Il-Ġimgħa, 12 ta’ Settembru 2014: Il-veru korrezzjoni fraterna tweġġa’ għax issir bl-imħabba, fil-verità u bl-umiltà. Jekk aħna nieħdu pjaċir nikkoreġu, dan ma jkunx ġej minn Alla. Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jwiddeb lil min jara t-tibna f’għajn ħuh u ma jindunax bit-travu li għandu f’għajnu. Hu u jikkummenta din is-silta l-Papa reġa’ tkellem dwar il-korrezzjoni fraterna.
Qabel xejn, min ikun żbalja jeħtieġ li nikkoreġuh bil-karità. Ma nistgħux nikkoreġu persuna mingħajr imħabba u karità. Ma nistgħux nagħmlu operazzjoni mingħajr il loppju għax inkella l-pazjent imut bl-uġigħ. Il-karità hija bħal-loppju li jgħin lil dak li jkun jaċċetta l-korrezzjoni. Bniedem iwiddeb billi jieħu lil min żbalja fil-ġenb, u jkellmu bil-ħlewwa u bl-imħabba.
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li hemm bżonn issir korrezzjoni fil-verità: ma jingħadx dak li mhux veru. Kemm-il darba, żied jgħid, fil-komunitajiet tagħna jingħad diskors li ma jkunx veru dwar persuna oħra: dawn huma kalunji. Jew, jekk ikunu veri, lil dik il-persuna jwaqqgħulha l-fama.
It-tqassis jagħmel ġerħa; is-seksik hu daqqa ta’ ħarta lill-fama tal-persuna, huwa daqqiet ta’ ħarta lill-qalb tal-persuna. Minnu, żied jgħid Franġisku, li meta jgħidulek il-verità ma tiħux gost tismagħha. Imma jekk din tingħad bil-karità u bl-imħabba, ikun aktar faċli li tkun aċċettata. Għalhekk, biex nitkellmu dwar id-difetti tal-oħrajn, irridu nużaw il-karità.
It-tielet punt hu li nikkoreġu bl-umiltà. Jekk int trid tikkoreġi xi difett żgħir ftakar li int għandek oħrajn li huma akbar! Il-korrezzjoni fraterna hija att li jfejjaq il-ġisem tal-Knisja. Hemm toqba fid-drapp tal-Knisja, li hemm bżonn titraqqa’.
U bħal meta l-ommijjiet, in-nanniet, iraqqgħu b’tant delikatezza, l-istess għandna nagħmlu aħna biex nikkoreġu fraternament. Jekk m’għandekx ħila tikkoreġi bl-imħabba, bil-karità, fil-verità, bl-umiltà, int twettaq offiża, teqred il-qalb ta’ dik il-persuna, int tkun żidt għajdut ieħor li jferi, int issir agħma ipokrita kif jgħid Ġesù: ‘Ipokrita, l-ewwel neħħi t-tibna minn għajnek…!’ Agħraf li int midneb akbar mill-ieħor, imma bħala ħuh għandek tgħinu biex jikkoreġi ruħu.
Il-Papa osserva li sinjal li jista’ jgħin hu l-fatt li bniedem iħoss ċertu sodisfazzjon meta jara xi ħaġa li ma tkunx sejra tajjeb u li jidhirlu li għandu jikkoreġiha. Jeħtieġ noqogħdu attenti għax dak ma jkunx ġej mill-Mulej. Mal-Mulej dejjem hemm is-salib, id-diffikultà li bniedem jagħmel ħaġa tajba. L-imħabba hi dejjem tal-Mulej. Din l-imħabba ttina l-ħlewwa. Ma niġġudikawx għax aħna l-Insara għandna t-tentazzjoni li nagħmlu bħad-dutturi tal-liġi: ninqatgħu mil-logħba tad-dnub u tal-grazzja qisu aħna xi anġli…
Il-Papa Franġisku kkwota lil San Pawl fejn jgħid: ‘Ma jiġrix li wara li tkun ippritkajt lill-oħrajn, tispiċċa skwalifikat inti stess.’ U n-Nisrani li fi ħdan il-komunità ma jagħmilx l-affarijiet, inkluż il-korrezzjoni fraterna, bil-karità, fil-verità u bl-umiltà, huwa skwalifikat! Ma rnexxilux isir Nisrani matur!
Jalla l-Mulej jgħinna f’dan is-servizz fratern tant sabiħ imma li tant inissel dieqa, li ngħinu lil ħutna jsiru aħjar, u jalla jgħinna biex dan nagħmluh dejjem bil-karità, fil-verità u bl-umiltà, temm Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta