Il-Ħamis 30 ta’ April 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
In-Nisrani hu mdaħħal fi storja ta’ dnub u ta’ grazzja dejjem bl-alternattiva quddiemu: jew iservi jew jinqeda b’ħutu l-bnedmin l-oħra – affermazzjoni magħmula mill-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=ik8iTEguL9s?start=39&w=560&h=315%5D
Fl-omelija l-Papa rrifletta fuq iż-żewġ identitajiet tan-Nisrani: l-istorja u s-servizz. L-ewwel l-istorja: San Pawl, San Pietru u l-ewwel dixxipli ma kinux iħabbru lil Ġesù mingħajr l-istorja; huma kienu jħabbru lil Ġesù mwaħħad mal-istorja tal-poplu, il-poplu li Alla ħalla jimxi għal sekli sħaħ qabel ma wasal għall-maturità, għall-milja taż-żminijiet. Alla jidħol fl-istorja u jimxi mal-poplu tiegħu.
In-Nisrani hu bniedem tal-istorja, għax mhux tiegħu nnifsu, imma hu parti minn poplu, poplu f’mixja. Ma nistgħux nimmaġinaw egoiżmu Nisrani, le, dan ma jgħoddx, qal il-Papa. In-Nisrani mhux raġel jew mara tal-laboratorju spiritwali imma raġel, mara spiritwali li jiffurmaw parti minn poplu li għandu storja twila u għadu għaddej f’mixja sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi.
Hija storja ta’ grazzja imma wkoll ta’ dnub. Kemm dnubiet, kemm offiżi! Anke llum Pawlu jsemmi lir-re David, il-qaddis. Imma qabel ma’ sar qaddis kien ukoll midneb kbir. L-istorja tagħna tieħu fuqha qaddisin u midinbin. Hija l-istorja tiegħi personali, ta’ kull wieħed u waħda minna. Ilkoll irridu nieħdu responsabbiltà ta’ dnubietna u tal-grazzja tal-Mulej li qiegħda magħna, li takkumpanjana fid-dnub biex taħfer u takkumpanjana wkoll fil-grazzja. M’hemmx identità Nisranija mingħajr storja.
It-tieni karatteristika tal-identità Nisranija hija s-servizz. Ġesù jaħsel saqajn l-Appostli u jistedinna nagħmlu bħalu: inservu.
L-identità Nisranija hija l-qadi mhux l-egoiżmu. Tgħiduli, qal il-Papa, ilkoll kemm aħna ftit jew wisq egoisti. Minnu. Imma hu dnub, hija drawwa li għandna ninqatgħu minnha. Nitolbu maħfra biex il-Mulej jikkonvertina. Aħna msejħin għall-qadi. Li tkun Nisrani mhix xi ħaġa tad-dieher jew xi atteġġjament soċjali, mhix li tagħmel ftit irtokk f’ruħek ħalli tagħmilha ftit isbaħ. Li tkun Nisrani jfisser li tagħmel dak li għamel Ġesù: isservi.
Il-Papa temm billi talabna nistaqsu lilna nfusna: F’qalbi x’qed nagħmel l-aktar? Irrid lil ħaddieħor jaqdini – ninqeda b’ħaddieħor, bil-komunità, bil-parroċċa, bil-familja tiegħi, bi ħbiebi – jew inservi u nqiegħed is-servizz tiegħi għall-użu tal-oħrajn?
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija