It-Tnejn, 16 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Alla hu nnamrat minna u aħna l-ħolma ta’ mħabbtu. Ebda teologu ma jista’ jispjega dan, kull ma nistgħu nagħmlu hu li nibku bil-ferħ. Fi ftit kliem dan kien il-messaġġ li wassal il-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=FrZQG_LH_O4&w=560&h=315%5D
Fil-qari meħud mill-Profeta Iżaija, il-Mulej jgħid li se joħloq smewwiet ġodda u art ġdida. B’dan f’moħħu l-Papa tenna li t-tieni ħolqien ta’ Alla huwa isbaħ mill-ewwel wieħed, għax meta l-Mulej iġedded id-dinja rvinata mid-dnub, jagħmel dan f’Ġesù Kristu. F’dan it-tiġdid ta’ kollox Alla juri l-ferħ immens tiegħu.
Naraw li l-Mulej hu mimli b’tant entużjażmu. Jitkellem dwar il-ferħ u jgħid kelma waħda: ‘Se nifraħ bil-poplu tiegħi.’ Il-Mulej jiftakar f’dak li fi ħsiebu jagħmel, li Hu nnifsu se jifraħ fil-poplu tiegħu. Qisha din kienet ħolma tal-Mulej. Il-Mulej joħlom, għandu l-ħolm tiegħu, il-ħolm tiegħu fuqna. ‘Kemm se jkun sabiħ meta nkunu lkoll flimkien, meta nsib li dik il-persuna jew l-oħra tibda timxi miegħi… Jien nifraħ f’dak il-waqt!
Biex nagħti eżempju ħalli jgħinna nifhmu dan, ngħid li Alla jaħseb bħalma jaħsbu n-namrati fuq xulxin: imma meta se nkunu flimkien, meta se niżżewġu? Din hi l-ħolma t’Alla.
Alla, kompla jgħid il-Papa, jaħseb f’kull wieħed u waħda minna u jaħseb it-tajjeb, iħobbna, joħlom bina, joħlom bil-ferħ li Hu għad jaqsam magħna. Għalhekk il-Mulej irid jerġa’ joħloqna mill-ġdid, iġeddilna qalbna, joħloq fina qalb ġdida biex tkun tista’ tittrijonfa fil-ferħ.
Ħsibt dwar dan?, staqsa l-Papa. Il-Mulej joħlom bija! Jaħseb fija! Jien ninsab fi ħsiebu, fil-qalb tal-Mulej! Il-Mulej għandu ħila jibdillli ħajti! U jagħmel tant pjanijiet: nibnu djar, inħawlu dwieli, nieklu flimkien… Tant immaġinazzjoni li għandhom biss in-namrati. B’hekk il-Mulej juri li hu nnamrat mill-poplu tiegħu… meta lill-poplu tiegħu jgħidlu: ‘Imma jien m’għażiltekx għax int l-aktar potenti, l-akbar, l-aktar b’saħħtek. Jien għażiltek għax int l-iżgħar fost kulħadd.’ U nistgħu nżidu: ‘l-aktar miżerabbli fost kulħadd. Jien hekk għażiltek.’ Din hi l-imħabba!
Alla hu nnamrat minna, kompla l-Papa hu u jikkummenta s-silta tal-Vanġelu dwar il-fejqan ta’ bin l-uffiċjal tas-sultan. Nemmen, qal Franġisku, li ebda teologu ma jista’ jispjegah dan. Ma nistgħux nispjegawh. Fuq dan kull ma nistgħu nagħmlu hu li naħsbu, inħossuh u nibku bil-ferħ.
Il-Mulej jista’ jibdilna. U x’għandi nagħmel? Nemmen. Nemmen li l-Mulej jista’ jibdilna, li Hu qawwi. Kif għamel mal-iben marid ta’ dak ir-raġel, kif rajna fil-Vanġelu: ‘Sinjur, ejja qabel ibni jmut.’ ‘Mur, ibnek ħaj!’
Dak ir-raġel emmen il-kelma ta’ Ġesù u telaq. Emmen. Emmen li Ġesù kellu s-setgħa li jibdel lil ibnu, is-saħħa fiżika ta’ ibnu. U rebaħ. Il-fidi tfisser li nagħtu wisa’ lil din l-imħabba t’Alla u nagħtu wisa’ lill-qawwa, lill-poter ta’ Alla u mhux lill-poter ta’ xi ħadd li għandu ħafna setgħa dinjija, imma lill-poter ta’ dak li jħobbni, li hu nnamrat minni u jrid jaqsam il-ferħ miegħi.
Din hi l-fidi. Dan ifisser li temmen: li tagħti wisa’ lill-Mulej biex jiġi u jibdlek, temm Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija