Il-Ħamis, 22 ta’ Mejju 2014: Il-ferħ hu s-siġill tan-Nisrani anke waqt it-tbatija u t-tribulazzjonijiet. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Franġisku qal li Nisrani mdejjaq hu ħaġa impossibbli u żied li dak li jgħallimna nħobbu u li jimliena bil-ferħ hu l-Ispirtu s-Santu.
Ġesù, qal il-Papa, qabel ma tela’ s-sema tkellem dwar ħafna affarijiet, imma dejjem semma tliet kelmiet li huma l-qofol ta’ kollox: il-paċi, l-imħabba u l-ferħ. Dwar il-ferħ kien qal li Hu ma jagħtiniex il-paċi tad-dinja imma jtina paċi dejjiema. Dwar l-imħabba, kompla l-Papa, tant drabi qal li l-kmandament hu: ‘Ħobb lil Alla u lill-proxxmu,’ u qisu għamel dan bħala l-kundizzjoni, kif naraw f’Mattew 25, li fuqha aħna lkoll se nkunu ġġudikati.
Fl-Evanġelju tal-lum, osserva Franġisku, Ġesù jgħidilna xi ħaġa ġdida dwar l-imħabba: ‘Mhux biss tħobbu imma tibqgħu fl-imħabba.’ Din hi l-vokazzjoni nisranija: li nibqgħu fl-imħabba t’Alla, jiġifieri li nieħdu n-nifs, ngħixu b’dak l-ossiġenu u ngħixu b’dik l-arja. ‘Ibqgħu fl-imħabba t’Alla.’ U b’dan il-kliem jagħlaq id-diskors profond tiegħu dwar l-imħabba. U kif inhi l-imħabba tiegħu? ‘Kif Missieri ħabb lili, hekk jien ħabbejt lilkom.’ Hi mħabba li ġejja mill-Missier. Ir-relazzjoni tal-imħabba bejnu u bejn il-Missier hija wkoll ir-relazzjoni ta’ mħabba bejnu u bejnna. U lilna jitlobna nibqgħu f’din l-imħabba, li ġejja mill-Missier.
Hija paċi, kompla jgħid il-Papa, li mhix ġejja mid-dinja; jagħtihielna Hu. Imħabba li mhix ġejja mid-dinja, ġejja mill-Missier. Il-Papa Franġisku kompla r-riflessjoni dwar l-eżortazzjoni ta’ Ġesù, ‘Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.’
Is-sinjal li aħna nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù hu li aħna nħarsu l-Kmandamenti. Mhux biżżejjed insegwuhom. Meta aħna nibqgħu fl-imħabba – żied jgħid il-Qdusija Tiegħu – il-Kmandamenti jissawru waħedhom mill-imħabba. L-imħabba tmexxina b’mod naturali biex inwettqu l-Kmandamenti. L-għeruq tal-imħabba jwarrdu mill-Kmandamenti. U dawn, kompla jirrifletti l-Papa, qishom ir-rabta li tgħaqqad bħal katina lill-Missier, lil Ġesù u lilna.
Imbagħad il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar il-ferħ. Il-ferħ, qal il-Papa, huwa s-sinjal tan-Nisrani. Nisrani mingħajr ferħ mhux Nisrani jew hu marid. M’hemmx triq oħra! Is-saħħa ma tkunx f’postha, is-saħħa nisranija mhix f’sikkitha jekk ma jkunx hemm il-ferħ!
Darba għedt li hemm xi Nsara li għandhom wiċċ ta’ ‘bżaru aħmar fil-ħall’! Wiċċhom dejjem imġebbed! B’hekk anke ruħhom tkun l-istess u dan hu ikrah! In-Nisrani mingħajr ferħ mhux Nisrani. Dan hu s-siġill tan-Nisrani: il-ferħ. Anke fit-tbatijiet, fit-tribulazzjonijiet, u l-istess fil-persekuzzjoni.
Jingħad li l-ewwel martri kienu jmorru għall-mewt qishom sejrin għal festa ta’ tieġ. Dan hu l-ferħ nisrani, li jħares il-paċi u jħares l-imħabba! Paċi, imħabba u ferħ: it-tliet kelmiet li jħallilna Ġesù. U min jagħmel din il-paċi, din l-imħabba, min itina l-ferħ?, staqsa l-Papa. Huwa l-Ispirtu s-Santu. Dak li aħna nsejnieh f’ħajjitna!
Għandi aptit nistaqsikom – imma mhux se nagħmel hekk: kemm minnkom titolbu lill-Ispirtu s-Santu? Tgħollux idejkom… Dan hu dak li aħna nsejnieh f’ħajjitna! Huwa hu r-rigal, ir-rigal li jtina l-paċi, li jgħallimna nħobbu u jimliena bil-ferħ.
Fit-talba, tlabna lill-Mulej: ‘Ħares ir-rigal tiegħek.’ Tlabna l-grazzja li l-Mulej jindokra lill-Ispirtu s-Santu li hemm ġewwa fina. Jalla l-Mulej itina din il-grazzja: li nindukraw lill-Ispirtu s-Santu li jinsab ġewwa fina, dak l-Ispirtu li jgħallimna nħobbu, jimliena bil-ferħ u jtina l-paċi, temm ir-riflessjoni l-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta