Il-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru 2014: Illum ukoll jeżistu ‘Nsara pagani’ li jġibu ruħhom ta’ għedewwa tas-Salib. Din kienet it-twissija li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu tenna li rridu noqogħdu attenti mit-tentazzjonijiet tal-mondanità li jwassluna għar-rovina.
Hemm Insara li jimxu ’l quddiem fil-fidi u Nsara li jġibu ruħhom ta’ għedewwa tas-Salib ta’ Kristu. Il-Papa tnebbaħ mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin biex jitkellem dwar żewġ gruppi ta’ Nsara li għadhom jeżistu llum bħalma kienu jeżistu fi żmien l-Appostlu tal-Ġnus.
Iż-żewġ gruppi kienu fil-Knisja, flimkien, imorru fit-Tempju, ifaħħru lill-Mulej, u jissejħu Nsara. X’kienet allura d-differenza? Dawn tal-aħħar kienu jġibu ruħhom bħala għedewwa tas-Salib ta’ Kristu. Dawn huma l-Insara mondani, tal-isem, b’xi tnejn jew tliet kwalitajiet insara u xejn iżjed. Insara pagani! Jissejħu Nsara imma ħajjithom pagana. Jew, biex ngħiduha mod ieħor, kompla l-Papa, pagani b’żewġ pinzellati żebgħa ta’ kristjaneżmu, biex jidhru li huma Nsara. Imma huma pagani.
Anke llum hawn ħafna minnhom! Aħna wkoll irridu noqogħdu attenti biex ma niżżerżqux lejn dik it-triq tal-Insara pagani, Insara fid-dieher. It-tentazzjoni li nidraw il-medjokrità, il-medjokrità nisranija, hija proprju r-rovina, għax b’hekk il-qalb tibred.
Lil min hu biered il-Mulej jgħidlu kelma iebsa: ‘Għax int biered, jien nobżqok minn ħalqi.’ Qawwija ħafna din! Huma għedewwa tas-Salib ta’ Kristu. Għandhom l-isem imma ma jimxux mal-eżiġenzi tal-ħajja nisranija. Pawlu, żied jgħid Franġisku, jitkellem dwar iċ-ċittadinanza tal-Insara. Iċ-ċittadinanza tagħna, osserva l-Papa, tinsab fis-sema. Għal dawk l-Insara hija fl-art: huma ċittadini tad-dinja mhux tas-sema. Ċittadini tad-dinja u kunjomhom hu ‘mondan’!
Ħarsu rwieħkom minnhom, wissa l-Papa. Kulħadd għandu jistaqsi lilu nnifsu, anke jien: Għandi xi ftit minnhom? Għandi xi ftit mondanità fija, xi ħaġa li hija pagana? Inħobb niftaħar? Inħobb il-flus? Jogħġobni nitkabbar, inkun supperv? Fejn huma l-għeruq tiegħi? Jiġifieri ta’ fejn jien ċittadin: tas-sema jew tal-art; fid-dinja jew fl-ispirtu mondan?
Iċ-ċittadinanza tagħna hija fis-sema minn fejn nistennew lill-Mulej Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna. U tagħhom? Tmiemhom hu t-telfien! Dawn l-Insara mbajda jispiċċaw ħażin… Imma ejjew inħarsu lejn it-tmiem: fejn se twasslek iċ-ċittadinanza li għandek f’qalbek? Dik tad-dinja lejn ir-rovina, dik tas-Salib ta’ Kristu lejn il-laqgħa miegħU.
Il-Papa mbagħad semma xi sinjali li juru li l-qalb tkun miexja lejn il-mondanità. Jekk inti tħobb jew marbut mal-flus, mal-vanità, mas-sens ta’ kburija, wissa l-Papa, int miexi fit-triq il-ħażina. Jekk, minflok, int tfittex li tħobb lil Alla, isservi lill-oħrajn, jekk int manswet, umli, jekk int qaddej tal-oħrajn, int miexi fit-triq it-tajba, it-tessera taċ-ċittadinanza tiegħek hija tajba: hija dik tas-sema! Bil-maqlub, l-oħra hija ċittadinanza li tisfagħlek ħażin.
Ġesù, fakkar il-Qdusija Tiegħu, kien jitlob ħafna lill-Missier biex jeħles lid-dixxipli tiegħu mill-‘ispirtu tad-dinja’, minn din il-mondanità li twassal għat-telfien.
Il-Papa kompla l-omelija bi ħsieb dwar il-parabbola tal-amministratur li jqarraq b’sidu, li nsibu fil-Evanġelju tal-lum.
Kif wasal dan l-amministratur, li naqraw dwaru fl-Evanġelju, sal-punt li jqarraq u jisraq lil sidu? Wasal mil-lum għall-għada? Le. Ftit, ftit. Illum ħa ftit minn hawn, ġurnata oħra ħa ftit flus minn taħt, u hekk, ftit, ftit, wasal għall-korruzzjoni. It-triq tal-mondanità ta’ dawn l-għedewwa tas-Salib ta’ Kristu hekk hi, twassal għall-korruzzjoni! Imbagħad nispiċċaw bħal dal-bniedem, mhux hekk? Nisirqu bil-miftuħ…
Il-Papa Franġisku mbagħad reġa’ lura għal kliem San Pawl li jitlob li nibqgħu sħaħ fil-Mulej, mingħajr ma nħallu lil qlubna jiddgħajfu u jegħrqu fil-korruzzjoni. Hija grazzja sabiħa li nitolbu għaliha din, qal il-Papa, li nibqgħu sħaħ fil-Mulej. Hemm insibu s-salvazzjoni sħiħa, it-trasfigurazzjoni fil-glorja. Sħaħ fil-Mulej u bl-eżempju tas-Salib ta’ Kristu: umiltà, faqar, manswetudni, servizz lill-oħrajn, adorazzjoni u talb, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta