It-Tlieta, 16 ta’ Settembru 2014: Jistgħu jsiru prietki sbieħ, imma jekk ma nkunux qrib il-persuna, jekk ma nsofrux man-nies u ma nnisslux it-tama, dawk il-prietki ma jiswewx, huma vanità. Din kienet affermazzjoni qawwija oħra li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta, fil-jum li fih il-Knisja tfakkar lill-martri San Kornelju, Papa u lill-Isqof San Ċiprijanu.
L-Evanġelju tallum jurina li Ġesù resaq qrib korteo funebri: l-armla ta’ Najn kienet tilfet lil binha l-waħdieni. Il-Mulej jagħmel il-miraklu li jerġa’ jqajjem liż-żagħżugħ għall-ħajja. Imma jagħmel aktar minn hekk: jersaq qrib.
Il-Papa osserva li n-nies qalu li Alla żar il-poplu tiegħu. Meta Alla jżur, ikun hemm xi ħaġa aktar, ikun hemm xi ħaġa ġdida: ikun ifisser li l-preżenza tiegħu tinsab f’dak il-post b’mod speċjali. Ikun ifisser li Ġesù hu qrib.
Kien qrib in-nies: Alla qrib li jirnexxilu jifhem il-qalb tal-bniedem, il-qalb tal-poplu tiegħu. Imbagħad jara dak il-korteo, u l-Mulej jersaq qrib. Alla jżur lill-poplu tiegħu billi jersaq qribu. Il-qrubija: dan huwa l-metodu ta’ Alla. Imbagħad hemm espressjoni li nsibuha ħafna drabi mtennija fil-Bibbja: ‘Il-Mulej ġietu ħniena kbira.’ L-istess kompassjoni, jgħid l-Evanġelju, li ħass meta ra tant nies quddiemu li kienu qishom nagħaġ mingħajr sid. Meta Alla jżur il-poplu tiegħu, jersaq qribu, imur qrib u jħoss kompassjoni u jemozzjona ruħu.
Il-Mulej, kompla jgħid Franġisku, iħoss kompassjoni kbira bħalma ħass meta kien quddiem il-qabar ta’ Lazzru. L-istess kif dak il-missier ħassu kommoss meta ra lil ibnu l-ħali ġej lura d-dar.
Qrubija u kompassjoni: hekk iżur lill-poplu tiegħu l-Mulej. U din hi t-triq li għandna nieħdu meta nkunu rridu nħabbru l-Evanġelju, meta nkunu rridu nwasslu l-Kelma ta’ Ġesù.
It-triq l-oħra hi dik tal-imgħallmin, tal-predikaturi ta’ dak iż-żmien: id-dutturi tal-liġi, l-iskribi, il-fariżej… li kienu bogħod mill-poplu. Kienu jafu jitkellmu, kienu jafu jgħallmu l-liġi tajjeb, imma bogħod. U dik ma kinitx żjara tal-Mulej; kienet xi ħaġa oħra. Il-poplu ma kienx iħoss dan bħala grazzja, għax ma kienx hemm qrubija; u kienet nieqsa l-kompassjoni, jiġifieri li jbatu mal-poplu.
Hemm kelma oħra, qal il-Papa, li nsibuha meta naqraw li l-Mulej iżur il-poplu: il-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem, u Hu, Ġesù, tah lura lil ommu.
Meta Alla jżur il-poplu tiegħu, iroddlu lura t-tama, dejjem. Nistgħu nippritkaw il-Kelma t’Alla b’mod brillanti – fl-istorja kien hemm bosta predikaturi bravi – imma jekk dawn il-predikaturi ma jirnexxielhomx jiżirgħu t-tama, dik il-prietka ma tiswiex: hija vanità.
Meta nħarsu lejn Ġesù li lill-omm raddilha lil binha ħaj, temm l-omelija l-Papa Franġisku, nistgħu nifhmu xi tfisser żjara ta’ Alla lill-poplu tiegħu. U nitolbu l-grazzja li x-xhieda tagħna bħala Nsara tkun xhieda li twassal iż-żjara ta’ Alla lill-poplu tiegħu, jiġifieri qrubija li tiżra’ t-tama.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta