Il-Papa f’Santa Marta: Nistgħu biss nimxu wara Ġesù bis-serjetà, jekk ikollna l-ħniena fi qlubna


Il-Ħamis, 11 ta’ Settembru 2014: Nistgħu biss nimxu wara Ġesù bis-serjetà, jekk ikollna l-ħniena fi qlubna.  Din kienet l-affermazzjoni tal-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Papa tenna li l-ħajja tan-Nisrani mhix ħajja  awtoreferenzjali imma hija għotja sal-aħħar, mingħajr egoiżmu.  Hekk biss ikun possibbli li nħobbu lill-għedewwa tagħna kif jitlobna nagħmlu Ġesù.

Il-Papa Franġisku żvolġa l-omelija b’riflessjoni dwar il-pass tal-Evanġelju ta’ San Luqa li fih il-Mulej juri t-triq tal-imħabba mingħajr kundizzjonijiet.  Ġesù, qal il-Papa, jgħidilna biex nitolbu għal min jittrattana ħażin b’enfasi fuq il-verbi: ħobbu, agħmlu l-ġid, bierku, itolbu u tirrifjutawx. Dawn il-verbi jfissru l-għotja tagħna nfusna, li nagħtu qlubna proprju lil min jixtiqilna d-deni, lil min weġġagħna, lill-għedewwa.  Din hi n-novità tal-Evanġelju.  Infatti Ġesù jurina li ma hemm ebda mertu li nħobbu lil min iħobbna għax anke l-midinbin jagħmlu hekk.

Imma l-Insara huma msejħin biex iħobbu lill-għedewwa tagħhom: ‘Agħmlu l-ġid u isilfu mingħajr ma tistennew xejn lura, mingħajr interess, u l-ħlas tagħkom ikun kbir.’ Ċertament, ammetta l-Papa, l-Evanġelju hu novità, novità diffiċli biex tqegħidha fis-seħħ.  Imma dak ifisser li timxi wara Ġesù.

Padre, jien ma nħossx li għandi nagħmel hekk!’  Imma jekk ma tħossx dan, din hi problema tiegħek għax il-mixja nisranija din hi!  Din hi l-mixja li jgħallimna Ġesù. U x’għandi nittama?  Morru fit-triq ta’ Ġesù, li hi t-triq tal-ħniena: ‘Ikollkom ħniena bħalma għandu ħniena l-Missier tagħkom.’  B’qalb mimlija ħniena biss nistgħu nagħmlu dak li jgħidilna nagħmlu l-Mulej.  Sal-aħħar.  Il-ħajja tan-Nisrani mhix ħajja awtoreferenzjali; hija ħajja li toħroġ minnha nfisha biex tingħata lill-oħrajn.  Hija rigal, hija mħabba, u l-imħabba ma ddurx lura lejha nfisha, mhix egoista: tingħata.

Ġesù, kompla l-Papa, jitlob minna l-ħniena u jgħidilna biex ma niġġudikawx.  Tant drabi donnu jidher li aħna nħtarna mħallfin fuq l- oħrajn… bit-tqassis, bis-seksik… niġġudikaw lil kulħadd!  Iżda l-Mulej jgħidilna: ‘Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati.  Tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati.’ 

U fl-aħħar jitlobna naħfru biex inkunu maħfura.  Kuljum, fakkar Franġisku, dan ngħiduh fit-talba tal-Missierna: ‘Aħfrilna kif aħna naħfru.’  Jekk jien ma naħfirx kif nista’ nitlob lill-Missier jaħfirli?  Din hi l-ħajja nisranija.  Imma se tgħiduli: ‘Padre, din hi bluha!’  Iva, dal-ġranet smajna lil San Pawl jgħidilna l-istess: ‘il-bluha tas-Salib ta’ Kristu’, li m’għandha x’taqsam xejn mal-għerf tad-dinja.

Allura, tistaqsuni: biex inkun Nisrani, f’ċertu sens, irrid insir iblah?  Iva, f’ċertu sens.  Ifisser li niċħad il-ħażen tad-dinja biex nagħmel dak kollu li jgħidli Ġesù, li jekk noqogħdu nagħmlu l-kontijiet donnu jidher li jdur kontrina.

Imma din hi, wissa l-Papa, it-triq ta’ Ġesù: il-qalb kbira, il-ġenerożità; l-għotja tiegħek innifsek mingħajr limiti. Hu għalhekk, żied jgħid Franġisku, li Ġesù ġie fid-dinja, u Hu hekk għamel: ingħata, ħafer, ma qal xejn ħażin dwar ħadd, ma ġġudikax.  Mhux faċli tkun Nisrani, iċċara l-Papa, u ma nistgħux insiru Nsara bil-ħiliet tagħna biss imma bil-grazzja t’Alla.  U hawn naslu għat-talba li għandna nagħmlu kuljum:  ‘Mulej, tini l-grazzja li nsir Nisrani tajjeb, Nisranija tajba, għax waħdi ma nasalx.’

Meta taqra din is-silta tal-Evanġelju l-ewwel darba, tbeżżgħek.  Imma ejjew naqbdu l-Evanġelju u naqraw it-tieni, it-tielet, u anke r-raba’ darba dan il-kapitlu 6 ta’ San Luqa u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nifhmu xi jfisser li tkun Nisrani, u anke l-grazzja li Hu għamilna Nsara.  Għax waħedna ma naslux, temm l-omelija l-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta