Il-Tnejn, 19 ta’ Mejju 2014: In-Nisrani għandu jkollu qalb fissa fuq l-Ispirtu s-Santu, mhux qalb li tilgħab u titbandal minn naħa għall-oħra. Din l-affermazzjoni għamilha l-Papa Franġisku llum, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta. Franġisku tkellem dwar San Pawl u qal li dan l-Appostlu kellu ħila jevanġelizza bla heda għax qalbu kienet imsaħħa mill-Ispirtu s-Santu.
Kif inhi qalbna? Il-Papa ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli li fih nammiraw l-impenn li kellu San Pawl biex jevanġelizza, qalb li kienet soda imma dejjem miexja. Infatti l-Appostlu tal-Ġnus għadu kif wasal lura minn Ikonju fejn sar attentat fuq ħajtu, imma ma joqgħodx jilmenta dwar dan. Jibqa’ miexi u jmur jevanġelizza fil-qasam ta’ Likonja u f’isem il-Mulej ifejjaq paralitiku.
B’hekk jiġri li meta l-pagani jaraw dan il-miraklu jaħsbu li Pawlu u Barnaba, li kien miegħu, huma allat – Zeus u Ermes – li niżlu fid-dinja. Pawlu, osserva l-Qdusija Tiegħu, tħabat biex ifehemhom li huma kienu bnedmin. Dawn kienu s-sitwazzjonijiet li kien jgħix fihom Pawlu, żied jgħid il-Papa.
U aħna ngħixu fost tant sitwazzjonijiet li jbandluna minn naħa għall-oħra. Iżda tlabna l-grazzja li jkollna qalb soda kif kienet dik ta’ Pawlu; li ma lmentax mill-persekuzzjoni u minflok mar ifittex belt oħra; beda jipprietka hemm; fejjaq marid; għaraf li dak ir-raġel kellu fidi biżżejjed biex jista’ jfiq; imbagħad ikkalma lil dawn in-nies li riedu joffrulu sagrifiċċju u jiddikjara li hemm Alla wieħed, bil-lingwaġġ kulturali li setgħu jifhmuh huma. Imma ħaġa wara l-oħra… Dan jiġi biss meta jkollna qalb soda.
Fejn kienet qalb Pawlu, staqsa l-Papa Franġisku, biex għamel tant tibdil fi ftit ħin u biex jaffronta s-sitwazzjonijiet kif l-aħjar? Fl-Evanġelju, afferma l-Papa, Ġesù jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu, mibgħut mill-Missier, jgħallimna kollox u jfakkarna kull ma kien qal Hu. Il-qalb ta’ San Pawl għalhekk, kienet fissa fuq l-Ispirtu s-Santu, dan ir-rigal li bagħtilna Ġesù.
U lkoll kemm aħna, wissa l-Papa, jekk irridu nsibu ċ-ċertezza f’ħajjitna, irridu mmorru għandu. Hu qiegħed fi qlubna, irċevejnieh fil-Magħmudija. L-Ispirtu s-Santu, afferma mill-ġdid il-Qdusija Tiegħu, itina l-qawwa, itina dil-qawwa biex nimxu ’l quddiem fost it-taqlib tal-ħajja. Ġesù, żied jgħid Franġisku, jgħidilna żewġ affarijiet dwar l-Ispirtu s-Santu: ‘Hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom kollox.’ Dan hu dak li jiġri lil San Pawl: jgħallmu u jfakkru l-messaġġ tas-salvazzjoni. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jtih il-qawwa tal-qalb.
B’dan l-eżempju llum nistaqsu lilna nfusna: Kif inhi qalbi? Hija qalb ta’ żeffien li jitbandal minn naħa għall-oħra qisu farfett, li llum togħġbu ħaġa… u dejjem jitbandal? Hija qalb li tibża’ miċ-ċirkostanzi tal-ħajja u tinħeba u tibża’ tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu? Hija qalb kuraġġuża? Jew hi qalb li dejjem imbeżżgħa u dejjem tfittex li tinħeba? Liema hu t-teżor li għandna marbut ma’ qalbna? Hija qalb iffissata fuq il-bnedmin, fuq il-problemi li lkoll għandna? Hija qalb iffissata fuq l-allat ta’ kuljum, jew hi qalb fissa fuq l-Ispirtu s-Santu?
Il-Papa afferma li jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Fejn tinsab iċ-ċertezza ta’ qalbi? U wkoll niftakru fil-ħafna li jiġrilna matul il-jum: id-dar, fuq ix-xogħol, ma’ wliedna, ma’ nies oħra li jgħixu magħna, mal-kollegi tax-xogħol, ma’ kulħadd. Jien nitkaxkar kull fejn jeħduni huma jew naffrontahom b’qalb soda li taf fejn sejra? L-uniku li jtina qalb li ma tiċċaqlaqx hu l-Ispirtu s-Santu. Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar il-fatt li aħna għandna rigal sabiħ imħolli lilna minn Ġesù: dan l-Ispirtu li jtina l-qawwa, li jtina l-kunsill, li jgħinna nimxu ’l quddiem fost il-problemi ta’ kuljum.
Nagħmlu dan l-eżerċizzju llum, li nistaqsu lilna nfusna kif inhi qalbna: hija soda jew le? U jekk hi soda, fejn tinsab: fl-affarijiet tad-dinja jew fl-Ispirtu s-Santu? Jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dan, temm il-Papa!
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta