Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja. Raġel u Mara II


14. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 22 t’April 2015

Għeżież ħuti,

Fil-katekeżi tal-ġimgħa li għaddiet dwar il-familja, tkellimt fuq l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, fejn hemm miktub: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (1:27).

Il-lum nixtieq inkompli b’din ir-riflessjoni bit-tieni rakkont, li nsibuh fit-tieni kapitlu. Hawn naqraw li l-Mulej, wara li ħalaq is-sema u l-art, “sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja” (2:7). Hu l-quċċata tal-ħolqien. Imma jonqos xi ħaġa: imbagħad Alla qiegħed lill-bniedem fi ġnien sabiħ ħafna biex jikkultivah u jieħu ħsiebu (ara 2:15).

L-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ il-Bibbja kollha, jissuġġerilna għal waqt wieħed ix-xbieha ta’ raġel waħdu – nieqes minn xi ħaġa –, bla mara. U jissuġġerixxi l-ħsieb ta’ Alla, kważi s-sentiment ta’ Alla li jħares lejh, li josserva lil Adam waħdu fil-ġnien: hu ħieles, hu sid,… imma jinsab waħdu. U Alla jara li dan “m’hux sewwa”: qisu nuqqas ta’ komunjoni, tonqsu xi ħaġa, nuqqas ta’ xi ħaġa sħiħa. “M’hux sewwa”, jgħid Alla, u jżid: “Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih” (2:18).

Għalhekk Alla jqiegħed quddiem ir-raġel il-bhejjem kollha; ir-raġel jagħti lil kull annimal l-isem tiegħu – u din hi xbieha oħra li turi li l-bniedem jaħkem fuq il-ħolqien –, imma fl-ebda annimal ma jsib xebh jaqbel miegħu. Ir-raġel jibqa’ miexi waħdu. Meta sa fl-aħħar Alla jippreżentalu l-mara, ir-raġel jagħraf kollu ferħan li dik il-ħlejqa, u dik biss, hi parti minnu: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi” (2:23). Sa fl-aħħar huma mera ta’ xulxin, hemm reċiproċità. Meta persuna – dan eżempju biex nifhmu tajjeb dan li qed ngħid – tkun trid tagħti idha lil xi ħadd ieħor, dan irid ikun qiegħed quddiemha: jekk wieħed joħroġ idu u m’għandu lil ħadd quddiemu, idu tibqa’ hemm…, tkun tonqsu r-reċiproċità. Hekk kien ir-raġel, kellu xi ħaġa nieqsa biex seta’ jasal għall-milja, kienet tonqsu r-reċiproċità. Il-mara m’hix “replika” tal-bniedem; ġejja direttament mill-ġest ħallieq ta’ Alla. Ix-xbieha tal-“kustilja” bl-ebda mod ma tesprimi xi inferjorità jew subordinazzjoni, imma, għall-kuntrarju, turi li r-raġel u l-mara huma mill-istess sustanza u kumplimentari għal xulxin, u li għandhom ukoll din ir-reċiproċità. U l-fatt li – dejjem fil-parabbola – Alla jsawwar il-mara waqt li r-raġel ikun rieqed, aktar u aktar juri li hi bl-ebda mod m’hi ħlejqa tar-raġel, imma ta’ Alla. Dan jissuġġerixxi wkoll ħaġa oħra: biex isib lill-mara – u, nistgħu ngħidu, biex isib l-imħabba fil-mara –, ir-raġel l-ewwel irid joħlomha u mbagħad isibha.

Il-fiduċja ta’ Alla fir-raġel u l-mara, li f’idejhom jafda l-art, hi ġeneruża, diretta, u sħiħa. Jafda fihom. Imma hawn il-ħażin isefsef f’moħħhom is-suspett, id-dubju, l-isfiduċja. U fl-aħħar, iwassalhom biex ma jobdux dak l-istess kmandament li kien jipproteġihom. Jaqgħu fid-dellirju ta’ l-omnipotenza li jħammeġ kollox u jfarrak l-armonija. Anki aħna nħossuh ġewwa fina ħafna drabi, kollha kemm aħna.

Id-dnub inissel is-suspett u l-firda bejn ir-raġel u l-mara. Ir-rabta ta’ bejniethom tisfa’ mhedda minn kull xorta ta’ abbuż tal-poter u tjassir, ta’ seduzzjoni qarrieqa u ta’ prepotenza umiljanti, sa dawk l-iżjed drammatiċi u vjolenti. L-istorja ġġorr fiha dawn il-marki. Ejja naħsbu, ngħidu aħna, fl-eċċessi negattivi tal-kulturi patrijarkali. Naħsbu fl-għadd ta’ forom ta’ maskiliżmu fejn il-mara kienet meqjusa tat-tieni klassi. Naħsbu fl-istrumentalizzazzjoni u l-bejgħ tal-ġisem femminili fil-kultura medjatika tal-lum. Imma naħsbu wkoll fl-epidemija riċenti ta’ sfiduċja, ta’ xettiċiżmu, u saħanistra ta’ ostilità li qed tixtered fil-kultura tagħna – b’mod partikulari ibda minn diffidenza ċara fil-konfront tan-nisa – lejn l-idea ta’ patt bejn raġel u mara li fl-istess waqt hi kapaċi ssaħħaħ l-intimità tal-komunjoni u tħares id-dinjità tad-differenza.

Jekk ma nsibux mod kif inżommu ħajja s-simpatija għal dan il-patt, li jista’ jkennen il-ġenerazzjonijiet il-ġodda mill-isfiduċja u l-indifferenza, l-ulied sa jkomplu jiġu fid-dinja dejjem iżjed maqtugħin minnha sa mill-istess ġuf ta’ l-omm. L-isvalutazzjoni soċjali tal-patt stabbli u ġenerattiv tar-raġel u tal-mara ċertament hu telfa għal kulħadd. Hemm bżonn nerġgħu nonoraw iż-żwieġ u l-familja! Il-Bibbja tgħidilna ħaġa tassew sabiħa: ir-raġel isib lill-mara, jiltaqgħu u r-raġel irid iħalli xi ħaġa biex jista’ jsibha b’mod sħiħ. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu biex jingħaqad magħha. Kemm hi sabiħa! Dan ifisser li jrid jibda triq ġdida. Ir-raġel hu kollu kemm hu għall-mara u l-mara hi kollha kemm hi għar-raġel.

Il-ħarsien ta’ dan il-patt ta’ bejn ir-raġel u l-mara, anki jekk midinba u miġruħa, imħawda u umiljati, sfiduċjati u dubjużi, hu għalhekk għalina li nemmnu vokazzjoni impenjattiva u appassjonanti, fil-ħajja tal-lum. L-istess rakkont tal-ħolqien u tad-dnub, fl-għeluq tiegħu, jagħtina ikona mill-isbaħ: “U l-Mulej Alla għamel lil Adam u ’l martu ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom” (Ġen 3:21). Hi xbieha ta’ ħlewwa li biha mexa ma’ dik il-koppja midinba, xbieha li tħallina b’ħalqna miftuħ: il-ħlewwa ta’ Alla mar-raġel u mal-mara! Hi xbieha ta’ kif bi mħabba ta’ missier hu jħares il-koppja tal-bnedmin. Alla nnifsu jieħu ħsieb u jħares il-kapulavur tiegħu.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s