoni hija waħda mill-Beatitudnijiet.  Id-dixxipli, fakkar il-Papa, immedjatament wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, bdew jippritkaw u bdew il-persekuzzjonijiet fuqhom.  Pietru spiċċa l-ħabs, Stiefnu ġie mħaġġar, l-istess bħalma qed jiġri lil tant dixxipli llum.  Is-salib, widdeb il-Papa, dejjem qiegħed fit-triq nisranija! Aħna, tenna Franġisku, se jkollna tant ħutna, tant ommijiet, tant missirijiet fil-Knisja, fil-komunità nisranija, imma se jkollna wkoll tant persekuzzjoni.

Għax id-dinja ma tittollerax id-divinità ta’ Kristu.  Ma tittollerax l-aħbar tal-Evanġelju.  Ma tittollerax il-Beatitudnijiet.  B’hekk issir il-persekuzzjoni: bil-kliem, bil-kalunji, b’dak li kienu jgħidu l-Insara tal-ewwel sekli, bil-malafama, bil-ħabs…  Imma aħna malajr ninsew.  Naħsbu ftit dwar tant Insara sittin sena ilu, fil-kampijiet, fil-ħabsijiet tan-nażisti, tal-komunisti: tant u tant!  Għax kienu nsara! Anke llum… Imma llum għandna kultura akbar u dawn l-affarijiet ma jeżistux.  Jeżistu!

U jien ngħidilkom li llum hawn aktar martri milli kien hemm fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. Tant ħutna, kompla jgħid Franġisku, li jagħtu xhieda ta’ Ġesù, joffru xhieda ta’ Ġesù u jisfaw ippersegwitati.  Insara, qal il-Papa b’dieqa ta’ qalb, li lanqas biss jista’ jkollhom il-Bibbja magħhom.  Huma kkundannati għax għandhom il-Bibbja.  Ma jistgħux jagħmlu s-sinjal tas-Salib.

U din hi t-triq ta’ Ġesù.  Imma hi triq ferrieħa!  Għaliex il-Mulej qatt ma jgħaddina minn provi li aħna ma nkunux nifilħu għalihom.  Il-ħajja nisranija mhix xi vantaġġ kummerċjali, mhix xi karriera: hi sempliċiment mixja wara Ġesù!  Imma meta nimxu wara Ġesù dan jiġri!  Naħsbu ftit jekk fina hemmx ir-rieda li nkunu kuraġġużi fix-xhieda li nagħtu ta’ Ġesù.  Naħsbu wkoll – jagħmlilna tajjeb – f’ħafna ħutna li llum, illum, ma jistgħux jitolbu flimkien għax huma ppersegwitati: ma jistgħux ikollhom il-ktieb tal-Evanġelju jew il-Bibbja, għax jisfaw ippersegwitati.

Naħsbu ftit, reġa’ qal il-Papa, f’dawk ħutna li ma jistgħux imorru l-quddies għax dan hu pprojbit għalihom.  Kemm-il darba, afferma Franġisku, fosthom imur saċerdot bil-moħbi, jagħmlu tabirruħhom li qegħdin madwar mejda jieħdu t-te, imma jkunu qed jiċċelebraw il-quddiesa, biex ma jinqabdux?  Dan, żied il-Papa, qed jiġri llum.

Naħsbu, temm il-Qdusija Tiegħu, jekk aħniex disposti li nġorru s-salib bħal Ġesù, li nissaportu l-persekuzzjoni biex nagħtu xhieda ta’ Ġesù kif jagħmlu dawn ħutna li llum huma umiljati u ppersegwitati.  Jekk naħsbu dwar dan, ilkoll kemm aħna jagħmlilna tajjeb!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d