Il-Tlieta, 20 ta’ Mejju 2014: Min jilqa’ f’qalbu lill-Ispirtu s-Santu jkollu paċi sħiħa u mingħajr tmiem mhux bħal min jagħżel li jorbot tamietu b’mod superfiċjali fis-serħan tal-moħħ li jagħtu l-poter u l-flus. Din kienet it-tagħlima tal-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.
Il-paċi ta’ dak li hu materjali – il-flus, il-poter, il-vanità – u l-paċi ppersonifikata, dik tal-Ispirtu s-Santu: l-ewwel waħda dejjem bir-riskju li tgħib – illum int sinjur u int xi ħaġa u għada le; u t-tieni hi paċi li ħadd ma jista’ jeħodhielek u għalhekk hija paċi definittiva.
L-omelija tal-Papa Franġisku kienet qisha passaġġ bejn żewġt ixtut dwar waħda mill-akbar xewqat tal-umanità f’kull żmien. L-ispunt kien meħud mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li hemm fil-liturġija tallum. Ġesù riesaq lejn il-Passjoni u qabel jitlaq jgħid lid-dixxipli: ‘Nagħtikom il-paċi tiegħi.’ Paċi, osserva l-Papa, li hi differenti ħafna minn dik li ttina d-dinja għax id-dinja ttina paċi ftit jew xejn superfiċjali; tagħti ftit serħan il-moħħ u anke xi ftit ferħ, imma sa ċertu punt biss.
Per eżempju, toffrilna l-paċi tar-rikkezzi: jien inħossni fil-paċi għax għandi kollox f’postu biex ngħix għal għomri kollu, m’għandix għalfejn inħabbel rasi… Din hija paċi li tagħtiha d-dinja. Tikkonfondix, mhux se jkollok problemi għax għandek ħafna flus: il-paċi tar-rikkezza.
Ġesù jgħidilna biex ma norbtux qlubna ma’ din il-paċi, għax b’realiżmu kbir jgħidilna: ‘Araw, hemm il-ħallelin… il-ħallelin jistgħu jisirqulek dak li faddalt!’ Din tal-flus mhix paċi definittiva. Ftakru wkoll li l-metall jissaddad, mhux hekk? Xi jfisser? Jaqgħu s-swieq finanzjarji u flusek jitilqu! Din mhix paċi żgura: hija paċi superfiċjali, tad-dinja.
Bl-istess mod il-Papa Franġisku analizza żewġ tipi oħra ta’ paċi tad-dinja. L-ewwel dik tal-poter li, żied jgħid, ma taħdimx, għax kolp ta’ stat malajr iġarraf kollox. Aħsbu ftit, qal il-Papa, kif intemmet il-paċi ta’ Erodi meta l-Maġi qalulu li kien twieled ir-re ta’ Iżrael: dik il-paċi taret minnufih! Jew il-paċi tal-vanità, li l-Papa Franġisku sejħilha ‘paċi tal-formalità’: illum int stmat u għada tispiċċa insultat, kif ġralu Ġesù bejn Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa l-Kbira. Iżda l-paċi li jtina Ġesù għandha konsistenza differenti għal kollox.
Il-paċi li jtina Ġesù hija Persuna, hija l-Ispirtu s-Santu! Fil-jum tal-qawmien Hu jiġi fiċ-ċenaklu u jsellem hekk: ‘Il-paċi magħkom. Ħudu l-Ispirtu s-Santu.’ Din hi l-paċi ta’ Ġesù: hija Persuna, hija rigal kbir. U meta qlubna jkunu mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, ħadd ma jkun jista’ jeħdilna l-paċi. Ħadd! Hija paċi definittiva! X’inhu xogħolna? Li nindukraw din il-paċi. Inħarsuha! Hija paċi kbira, hija paċi li mhix tiegħi, hi ta’ Persuna oħra li tathieli bħala rigal, ta’ Persuna li tinsab f’qalbi u takkumpanjani tul ħajti kollha. Tahieli l-Mulej!
Din il-paċi nirċevuha fuq kollox bil-Magħmudija u bil-Konfermazzjoni, afferma l-Papa Franġisku. Nirċevuha bħalma t-tfal jirċievu rigal, mingħajr kundizzjoni u b’qalb miftuħa. U l-Ispirtu s-Santu rridu nindukrawh mingħajr ma nagħlquh f’gaġġa, u nitolbu l-għajnuna lil dan ir-rigal kbir li tana Alla.
Jekk intom ikollkom din il-paċi tal-Ispirtu, jekk għandkom l-Ispirtu s-Santu ġewwa fikom u intom konxji minn dan, qalbkom m’għandhiex għalfejn titfixkel. Ibqgħu żguri! Pawlu kien jgħidilna li biex nidħlu fis-Saltna tas-sema jeħtiġilna ngħaddu minn ħafna tribulazzjonijiet. Ilkoll, ilkoll kemm aħna għandna ħafna minnhom. Ilkoll! Żgħar jew kbar… Imma qalbkom m’għandhiex għalfejn titnikket: din hija l-paċi ta’ Ġesù. Il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu tnissel il-paċi fi qlubna – mhux paċi lluppjata, le!, imma paċi vera, konxja, paċi li ttihielna biss il-preżenza t’Alla, spiċċa jgħid il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta