Fedeltà, perseveranza u fekondità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 2 ta’ Ġunju 2014: Fedeltà, perseveranza u fekondità.  Dawn huma t-tliet karatteristiċi tal-imħabba li Ġesù għandu lejn il-Knisja, l-Għarusa tiegħu.  U dawn huma wkoll il-karatteristiċi ta’ żwieġ nisrani awtentiku.   Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa li ppresjeda fid-Dar Santa Marta.

Ħmistax-il koppja, ħmistax-il storja ta’ żwieġ differenti minn xulxin, ta’ familji mibdijin 25, 50, 60 sena ilu quddiem altar, u li quddiem l-altar tal-Papa Franġisku reġgħu nġabru biex flimkien jirringrazzjaw lil Alla talli waslu sa hawn.

Kienet xena mhux tas-soltu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, iżda li offriet lill-Papa okkażjoni biex jirrifletti fuq it-tliet pilastri li, fil-viżjoni tal-fidi, għandhom isostnu l-imħabba bejn il-miżżewġin: il-fedeltà, il-perseveranza, il-fekondità.

Il-mudell li rridu nħarsu lejh, spjega l-Papa, huma t-‘tliet imħabbiet’ ta’ Ġesù: lejn il-Missier, lejn Ommu, lejn il-Knisja.  L-imħabba tiegħu lejn il-Knisja hija kbira, afferma l-Papa Franġisku: Ġesù żżewweġ lill-Knisja għall-imħabba.  Hija l-Għarusa sabiħa tiegħu: sabiħa, qaddisa, midinba, imma jħobbha xorta waħda.  U l-mod kif iħobbha juri t-tliet karatteristiċi ta’ din l-imħabba.

Hija mħabba fidila; hija mħabba perseveranti, ma jegħja qatt iħobb lill-Knisja tiegħu; hija mħabba għammiela.

Hija mħabba fidila!  Ġesù hu fidil!  F’waħda mill-ittri tiegħu San Pawl jgħid: ‘Jekk int tistqarr lil Kristu, Hu jistqarr lilek quddiem il-Missier; jekk int tiċħad lil Kristu, Hu jiċħad lilek.’  Jekk int ma tibqax fidil lejn Kristu, Hu jibqa’ fidil għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu!

Il-fedeltà  hija proprju l-ħajja tal-imħabba ta’ Ġesù.  U l-imħabba ta’ Ġesù lejn il-Knisja tiegħu hija fidila.  Din il-fedeltà hija bħal dawl fuq iż-żwieġ:  il-fedeltà fl-imħabba.   Dejjem.

Fedeltà dejjem imma ma tegħja qatt u tibqa’ tippersevera.   L-istess bħall-imħabba ta’ Ġesù lejn l-Għarusa tiegħu.   Ġesù kemm-il darba jaħfrilha lill-Knisja u bl-istess mod, afferma l-Papa Franġisku, anke fi ħdan il-koppja, xi drabi trid tintalab il-maħfra biex b’hekk l-imħabba fiż-żwieġ tibqa’ tikber.

Il-ħajja taż-żwieġ trid tkun perseveranti, trid tibqa’ perseveranti.  Għax jekk isir bil-maqlub, l-imħabba ma tistax tibqa’ tikber.  Il-perseveranza fl-imħabba, fil-mumenti sbieħ u fil-mumenti koroh, meta hemm il-problemi: il-problemi bit-tfal, il-problemi ekonomiċi, problemi hawn u problemi hemm…  Imma l-imħabba tippersevera, timxi ’l quddiem, dejjem tfittex li ssolvi s-sitwazzjoni biex issalva l-familja.  Meta jkunu perseveranti, il-mara u r-raġel iqumu filgħodu u flimkien imexxu l-familja.

It-tielet karatteristika hija l-fekondità.  L-imħabba ta’ Ġesù, osserva l-Papa Franġisku, isseddaq il-Knisja b’ulied ġodda, bil-Magħmudijiet, u l-Knisja tikber b’din il-fekondità nuzjali.  Fiż-żwieġ, din il-fekondità xi drabi tista’ titqiegħed taħt prova, meta ma jaslux tfal jew meta jkunu  morda.  Waqt dawn il-provi, enfasizza l-Papa, hemm koppji li jħarsu lejn Ġesù u jirċievu l-qawwa tal-fekondità li Ġesù għandu għall-Knisja tiegħu. Filwaqt li min-naħa l-oħra hemm affarijiet li lil Ġesù ma jogħġbuhx, jiġifieri ż-żwiġijiet li jibqgħu bla tfal b’għażla.

Dawn il-koppji li ma jridux tfal, li jridu jgħixu mingħajr ma jnisslu… din il-kultura ta’ kumdità li għaxar snin ilu kkonvinċietna: ‘Aħjar ma jkollokx tfal!  Aħjar!  B’hekk tkun tista’ tgawdi d-dinja, tmur għall-vaganzi, jista’ jkollok villa fil-kampanja… tibqa’ trankwill…  Forsi aħjar, aktar komdu, ikollok kelb, xi żewġt iqtates u l-imħabba tmur lejn il-qtates jew lejn il-kelb.’  Minnu dan jew le?  Rajtuh dan b’għajnejkom, jew le?  U fl-aħħar dan iż-żwieġ jasal għax-xjuħija fis-solitudni, bit-togħma qarsa tas-solitudni kiefra.   Mhux żwieġ għammiel, ma jagħmilx dak li Ġesù jagħmel mal-Knisja tiegħu meta jagħmilha għammiela, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: