Il-Papa f’Dar Santa Marta: Il-qaddisin moħbija fil-ħajja ta’ kuljum jagħtu t-tama

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 4 ta’ Diċembru 2014: Jeżistu bosta qaddisin moħbija: nisa, missirijiet u ommijiet ta’ familja, morda, saċerdoti li ta’ kuljum iqiegħdu fil-prattika l-imħabba ta’ Ġesù. Dan kollu jnissel it-tama, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-veru Nisrani hu dak li jqiegħed fil-prattika l-Kelma t’Alla.  Mhux biżżejjed li ngħidu li għandna l-fidi.  Fil-kummenti dwar il-Vanġelu tad-dar mibnija fuq il-blat jew fuq ir-ramel, il-Papa Franġisku jistedinna biex ma nkunux Insara tal-apparenza, Insara bil-makeup, għax appena tinżel ftit xita, il-makeup  jgħib.

Mhux biżżejjed li nkunu niffurmaw parti minn familja Kattolika ferventi, jew minn xi assoċjazzjoni, jew li nkunu benefatturi, jekk ma nimxux skont ir-rieda ta’ Alla.  Hemm tant Insara tal-apparenza, osserva l-Papa, li jiġġarrfu mal-ewwel tentazzjoni, għax fihom m’hemmx sustanza, bnew fuq ir-ramel.

Iżda mbagħad hemm ħafna qaddisin fil-‘poplu t’Alla’  – mhux bilfors kanonizzati, imma qaddisin – tant nisa u rġiel li jqiegħdu fil-prattika l-imħabba ta’ Ġesù.  Tant minnhom! Huma bnew darhom fuq il-blata li hi Kristu.

Naħsbu ftit f’dawk li huma l-iżgħar, qal Franġisku, il-morda li joffru t-tbatijiet tagħhom għall-Knisja, għall-oħrajn.  Naħsbu ftit f’tant anzjani waħedhom, li jitolbu u joffru.  Naħsbu ftit dwar tant ommijiet u missirijiet li jmexxu l-familja b’tant sagrifiċċji biex jedukaw lil uliedhom, bix-xogħol ta’ kuljum, bil-problemi, imma dejjem bit-tama f’Ġesù; ma jiddandnux imma jagħmlu dak li jistgħu.

Dawn huma l-qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, esklama l-Papa.  Naħsbu ftit dwar tant saċerdoti li ma jidhrux imma jaħdmu fil-parroċċi tagħhom b’tant imħabba: il-katekiżmu lit-tfal, il-kura tal-anzjani, tal-morda, it-tħejjija tal-għarajjes għaż-żwieġ…  U kuljum l-istess, l-istess rutina.   Ma jiddejqux għax il-pedament tagħhom jinsab fuq il-blat.  Huwa Ġesù.  Dan jagħti l-qdusija lill-Knisja, u dan inissel it-tama!

Jeħtieġ li naħsbu ħafna dwar din il-qdusija moħbija li għandna fil-Knisja, afferma Franġisku, Insara li jibqgħu f’Ġesù.  Midinbin, eh?  Ilkoll aħna midinbin.  U xi kultant dawn l-Insara jaqgħu f’xi dnub kbir, imma jindmu, jitolbu maħfra.  U din hi ħaġa kbira: il-ħila li nitolbu maħfra, li ma nħalltux id-dnub mal-virtù, li nkunu nafu sewwa fejn hi l-virtù u fejn hu d-dnub.  Dawn in-nies huma mibnijin fuq il-blat, il-blata li hi Kristu.  Jimxu fit-triq ta’ Ġesù, jimxu warajH.

Is-suppervi, il-vanitużi, l-Insara tal-apparenza – saħaq il-Papa – għad ikunu mirbuħa, umiljati, filwaqt li l-foqra se jkunu dawk li jittrijonfaw:  il-foqra fl-ispirtu, dawk li quddiem Alla jħossu x-xejn tagħhom;  l-umli, li jimxu lejn is-salvazzjoni għax iqiegħdu fil-prattika l-Kelma tal-Mulej.

Illum hawn u għada m’aħniex, żied il-Papa, li kkwota lil San Bernard li qal: ‘Aħseb, bniedem, x’għad jiġri minnek: ikel għad-dud.’  Jikluna d-dud, ilkoll kemm aħna, fakkar il-Papa.  Jekk ma jkollniex din il-blata, nispiċċaw mirfusin.

F’daż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied nitolbu lill-Mulej li nkunu b’saqajna fuq il-blata li hi Hu.  It-tama tagħna hi Hu. Aħna lkoll midinbin, aħna dgħajfin, imma jekk inqiegħdu t-tama tagħna fiH, inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.

Dan hu l-ferħ tan-Nisrani: li jaf li fiH hemm it-tama, hemm il-maħfra, hemm il-paċi, hemm il-ferħ.  U ma nqegħdux it-tamiet tagħna f’affarijiet li llum hawn u għada jispiċċaw.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Leave a Reply