It-Tlieta, 3 ta’ Ġunju 2014: Ġesù jitlob għal kull wieħed u waħda minna billi juri l-pjagi tiegħu lill-Missier. Dan kien wieħed mill-kummenti qawwija li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu saħaq li Ġesù hu l-avukat tagħna li jiddefendina anke jekk aħna ħatja u għamilna tant dnubiet.
Il-waqt tal-firda ta’ Ġesù u l-waqt tal-firda ta’ San Pawl: Il-qari tal-ġurnata taw lill-Papa l-okkażjoni biex jitkellem dwar it-talb ta’ interċessjoni. Meta Pawlu jħalli Miletu, osserva Franġisku, kulħadd iħoss qalbu sewda u l-istess ġralhom id-dixxipli meta Ġesù għamel id-diskors aħħari tiegħu qabel ma’ mar fil-Ġetsemani biex jibda l-passjoni.
Il-Mulej, kompla l-Papa, ifarraġhom, u hemm sentenza qasira fid-diskors tat-tluq ta’ Ġesù li ġġiegħlek taħseb. F’dan id-diskors, fakkar il-Papa, Ġesù jitkellem mal-Missier u jgħid: ‘Jien nitlob għalihom.’ Ġesù jitlob għalina. Kif kien għamel għal Pietru u quddiem il-qabar, għal Lazzru.
Ġesù jgħidilna: ‘Intom ilkoll tal-Missier. U jiena nitlob għalikom quddiemu.’ Ġesù ma jitlobx għad-dinja, jitlob għalina, jitlob għall-Knisja tiegħu.
Meta jaħseb dwar dawn l-affarijiet u jitkellem dwarna li aħna tant midinbin, l-Appostlu Ġwanni jgħid: ‘Tidinbux aktar, imma jekk xi ħadd minnkom jidneb, kunu afu li quddiem il-Missier għandna avukat li jiġġustifikana.’
Nemmen li rridu nirriflettu ħafna dwar din il-verità, din ir-realtà: f’dan il-waqt Ġesù qed jitlob għalija. Jien nista’ nimxi ’l quddiem fil-ħajja għax għandi avukat li jiddefendini, u jekk jien ħati u għandi ħafna dnubiet… Hu avukat difensur tajjeb, u jkellem lil Missier dwari.
Hu l-ewwel avukat, kompla jgħid il-Papa. Hu jibgħat lill-Paraklitu. Meta aħna fil-parroċċa, fid-dar, fil-familja, ikollna xi ħtieġa, xi problema, għandna nitolbu lil Ġesù biex jinterċedi għalina. U llum kif jitlob Ġesù? Jiena nemmen, qal Franġisku, li ma jgħidx wisq kliem lil Missieru. Ma jitkellimx: iħobb.
Imma hemm ħaġa li jagħmel Ġesù llum: jien ċert li jagħmilha. Lill-Missier jurih il-pjagi u Ġesù, bil-pjagi tiegħu, jitlob għalina qisu qed jgħid lill-Missier: ‘Imma Missier dan hu l-prezz ta’ dawn! Għinhom, ipproteġihom. Dawn huma wliedek li jien salvajthom… b’dawn.’
Għax min-naħa l-oħra, kieku ma jagħmilx sens li wara l-qawmien mill-mewt tiegħu, Ġesù kellu ġisem glorjuż, sabiħ – ma kienx fih il-ġrieħi tal-flaġellazzjoni, kien kollu sabiħ – imma kien hemm il-pjagi. Il-ħames pjagi. Għaliex Ġesù ried joħodhom miegħu fis-sema? Biex jitlob għalina. Biex juri l-prezz lill-Missier: ‘Dan hu l-prezz, issa tħallihomx waħedhom, għinhom!’
Jeħtieġ li aħna jkollna din il-fidi – żied il-Papa – li f’dal-ħin Ġesù qed jinterċedi għalina quddiem il-Missier, għal kull wieħed u waħda minna. U meta aħna nitolbu, eżorta l-Papa, ma rridux ninsew nitolbu lil Ġesù jitlob għalina: ‘Ġesù itlob għalija. Uri l-pjagi tiegħek, li huma wkoll il-pjagi tiegħi, il-pjagi tad-dnub tiegħi, lill-Missier.’ Huma l-pjagi tal-problema li għandi f’dal-ħin. Ġesù li jinterċedi, kulma jagħmel hu li juri l-pjagi tiegħu lill-Missier. U dan qed isir issa, f’dan il-waqt. Ejjew nemmnu fil-kelma li Ġesù qal lil Pietru: ‘Pietru, jien nitlob għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx,’ temm jgħid Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta