Smajtu jikkarga b’widnejja!

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Kull darba li nisimgħu jirrakuntaha jqumli ġismi xewk xewk! Possibbli hawn min jasal li jagħmel dawn l-affarijiet? Possibbli hawn min hu daqshekk qalbieni fil-ħajja? Possibli! U tant kemm hija possibbli li dan ħuna għaddha minnha! U għadu ħaj biex jibqa’ jirrakkuntahielna!

Marru f’dan il-pajjiż biex iwasslulhom lil Ġesù Kristu. Mhux billi jindutrinawhom. Jew jilgħabuha tal-imgħallmin b’tali mod li jġagħlu lil min qiegħed jismagħhom iħossu xejn. Midneb. Mhu tajjeb għal xejn l-għaliex kollu dnub. Mhux bħalhom! Il-qaddisin! It-tajbin! Il-ġusti! U dan kollu l-għaliex jafu xi siltiet mill-Bibbja bl-amment!

Le! Marru fosthom biex iħobbuhom. Biex juruhom li lil Ġesù tħobbu billi taqdieħ. U taqdieh mhux l-għaliex toqgħod tgħid fuqu. Huwa qal: “Mhux kulmin jgħidli Mulej Mulej se jidħol fis-saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21). Imma, nistaqsi, għamluha r-rieda tal-Missier dawn it-talin? Ngħidlek iva! U ngħidielek b’konvinzjoni!

Ħallew lill-familja tagħhom. Saħansitra l-familja tal-Ordni li jappartjenu għaliha. Ħallew il-kumdità li toffri artna. Il-ħbieb. L-istudji. Ix-xogħol. Is-support kollu possibbli u li tista’ timmaġinaħ. U rikbu tlett ajruplani li ħaduhom ‘il bogħod, fil-qalba tal-Afrika. Ħaduhom fejn l-aktar kien hemm bżonn il-preżenza tagħhom. Fejn l-aktar kien hemm il-ħtieġa tal-Imħabba li għaliha huma taw ħajjithom bil-professjoni reliġjuża tagħhom.

U hu li, f’dak iż-żmien, ma kien iqis xejn. Li biċċa xogħol kien jidħol għaliha l-għaliex il-Mulej żejjnu bis-saħħa kollha ta’ raġel fl-aħjar tiegħu, talab lis-Superjuri biex iħalluh imur. U s-Superjuri rawħ daqshekk mimli ħeġġa li ried, bis-sempliċità tiegħu, jikkoverti kulfejn imur. Mhux l-għaliex jaqbad lin-nies minn għonqhom jew li jgħajjarhom “mitlufin!” Daqskemm billi jaqsam magħhom l-Imħabba li kien hemm tbaqbaq f’qalbu. L-imħabba tal-Imħabba. L-Imħabba li tgħid u li għadha tgħid: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).

U dan hu li għamel. Intefa’ b’ruħu u ġismu fl-għalqa tal-Mulej. Ħaddem it-talenti kollha li l-Mulej tah f’ġieħ u b’riħet is-Saltna ta’ Alla. It-twajjeb raġel ikkonsagrat intefa’ għall-proġetti b’risq in-nies tal-post. Għenhom kemm felaħ. Ħabbel rasu kemm seta’ iħabbilha. Saqqaf wiċċu ma’ bosta awtoritajiet, ekkleżjali u pubbliċi. Basta x-xogħol li kien qiegħed jagħmel b’risq il-fqar iseħħ. Ħa ħsieb għadd ta’ proġetti. Daħal f’diversi kummissjonijiet. X’jimporta! L-aqwa li jaqdi! L-aqwa li jtejjeb il-ħajja ta’ dawk li huwa ntbagħad iħobb u mhux isalva. Jisma’ u mhux jiġġuddika. Iserraħ il-qalb u mhux itaqqal il-kuxjenza tagħhom bi kliem kburi u arroganti f’Isem Ġesù Kristu!

U, f’jum minnhom, waqt li kien qiegħed jippjana kif se jwessa’ iżjed l-Imħabba mhux bil-paroli mejjet ta’ min ħsiebu jikkundanna imma ta’ min tabilħaqq irid iħobb minn qalbu, bil-fatti tal-ħniena, daħlu fuqu. Riedu l-flus li kien qiegħed iżomm. Mhux li kellu! Għaliex hu ma kellu xejn. U li kellu kien biex jingħataw u mhux biex iżommhom għalih.

Ħalliel minnhom ħeġġeġ lil sieħbu: Kill him! Kill him! Qalhielu għal darbtejn li ma jmurx jerġa’ idurlu. U sieħbu ordnalu jinżel għarkubbtejh fl-art bil-forza.. Tefa’ l-balla fir-rifle. Ikkargah. U, minn taħt il-għajn, ra xena li għadu mwaħħax biha sallum. Rah iva l-ħalliel ipoġġi subgħajh mal-grillu. Lest biex jispara. Lest biex itajjarlu rasu.

F’dak il-waqt talba waħda ġietu f’moħħu u f’qalbu. L-Att tal-Indiema. Beda jitlobha. Ħaseb li din kienet se tkun l-aħħar talba ta’ ħajtu qabel jitla’ quddiem il-Mulej. L-għaraq xaqq għalih. Ħatju f’din id-dinja kienet waslet biex tintemm. Sakemm ….  Ġara li ġara u l-pjanijiet inbiddlu.

U illum, kull meta naraħ, għadni nisimgħu jirrakkuntaha. U għandu jibqa’ jgħidha. Għaliex hija storja ta’ min iħobb bil-fatti. Ta’ min qalbu twasslu biex jagħti ħajtu. Ta’ min, bis-sempliċità li tgelgel minn qalbu, jikkonvinċik. Bla ma jlissen xebgħa paroli li jnaffrek.

Smajtu jikkarga b’widnejja!… Dak missjunarju!

Leave a Reply

%d bloggers like this: