Il-Ħamis, 6 ta’ Novembru 2014: Il-veru Nisrani ma jibżax iħammeġ idejh mal-midneb, ma jibżax jirriskja anke l-fama tiegħu, għax għandu l-qalb ta’ Alla li ma jrid lil ħadd jintilef. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa tkellem dwar iż-żewġ parabboli tan-nagħġa mitlufa u tal-munita mitlufa. Il-fariżej u l-iskribi jiskandalizzaw ruħhom għax Ġesù jilqa’ lill-midinbin u jiekol magħhom.
Għal dawk in-nies dak kien veru skandlu, osserva Franġisku li kkummenta: min jaf kieku dak iż-żmien kienu jeżistu l-ġurnali! Imma Ġesù għalhekk ġie, biex ifittex lil dawk li kienu tbiegħdu mill-Mulej.
Dawn iż-żewġ parabboli juruna kif inhi l-qalb ta’ Alla. Alla ma jiqafx. Alla ma jasalx biss sa ċertu punt, imma jibqa’ sejjer sal-aħħar, sal-limiti. Ma jiqafx f’nofs it-triq tas-salvazzjoni qiesu qed jgħid: ‘Jien għamilt ħilti kollha, issa problema tagħkom .’ Hu jibqa’ għaddej, joħroġ, jinżel fil-kamp tal-battalja.
Imma l-iskribi u l-fariżej jieqfu nofs triq. Lilhom kien jimpurtahom li jkun hemm bilanċ favorevoli bejn id-dħul u l-ħruġ u b’hekk kienu jserrħu rashom. Iva, tlift tliet muniti, għaxar nagħġiet, imma qlajt ħafna. Dan mhux parti mill-mentalità ta’ Alla. Alla mhux negozjant. Alla hu Missier u biex isalva ma jiqafx, jibqa’ sejjer sal-aħħar, lil hinn mil-limiti. Din hi l-imħabba ta’ Alla. Kemm hu ta’ niket, osserva l-Papa, ragħaj li jibqa’ nofs triq.
Hu ta’ niket li ragħaj jiftaħ il-bieb tal-knisja u jibqa’ hemm jistenna. Hu ta’ niket in-Nisrani li ġewwa fih, f’qalbu, ma jħossx il-ħtieġa li jmur jirrakkonta lill-oħrajn li l-Mulej huwa twajjeb. Kemm hi perversa l-qalb ta’ min jaħseb li hu ġust bħall-iskribi u l-fariżej!
Dawn ma ridux iħammġu jdejhom mal-midinbin. Niftakruha din. Niftakru kif kienu jaħsbuha u x’kienu jgħidu: ‘Kieku dan kien profeta kien ikun jaf li din hi midinba.’ Id-disprezz. L-ewwel kienu jużaw lin-nies imbagħad jiddisprezzawhom.
Meta r-ragħaj jibqa’ f’nofs it-triq, hija telfa, qal il-Papa. Ir-ragħaj għandu jkollu l-qalb ta’ Alla u jibqa’ sejjer sal-limitu, għax ma jrid lil ħadd jintilef.
Il-veru ragħaj, il-veru Nisrani, għandu fih dan iż-żelu: ħadd m’għandu jintilef. U għalhekk, ma jibżax iħammeġ idejh. Ma jibżax. Imur fejn għandu jmur. Jirriskja ħajtu, jirriskja l-fama tiegħu, jirriskja li jitlef il-kumdità li jkollu, l-istatus tiegħu, u jitlef anke l-karriera ekkleżjastika, basta jkun ragħaj tajjeb.
L-Insara għandhom ikunu hekk huma wkoll. Faċli ħafna tikkundannna lill-oħrajn kif kienu jagħmlu dawn, tikkundanna lill-midinbin, lill-pubblikani. Ħafifa ħafna din imma mhux attitudni nisranija, mhux hekk? Mhix attitudni ta’ wlied Alla. Iben Alla jibqa’ sejjer sal-limiti, jagħti ħajtu. Hekk għamel Ġesù għall-oħrajn. Ma jistax jibqa’ kalm, jagħti kas tiegħu nnifsu, tal-kumditajiet tiegħu, tal-fama tiegħu, tas-sigurtà tiegħu.
Ftakruha din: le għar-rgħajja tan-nofs triq, le u qatt! Le għall-Insara tan-nofs triq, qatt! Niftakru f’dak li għamel Ġesù.
Ir-ragħaj tajjeb, in-Nisrani tajjeb, joħroġ dejjem, dejjem jinsab iterraq, joħroġ barra minnu nnifsu u jmur lejn Alla bit-talb, bl-adorazzjoni. Joħroġ, imur lejn l-oħrajn biex iwasslilhom il-messaġġ tas-salvazzjoni. Ir-ragħaj tajjeb, in-Nisrani tajjeb jaf x’inhi t-tenerezza.
Dawn l-iskribi u l-fariżej ma kinux jafu x’inhi t-tenerezza, ma kinux jafu xi jfisser li tgħabbi n-nagħġa fuq spallejk, bit-tenerezza, u teħodha lura mal-bqija tal-merħla, f’postha. Dawn in-nies ma kinux jafu x’inhu l-ferħ.
In-Nisrani u r-ragħaj tan-nofs triq forsi jafu x’inhu d-divertiment, il-ħajja trankwilla, iħossu ċerta paċi… imma l-ferħ, dak il-ferħ li hemm fis-sema, dak il-ferħ li jiġi minn Alla, dak il-ferħ li jnixxi mill-qalb ta’ Missier li jmut biex isalva…?!
‘Smajt l-ilmenti ta’ Iżrael u nżilt fil-kamp tal-battalja.’ Dan hu tant sabiħ: li ma nibżgħux li jgħidu fuqna meta mmorru nfittxu lil ħutna li huma mbegħdin mill-Mulej. Nitolbu din il-grazzja għal kull wieħed u waħda minna u anke għal Ommna l-Knisja Mqaddsa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta