It-Tnejn, 10 ta’ Novembru 2014: Kull Nisrani, hi x’inhi l-vokazzjoni tiegħu, għandu jkun jaf jaħfer u qatt ma jagħti skandlu, għax l-iskandlu jeqred il-fidi. Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni fil-kummenti dwar il-qari tal-quddiesa tal-lum, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Aħjar tintefa’ l-baħar b’ġebla tat-tħin ma’ għonqok. Ġesù jippreferi juża din ix-xbieha iebsa minflok espressjoni aktar mielsa meta jgħid lid-dixxipli x’jaħseb dwar min jagħti skandlu lill-oħrajn, speċjalment jekk dawn ikunu persuni dgħajfa.
Franġisku bena l-omelija billi, mill-Evanġelju tal-ġurnata, silet tliet kelmiet li huma l-qofol tal-qari: skandlu, maħfra, fidi. Kristu jafferma bla tlaqliq: ‘Gwaj għal min jagħti skandlu.’ Filwaqt li fl-ittra lil Titu, San Pawl jagħti indikazzjonijiet preċiżi dwar kif għandu jkun l-istil ta’ ħajja tas-saċerdot… mhux vjolenti imma mqit. Fi kliem ieħor, li ħadd ma jkollu xi jgħid fih, jiġifieri l-oppost ta’ skandlu.
Imma dan, żied il-Papa, jgħodd għall-Insara kollha. L-iskandlu, kompla jgħid, ifisser li tistqarr u tgħix stil ta’ ħajja ‘ta’ Nisrani’ imma l-atteġġjamenti tiegħek ikunu pagani bħal min ma jemmen f’xejn. Dan jagħti skandlu għax ikun nieqes mix-xhieda, filwaqt li l-fidi mistqarra, saħaq il-Papa, hija l-mod kif tgħix.
Meta Nisrani jew Nisranija, li jmorru l-knisja, fil-parroċċa, ma jgħixux dak li jemmnu, ikunu qed jagħtu skandlu. Kemm-il darba smajna lil min jgħid: ‘Jien ma mmurx il-knisja għax aħjar ngħix onestament id-dar mingħajr ma mmur, milli mmur u nagħmel ċerti affarijiet bħalma jagħmlu dawk li jmorru.’
L-iskandlu jiddistruġġi, jeqred il-fidi! Hu għalhekk li Ġesù hu tant iebes: ‘Oqogħdu attenti! Oqogħdu attenti!’ Jagħmlilna tajjeb inħarsu dan illum u nirrepetuh: Attenti għalina nfusna! Ilkoll kemm aħna nistgħu niskandalizzaw.
Bl-istess mod ilkoll kemm aħna għandna nkunu nafu naħfru. U naħfru ‘dejjem’, insista l-Papa li kien qed jirrepeti kliem Ġesù meta jistedinna biex naħfru ‘anke seba’ darbiet kuljum’, jekk min għamlilna tort, jitlobna l-maħfra għax jisgħob bih.
Il-Papa Franġisku osserva li Ġesù jesaġera biex ifehimna kemm hi importanti l-maħfra, għax Nisrani li ma jafx jaħfer jagħti skandlu: mhux kristjan!
Aħna rridu naħfru għax aħna maħfura. Dan jinsab fit-talba tal-Missierna. Ġesù għallimhulna hemm. Fil-loġika umana dan ma’ jinftiehemx. Il-loġika umana ma tridx maħfra, trid il-vendetta; twasslek għall-mibegħda, għall-firda. Kemm familji huma mifruda għax ma jridux jaħfru lil xulxin! Ulied mifrudin mill-ġenituri tagħhom, miżżewġin bogħod minn xulxin! Importanti ħafna li naħsbu hekk: jekk jiena ma naħfirx, m’għandix – jidher li m’għandix – dritt li nkun maħfur. Inkella ma fhimtx xi jfisser li l-Mulej ħafirli. Din hi t-tieni kelma: il-maħfra.
Allura nifhmu, kompla l-Papa, għaliex, meta semgħu dan, id-dixxipli talbu lill-Mulej biex ikattrilhom il-fidi. Mingħajr il-fidi ma nistgħux ngħixu bla ma niskandalizzaw. Ma jirnexxilniex naħfru dejjem. Biss, irridu nħallu l-fidi ddawwalna, dik il-fidi li aħna rċevejna: il-fidi f’Missier ħanin, f’Iben li ta ħajtu għalina, fi Spirtu li jgħammar fina u jgħinna nikbru, il-fidi fil-Knisja, il-fidi fil-poplu t’Alla, mgħammed, qaddis.
Dan hu rigal, temm l-omelija l-Papa Franġisku; il-fidi hija rigal. Ħadd ma jista’ jkollu l-fidi mill-kotba jew mill-konferenzi. Il-fidi hija rigal t’Alla li tasal għandek u għalhekk l-Appostli talbu lil Ġesù: ‘Kattar fina l-fidi!’
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta