Il-Ħamis, 27 ta’ Novembru 2014: Anke fost tant diffikultajiet, in-Nisrani m’għandux iċedi u jinħakem mid-dipressjoni, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa wissa li l-korruzzjoni u d-distrazzjoni jbegħduna mil-laqgħa mal-Mulej.
Għall-omelija tiegħu l-Papa ħa spunt minn żewġt ibliet – Babilonja u Ġerusalemm – li naqraw dwarhom fl-ewwel qari meħud mill-Apokalissi u fl-Evanġelju skont San Luqa.
Il-Papa osserva li ż-żewġ siltiet jiġbdulna l-attenzjoni dwar it-tmiem tad-dinja tagħna. U biex nimmeditaw, ikellmuna dwar it-tiġrif ta’ żewġt ibliet li ma laqgħux lill-Mulej, li tbiegħdu minnu. It-tiġrif ta’ dawn iż-żewġt ibliet, innota l-Papa, hu riżultat ta’ raġunijiet differenti. Babilonja hi s-simbolu tal-ħażen, tad-dnub, u tiġġarraf minħabba l-korruzzjoni. Kienet tħossha sid tad-dinja u tagħha nnifisha. U meta jinġema’ d-dnub, widdeb il-Papa, tintilef il-ħila li wieħed jirreaġixxi… u jibda t-taħsir. Wara kollox, kompla jgħid, hekk jiġri lill-persuni korrotti għax ma jkollhomx il-forza li jirreaġixxu.
Għax il-korruzzjoni ttik ftit tal-ferħ, ittik il-poter, u biha tħossok sodisfatt bik innifsek: ma tħallix wisa’ għall-Mulej, għall-konverżjoni. Il-belt korrotta… U din il-kelma ‘korruzzjoni’ llum tgħidilna ħafna: mhux biss korruzzjoni ekonomika, imma korruzzjoni b’tant dnubiet differenti, korruzzjoni b’dak l-ispirtu pagan, b’dak l-ispirtu mondan. Il-korruzzjoni l-aktar kerha hi l-ispirtu tal-mondanità!
Din il-kultura korrotta, żied jgħid, iġġiegħlek tħossok qisek fis-Sema hawn fl-art, mimli bl-abbundanza. Imma f’dik il-kultura korrotta hemm kultura li tinten. Fis-simbolu ta’ din il-Babilonja hemm kull soċjetà, kull kultura, kull persuna li tbiegħdet minn Alla, li tbiegħdet ukoll mill-imħabba tal-proxxmu, li tispiċċa biex titħassar.
Ġerusalemm, kompla jgħid il-Papa, tiġġarraf minħabba raġuni oħra. Ġerusalemm hija l-għarusa tal-Mulej, imma ma tindunax biż-żjarat tal-Għarus. Lill-Mulej ġegħlitu jibki.
Babilonja taqa’ minħabba l-korruzzjoni; Ġerusalemm taqa’ minħabba d-distrazzjoni, għax ma laqgħetx lill-Mulej li ġie biex isalvaha. Ma ħassitx il-bżonn tas-salvazzjoni. Kellha l-kitbiet tal-Profeti, ta’ Mosè u dan għaliha kien biżżejjed. Imma kitbiet magħluqin! Ma kinitx tħalli wisa’ biex tkun salvata: kellha l-bibien magħluqin għall-Mulej! Il-Mulej kien iħabbat fuq il-bieb tagħha, imma ma kellhiex disponibbiltà li tilqgħu, li tisimgħu, li tħallih isalvaha. U taqa’…
Dawn iż-żewġ eżempji, osserva Franġisku, għandhom jgħinuna nirriflettu fuq ħajjitna: aħna nixbhu lil Babilonja korrotta u mimlija biha nfisha, jew lil Ġerusalemm distratta? Madankollu, il-messaġġ tal-Knisja llum il-ġurnata ma jintemmx bid-distruzzjoni: fiż-żewġ testi hemm wegħda ta’ tama.
Ġesù, afferma l-Papa, iħeġġiġna biex ngħollu rasna u ma nħallux lill-pagani jbeżżgħuna. Dawn, żied jgħid, għandhom l-aġendi tagħhom u aħna għandna nissaportuhom bil-paċenzja kif il-Mulej issaporta l-Passjoni tiegħu.
Meta naħsbu fit-tmiem, bid-dnubiet tagħna kollha, bl-istorja tagħna, naħsbu dwar l-ikla li se tingħatalna b’xejn u ngħollu rasna ’l fuq. Ebda dipressjoni: tama! Imma r-realtà hija kerha: hemm tant u tant popli, bliet, nies, tant nies, li qed isofru; tant gwerer, tant mibegħda, tant għira, tant mondanità spiritwali u tant korruzzjoni. Iva, hu minnu, dan kollu għad jaqa’! Imma nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu lesti għall-ikla li qed tistenniena, b’rasna dejjem merfugħa ’l fuq.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta