Katekeżi Knisja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja hi Kattolika u Appostolika


7. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 17 ta’ Settembru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Din il-ġimgħa nkomplu nitkellmu fuq il-Knisja. Meta nistqarru l-fidi tagħna, aħna naffermaw li l-Knisja hi Kattolika u Appostolika. Imma x’inhi l-vera tifsira ta’ dawn iż-żewġ kelmiet, ta’ dawn iż-żewġ noti karatteristiċi tal-Knisja? U x’valur għandhom għall-komunitajiet Insara u għal kull wieħed u waħda minna?

1. Kattolika tfisser universali. Defenizzjoni sħiħa u ċara jagħtihielna wieħed minn Missirijiet il-Knisja ta’ l-ewwel sekli, San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, meta jistqarr: “Il-Knisja bla dubju hi msejħa kattolika, jiġifieri universali, għax hi mxerrda ma’ kullimkien minn tarf sa l-ieħor ta’ din l-art; u għax, universalment u bla ma tnaqqas xejn minnhom, tgħallem il-veritajiet li l-bniedem għandu jagħraf, kemm jekk huma dwar ħwejjeġ tas-Sema, kemm jekk ta’ l-art” (Katekeżi XVIII, 23).

Sinjal ċar tal-kattoliċità tal-Knisja hu li hi titkellem bl-ilsna kollha. U dan m’hux ħlief l-effett ta’ Għid il-Ħamsin (ara Atti 2:1-13): hu l-Ispirtu s-Santu, fil-fatt, li lill-Appostli u lill-Knisja sħiħa għamilhom kapaċi jsemmgħu mill-ġdid lil kulħadd, sa truf l-art, il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni u ta’ l-imħabba ta’ Alla. Hekk il-Knisja twieldet kattolika, jiġifieri “sinfonika” sa mill-bidu tagħha, u ma tistax ħlief tkun kattolika, mogħtija għall-evanġelizzazzjoni u biex tiltaqa’ ma’ kulħadd. Il-Kelma ta’ Alla l-lum tista’ tinqara fl-ilsna kollha, kulħadd għandu l-Vanġelu bil-lingwa tiegħu, biex jista’ jaqrah. U nerġa’ lura għall-istess kunċett: dejjem tajjeb inġorru fuqna Vanġelu żgħir, biex inqiegħduh fil-but, fil-basket u matul il-ġurnata naqraw silta. Dan jagħmlilna tajjeb. Il-Vanġelu hu mxerred fl-ilsna kollha għax il-Knisja, it-tħabbira ta’ Ġesù Kristu l-Feddej, hi fid-dinja kollha. U għalhekk ngħidu li l-Knisja hi Kattolika, għax hi universali.

2. Jekk il-Knisja twieldet Kattolika, dan ifisser li twieldet “biex toħroġ”, twieldet missjunarja. Kieku l-Appostli baqgħu magħluqin hemm fiċ-Ċenaklu, bla ma ħarġu biex iwasslu l-Vanġelu, il-Knisja kienet tkun biss il-Knisja ta’ dak il-poplu, ta’ dik il-belt, ta’ dak iċ-ċenaklu. Imma kollha ħarġu jduru fid-dinja, sa minn dak il-waqt li fih twieldet il-Knisja, mill-waqt li fih niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. U għalhekk il-Knisja twieldet “biex toħroġ”, jiġifieri missjunarja. Dan hu li nesprimu meta nsejħulha Appostolika, għax l-appostlu hu dak li jwassal il-bxara t-tajba tal-Qawmien ta’ Ġesù. Dan it-terminu jfakkarna li l-Knisja hi mwaqqfa fuq l-Appostli u f’kontinwità magħhom – huma l-Appostli li marru u waqqfu Knejjes ġodda, għamlu isqfijiet ġodda, u dan fid-dinja kollha, f’kontinwità. Il-lum ilkoll kemm aħna ninsabu f’kontinwità ma’ dak il-grupp ta’ Appostli li rċieva l-Ispirtu s-Santu u mbagħad “ħareġ” jippriedka –, hu mibgħut biex iwassal lill-bnedmin kollha din it-tħabbira tal-Vanġelu, u jseħibha bis-sinjali tal-ħlewwa u tal-qawwa ta’ Alla. Anki dan ġej mill-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin: hu l-Ispirtu s-Santu, fil-fatt, li jegħleb kull reżistenza, li jirbaħ it-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, fost il-ftit magħżulin, u li nqisu ruħna l-uniċi destinatarji tal-barka ta’ Alla. Jekk, ngħidu aħna, xi Nsara jagħmlu dan u jgħidu: “Aħna l-magħżulin, aħna biss”, fl-aħħar imutu. L-ewwel imutu f’ruħhom, imbagħad imutu fil-ġisem, għax m’għandhomx ħajja, m’humiex kapaċi jnisslu l-ħajja, bnedmin oħra, ġnus oħra: m’humiex appostoliċi. U hu propju l-Ispirtu li jmexxina biex niltaqgħu ma’ ħutna, anki ma’ dawk l-aktar imbiegħda f’kull sens, biex jistgħu jaqsmu magħna l-imħabba, il-paċi, il-ferħ li Kristu Rxoxt ħallielna b’don tiegħu.

3. Xi jfisser, għall-komunitajiet tagħna u għal kull wieħed u waħda minna, li nkunu nagħmlu parti minn Knisja li hi Kattolika u Appostolika? Qabel xejn, ifisser ikollna għal qalbna s-salvazzjoni ta’ l-umanità kollha, ma nħossuniex indifferenti jew barranin quddiem ix-xorti ta’ tant minn ħutna, imma miftuħin u solidali lejhom. Ifisser ukoll ikollna s-sens tas-sħuħija, tal-milja, ta’ l-armonija tal-ħajja Nisranija, billi nitbiegħdu dejjem mill-pożizzjonijiet parzjali, unilaterali, li jagħlquna fina nfusna.

Li nagħmlu parti mill-Knisja Appostolika jfisser nagħrfu li l-fidi tagħha hi ankrata fit-tħabbira u fix-xhieda ta’ l-istess Appostli ta’ Ġesù – hi ankrata hemm, hi katina twila li ġejja minn hemm –; u għalhekk inħossuna dejjem mibgħuta, f’komunjoni mas-suċċessuri ta’ l-Appostli, biex inħabbru, b’qalbna mimlija ferħ, lil Kristu u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin kollha. U hawn nixtieq infakkar il-ħajja erojka ta’ tant, tant missjunarji rġiel u nisa li ħallew arthom biex imorru jxandru l-Vanġelu f’pajjiżi oħra, f’kontinenti oħra. Wieħed kardinal Brażiljan, li jaħdem ħafna fl-Amazjona, kien qed jgħidli li meta hu jmur f’xi post, f’xi pajjiż jew belt ta’ l-Amazonja, imur dejjem fiċ-ċimiterju u hemm jara l-oqbra ta’ dawn il-missjunarji, saċerdoti, patrijiet, sorijiet li marru jippriedkaw il-Vanġelu: appostli. U hu jaħseb: dawn kollha jistgħu jiġu kkanonizzati issa, ħallew kollox biex ixandru lil Ġesù Kristu. Irroddu ħajr lill-Mulej li l-Knisja tagħna għandha tant missjunarji, kellha tant missjunarji u għad għandha bżonn iżjed! Irroddu ħajr lill-Mulej ta’ dan. Forsi fost tant żgħażagħ, ġuvintur u xebbiet, li qegħdin hawn, xi ħadd jixtieq isir missjunarju: ħa jibqa’ miexi f’din it-triq! Kemm hi ħaġa sabiħa din, li nwasslu l-Vanġelu ta’ Ġesù! Ħa jkun kuraġġuż!

Mela nitolbu lill-Mulej iġedded fina d-don ta’ l-Ispirtu tiegħu, biex kull komunità Nisranija u kull imgħammed ikun espressjoni ta’ ommna l-Knisja mqaddsa Kattolika u Appostolika.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s