Ġesù jitlobna  nżommu qlubna  ħielsa mill-flus, mill-vanità u mill-poter

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju 2014: Ġesù jitlobna nżommu qlubna ħielsa mill-flus, mill-vanità u mill-poter, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu qal li l-veru għana hu dak li jdawlilna qlubna bħalma hi l-adorazzjoni ta’ Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu.  Għalhekk hu wissa dwar it-teżori tad-dinja li jtaqqlu u jikkalzraw il-qalb.

‘Iġġemmgħux għalikom teżori fl-art.’  Il-Papa Franġisku żvolġa l-omelija minn dan il-parir ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelju tallum.  Dan, osserva l-Papa, hu parir għall-prudenza, għax it-teżori ta’ din l-art qatt m’huma żguri: isaddu u jitmermru u jiġu l-ħallelin biex jisirquhom.

Dwar liema teżori kien qed jitkellem Ġesù, staqsa l-Papa?  Prinċipalment dwar tlieta li dejjem iduru madwar l-istess argument:  L-ewwel teżor hu d-deheb, il-flus, l-għana.  B’dawn qatt m’int żgur għax forsi jistgħu jisirquhomlok, mhux hekk?  M’intix żgur mill-investimenti għax jistgħu jaqgħu s-swieq finanzjarji u int tibqa’ b’xejn. Imbagħad, staqsa l-Papa, ewro aktar se jagħmlek aktar hieni jew?  Ir-rikkezzi huma teżor perikoluż.

It-teżor l-ieħor, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, huwa l-vanità: it-teżor li jkollok il-prestiġju, li tidher.  U Ġesù, wissa l-Papa Franġisku, dan jikkundannah dejjem!  Naħsbu ftit dwar dak li qal lid-dutturi tal-liġi meta jsumu u jagħtu l-karità, meta jitolbu biex jidhru.  Il-vanità, tenna l-Papa, ma twassal imkien, tintemm, u kkwota lil San Bernard li kien jafferma: ‘sbuħitek tispiċċa ikel għad-dud.’

It-tielet teżor huwa l-kburija, il-poter.  Il-Papa rrefera għall-ewwel qari tal-ġurnata fejn naqraw dwar il-waqa’ tar-reġina krudila Atalja.  Il-poter kbir tagħha, ikkummenta Franġisku, dam seba’ snin, imbagħad inqatlet.  Il-poter jintemm!  U kemm nies kbar, suppervi, irġiel u nisa ta’ setgħa, intemmu fl-anonimat, fil-miżerja jew fil-ħabs!  Dawn it-teżori, irrimarka l-Papa, ma jiswewx.  Il-Mulej jitlobna biex niġimgħu teżori fis-sema.

Hawn hu l-messaġġ ta’ Ġesù.  Imma jekk it-teżor tiegħek hu fil-ġid tad-dinja, fil-vanità, fil-kburija, qalbek tkun marbuta bil-ktajjen miegħu!  Qalbek tkun ilsira tal-għana, tal-vanità, tal-kburija.  Dan hu l-messaġġ tallum!  ‘Jekk jogħġobkom ħallu lil qalbkom tkun ħielsa,’ jgħidilna Ġesù.  Ikellimna dwar il-libertà tal-qalb.  U biex ikollok qalbek verament ħielsa trid tkun marbuta biss mat-teżori tas-sema: l-imħabba, il-paċenzja, il-qadi tal-oħrajn, l-adorazzjoni ta’ Alla.  Dawn huma r-rikkezzi veri li ma jistgħux jinsterqu.  Ir-rikkezzi l-oħrajn itaqqlu l-qalb.  Itaqqlu l-qalb, jorbtuha bil-ktajjen u ma jħalluhiex ħielsa!

Il-qalb skjava, żied jgħid il-Papa, mhix qalb imdawla: tkun qalb imdallma.   U jekk aħna nġemmgħu t-teżori tal-art, inkunu qed inġemmgħu d-dlam li ma jiswa għal xejn.  Dawn it-teżori ma jagħtuniex ferħ, imma fuq kollox ma jagħtuniex il-libertà.  Min-naħa l-oħra, afferma l-Papa, qalb ħielsa hi qalb imdawla, li ddawwal lill-oħrajn, li turi t-triq li twassal għand Alla.

Qalb imdawla li mhix marbuta bil-ktajjen hi qalb li timxi ’l quddiem u tixjieħ tajjeb għax tixjieħ bħalma jixjieħ l-inbid it-tajjeb: meta nbid tajjeb jixjieħ, isir aktar tajjeb.  Imma l-qalb li mhix imdawla hi bħall-inbid li mhux tajjeb: jgħaddi ż-żmien u jiqras, isir ħall.

Jalla l-Mulej itina din il-prudenza spiritwali biex nifhmu eżatt fejn tinsab qalbna, qalbi ma’ liema teżor hi marbuta.   U jalla jtina l-forza biex jekk hi fil-ktajjen ninħallu minnhom ħalli ssir qalb libera, imdawla u ttina dik l-hena sabiħa ta’ wlied Alla: il-libertà vera.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading