It-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Il-Knisja hija d-dar ta’ Ġesù, dar tal-ħniena li tilqa’ lil kulħadd, u għalhekk mhix post fejn l-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għal min ikun irid jidħol. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan.
Kien messaġġ li l-Papa rrepetieh kemm-il darba fil-passat: il-messaġġ li Ġesù jiftaħ il-bibien għal kull min irid ifittxu u speċjalment għal dawk li huma bogħod minnu. Imma l-Papa żied li hu jiddispjaċih li xi Nsara jagħlqu l-bieb għal min imur iħabbat fuq il-bieb tal-Knisja. Filwaqt li Kristu joffri ħniena sħiħa, dawk li jistqarru li jemmnu fiH xi drabi jonqsu lejH għax jagħlqu l-bieb għall-oħrajn.
Il-Papa żviluppa l-omelija tiegħu mill-ħsieb tal-ilma li hu l-protagonist tal-qari tal-lum. Franġisku qal li dan hu ilma li jfejjaq, hu u jikkummenta dwar in-nixxiegħa tal-ilma ħierġa mit-tempju li nsibu deskritta mill-Profeta Eżekjel. Nixxiegħa li ssir xmara kbira mimlija ħut u li għandha s-setgħa li tfejjaq lil kulħadd.
Fil-Vanġelu mbagħad, ħdejn l-ilma tal-għadira ta’ Betsajda, naraw raġel ipparalizzat u qalbu sewda, bilqiegħda. Il-Papa qal li dar-raġel kien xi ftit għażżien u qatt ma sab mod kif jintefa’ fl-ilma biex jikseb il-fejqan.
Minflok, Ġesù jfejqu u jistiednu biex jibqa’ miexi. Imma dan iqanqal il-kritika tad-dutturi tal-liġi għax il-fejqan seħħ fil-jum tas-Sibt. Din hi ħrafa li llum il-ġurnata narawha tittenna bosta drabi.
Raġel, mara li jsibu li huma morda f’ruħhom, qalbhom sewda, li għamlu bosta żbalji f’ħajjithom, f’xi waqt iħossu l-ilma qed jiċċaqlaq – l-Ispirtu s-Santu jkun qed iċaqlaq xi ħaġa fihom, jew jisimgħu xi kelma. Jagħmlu l-kuraġġ u jersqu. U kemm-il darba fil-komunitajiet Insara se jsibu l-bieb magħluq!
‘Int ma tistax, ma tistax tidħol. Dnibt u ma tistax tidħol. Jekk trid tiġi, ibda ejja l-quddies il-Ħadd, imma daqshekk, s’hemm tista’ tasal.’ Allura dak Ii joħloq l-Ispirtu s-Santu fil-qlub tal-bnedmin, jeqirduh dawk l-Insara li għandhom il-mentalità tal-imgħallmin tal-liġi.
Dan lili jweġġagħni, stqarr il-Papa, filwaqt li tenna li l-Knisja għandha dejjem iżżomm il-bibien tagħha miftuħin.
Hija d-dar ta’ Ġesù u Ġesù jagħti merħba lil kulħadd. U mhux biss jilqa’, imma joħroġ Hu biex jara lin-nies, l-istess bħalma għamel meta mar ifittex lil dar-raġel. U jekk in-nies iweġġgħu, mela Ġesù x’jagħmel? Iċanfarhom għax huma mweġġgħin? Le! Jiġi u jgħabbihom fuq spallejH. Din insejħulha ħniena. U meta Alla jċanfar lill-poplu tiegħu – ‘ħniena rrid u mhux sagrifiċċju’ – dwar dan qed jitkellem.
Int min int, kompla l-Papa, biex tagħlaq il-bieb ta’ qalbek lil bniedem li jrid jirranġa, li jrid jingħaqad mill-ġdid mal-poplu t’Alla għax l-Ispirtu s-Santu qanqallu qalbu?
Ir-Randan, temm l-omelija l-Papa Franġisku, jgħinna nevitaw li nirrepetu l-istess żball ta’ min iħares biċ-ċiera lejn l-imħabba ta’ Ġesù mal-paralitiku, sempliċement għax kienet tmur kontra l-liġi.
Matul il-quddiesa llum insejħu lill-Mulej biex jagħti lil kull wieħed u waħda minna, u lill-Knisja kollha, il-konverżjoni lejn Ġesù. B’hekk il-liġi tilħaq il-milja tagħha għax il-liġi hi l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li nħobbuh bħalma nħobbu lilna nfusna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija