Niftakru dejjem fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù li bidlitilna ħajjitna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 24 ta’ April 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ġesù qatt ma jinsa l-jum li fih ikun iltaqa’ magħna l-ewwel darba.  Nitolbu lill-Mulej biex itina l-grazzja tal-memorja ħalli niftakru dan il-jum, dejjem. Dan kien l-awgurju tal-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=UymPWQJB1Q4?start=39&w=560&h=315%5D

Il-mod li Ġesù jagħżel biex jibdel il-ħajja tal-bniedem hi l-laqgħa.  Eżempju klassiku ta’ dan huwa Pawlu ta’ Tarsu, il-persekutur tal-Insara li, x’ħin wasal Damasku, kien diġà sar Appostlu.  Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar dan l-episodju ċelebri li ttina l-liturġija tal-lum biex jimraħ fuq il-ħafna epsiodji ta’ laqgħa li nsibu rakkuntati fil-Vanġeli.

Il-Papa tkellem dwar ‘l-ewwel laqgħa ma’ Ġesù, dik li tbiddel il-ħajja ta’ min ikun fil-preżenza tiegħU’:  Ġwanni u Indrì, li jibqgħu sa filgħaxija flimkien mal-Mulej; Xmun, li mill-ewwel isir ‘blata’ tal-komunità l-ġdida; u mbagħad, is-Samaritana, il-lebbruż li jmur lura jiżżi ħajr lill-Mulej għall-fejqan, il-mara marida bit-tnixxija tad-demm li fieqet għax missitlu l-mantell ….

Laqgħat deċiżivi li għandhom iġiegħlu lin-Nisrani jibqa’ jiftakar dejjem l-ewwel kuntatt li kellu ma’ Ġesù, qal Franġisku.

Hu ma jinsa qatt, imma aħna ninsew il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù.  Dan ikun homework tajjeb, li naħsbu: Imma meta ħassejt lill-Mulej qrib tiegħi bis-serjetà?  Meta ħassejt li kelli nibdel ħajti, jew li nsir aktar tajjeb, jew li naħfer lil xi persuna?  Meta ħassejt lill-Mulej jitlob xi ħaġa minni?  Meta ltqajt mal-Mulej?

Il-fidi tagħna hi laqgħa ma’ Ġesù.  Dan hu l-qofol tal-fidi: jien iltqajt ma’ Ġesù kif naqraw li għamel Sawlu fis-silta mill-Atti tal-Appostli li qrajna llum, osserva Franġisku.

Ninterpellaw lilna nfusna bis-serjetà, issuġġerixxa l-Papa, billi nistaqsuH: Meta għidtli xi ħaġa li bidlitli ħajti?  Jew: Meta stedintni biex nagħmel pass ‘il quddiem f’ħajti?

Din hi talba sabiħa u nirrikmanda li tagħmluha kuljum.  U meta tiftakar, ifraħ b’dik it-tifkira li hi tifkira ta’ mħabba.

Homework ieħor sabiħ hu li taqbad il-Vanġelu f’idejk u taqra tant stejjer li fihom issib kif Ġesù ltaqa’ man-nies, kif jagħżel lill-Appostli.  Forsi xi wieħed minn dawk ir-rakkonti jixbah lil tiegħi.  Kull wieħed u waħda minna għandna l-episodju partikolari tagħna.

U ma ninsewx lanqas, kompla l-Qdusija Tiegħu, li għal Kristu, il-ħbiberija li għandu magħna, hi ħbiberija privileġġjata, relazzjoni ta’ mħabba ta’ persuna ma’ oħra.

Nitolbu, temm il-Papa, il-grazzja tal-memorja.  Meta, Mulej, seħħet dik il-laqgħa, dik l-ewwel imħabba?  B’hekk ma nisimgħux dik iċ-ċanfira li l-Mulej jagħmel fl-Apokalissi: ‘Dan għandi kontrik, li inti nsejt l-ewwel imħabba.’

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading